Home Contact
 
150 Sena Fostna
Dingli and its Parish
   
Djarju 2011-2012
Progetti 2011-2012
150 Sena tal-Vara
Djarju 2012-2013
Progetti 2012-2013
   
ĦAD-DINGLI JFAKKAR IL-150 SENA TAL-ISTATWA TITULARI TA’ SANTA MARIJA

Il-festa titulari ta’ Ħad-Dingli f’Awwissu 2011 kienet waħda speċjali. Matulha tfakkar il-150 anniversarju mill-wasla fostna tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija, bil-programm ta’ attivitajiet intemm f’Diċembru. L-organizazzjoni kienet f’idejn il-Kappillan u l-Kumitat Festa Esterna li ħadmu id f’id ma’ għaqdiet u individwi oħra. Is-Segretarju tal-Kumitat Festa Esterna, MARIO MICALLEF, jagħti ħarsa dettaljata lejn il-programm ta’ attivitajiet li mmarkaw dan l-anniversarju.

Dak li seħħ f’Ħad-Dingli fl-1861: il-wasla tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija xogħol fl-injam mill-iskultur Rabti, Anton Busuttil, kien turija oħra tad-devozzjoni li l-poplu ta’ dan ir-raħal kellu lejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema. Aħna fid-dmir li nibqgħu nġeddu dik id-devozzjoni Marjana; kif kiteb is-saċerdot Għawdxi Dun George Mercieca fil-versi tal-Innu Marċ:

Ejjew kollha Dinglin mela ngħannu
Għanja ġdida lil Ommna Marija,
U ninsġulha kuruna ta’ mħabba
U ta’ ward f’dal-jum kbir għalenija.

Kien f’dan l-ispirtu li l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli organizzat sensiela ta’ attivitajiet u inizjattivi biex tfakkar il-150 anniversarju tal-istatwa titulari. L-attivitajiet bdew b’Serata Marjana fil-knisja nhar l-1 ta’ Novembru, 2010; f’għeluq is-60 sena tad-domma tal-Assunta. Ta’ min isemmi li l-parroċċa ħasbet li tfakkar dan l-anniversarju bi proġett li ma jkunx tal-mument, iżda li jibqa’. F’dan l-isfond ntgħażel il-proġett taċ-ċentru parrokkjali l-ġdid li ġei inawgurat nhar l-1 ta’ Mejju, 2011 bħala r-rigal mid-Dinglin għad-Dinglin f’din l-okkażjoni.

Il-festa titulari ta’ Santa Marija - 5 sal-21 ta’ Awwissu, 2011

Fil-programm tal-festa mifrux fuq sbatax-il ġurnata ttieħdu bosta inizjattivi ġodda u l-għaqdiet tal-parroċċa kellhom sehem akbar fiċ-ċelebrazzjonijiet li saru. F’jiem differenti tal-kwindiċina ta’ Santa Marija ġew mistiedna l-ex-Kappillani ta’ Ħad-Dingli, b’sens ta’ apprezzament lejn is-servizz li huma taw u d-devozzjoni li xerrdu lejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema. Barra minn hekk, f’żewġ okkażjonijiet speċjali kellna fostna żewġ isqfijiet: l-Arċisqof Emeritus ta’ Malta, Mons. Ġużeppi Mercieca, u l-Isqof Awżiljarju ta’ Tirana-Durres fl-Albanija, Mons. George A. Frendo O.P.

Billboard ta' Santa Marija fit-Triq tar-Rabat

Il-Kumitat Festa Esterna, li hu l-organu tal-parroċċa responsabbli mill-festa ta’ barra f’dak kollu li titlob, ħadem fuq numru ta’ inizjattivi biex dan l-anniversarju jitfakkar kif inhu xieraq. Minn xahar qabel il-festa, mal-faċċata tal-Knisja twaħħlu s-snin marbuta ma’ dan l-anniversaju: l-1861 u l-2011 li nxtegħlu kull filgħaxija. Saru wkoll bnadar apposta bix-xbieha tal-istatwa titulari u l-logo kommemorattiv, li ttellgħu mal-arbli fit-triq ta’ quddiem il-knisja. Il-kumitat ikkoordina wkoll kampanja qawwija ta’ promozzjoni għal dan l-anniversarju u għall-festa titulari. Mir-raba’ ġimgħa ta’ Lulju ttellgħu bill-boards f’toroq ewlenin: il-Marsa, l-Imsida, taħt it-telgħa tas-Saqqajja fir-Rabat u oħra fil-bidu tat-telgħa ta’ Ħad-Dingli. Bill-board ieħor b’ritratt kbir tal-istatwa titulari żejjen Triq il-Kbira f’Ħad-Dingli. Il-kampanja ta’ promozzjoni kompliet b’sehem qawwi fil-media, b’artikli f’ġurnali u parteċipazzjoni fi programmi fuq ir-radju u t-television. Il-qofol intlaħaq nhar il-festa filgħaxija meta ċ-ċelebrazzjoni tal-festa xxandret dirett fuq NET Television. B’hekk ħallejna tifkira awdjo-viżiva tal-festa tagħna u tajna ċ-ċans lill-anzjani u l-morda li ma joħorġux mid-dar jew jinsabu rikoverati f’xi residenza jew sptar, kif ukoll lill-persuni li għal raġuni jew oħra ma setgħux igawdu l-festa magħna, fosthom anke lill-emigranti Dinglin, biex isegwu dirett iċ-ċelebrazzjoni tal-festa filgħaxija.

Fil-qasam tal-armar, mill-proġetti kollha li saru s-sena li għaddiet xtaqt insemmi wieħed li għandu rilevanza ma’ dan l-artiklu. Il-kumitat ħa ħsieb li jsir ir-restawr, iż-żebgħa u l-induratura ta’ żewġ anġli li sal-1934 kienu mal-istatwa titulari. F’dik is-sena, dawn l-anġli li kienu saru mal-istatwa fl-1861, inbidlu ma’ tnejn ġodda. F’dan l-anniversarju, il-kumitat ħass li għandu jesponi l-anġli oriġinali ta’ mal-istatwa titulari u jarmahom mal-faċċata tal-knisja parrokkjali, fejn diġa kienu jintramaw żewġ anġli żgħar oħra. Dan ix-xogħol ġie apprezzat ħafna.

Il-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru li nħaraq fl-aħħar tliet ijiem tal-festa nxtara kollu mill-Kumitat Festa Esterna mingħand l-Għaqda tan-Nar 23 ta’ April ta’ Ħal Qormi. Għal dan l-anniversarju speċjali, bil-għajnuna ta’ xi benefatturi seta’ jinxtara aktar logħob tan-nar għal waqt il-purċissjoni bl-istatwa titulari ta’ Santa Marija nhar il-festa filgħaxija.

Eżekuzzjoni tal-Innu l-Kbir - Alla Beata Vergine Maria

F’dan l-anniversarju speċjali, nhar il-festa filgħaxija, fid-dħul tal-purċissjoni l-Innu l-Kbir tkanta fil-verżjoni oriġinali, jiġifieri bit-Taljan. Mal-kor ingħaqdu dawk li matul is-snin kantaw il-parti solista tal-Innu l-Kbir, li ġeddew il-memorja ta’ meta lissnu dawn il-versi ta’ tifħir lil Madonna.
L-għada tal-festa, għall-ewwel darba ġiet organizzata inizjattiva flimkien bejn il-kappillani ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr, iż-żewġ parroċċi f’Malta ddedikati lill-Assunta li jiċċelebraw il-festa Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu. F’nofsinhar il-kappillan ta’ Ħad-Dingli, Dun Norman Zammit, kien fil-bajja tal-Ġnejna fejn mexxa t-talba tal-Angelus u wara ltaqa’ mal-parruċċani li kienu qed jiċċelebraw ix-xalata tal-festa. Miegħu kellu jkun hemm il-Kappillan tal-Imġarr, Dun Antoine Borg, li iżda ma setax jattendi minħabba luttu fil-familja.

L-anniversarju mfakkar fi żmien il-festa bl-avveniment “Ngħixu l-Istorja”

Festi tal-150 sena tal-istatwa titulari ta' Santa MarijaApparti dawn l-inizjattivi kollha, jibqa’ mnaqqax fil-memorja tal-poplu ta’ Ħad-Dingli l-avveniment tas-Sibt 13 ta’ Awwissu 2011, meta ġiet imfakkra l-ġrajja tal-1861 meta fir-raħal waslet l-istatwa titulari ta’ Santa Marija. L-istatwa nħadmet ir-Rabat u għalhekk it-tifkira tal-150 anniversarju mill-wasla fostna tal-istatwa kellha rabta ma’ din il-lokalita’. Fil-fatt, il-Ħamis 11 ta’ Awwissu filgħaxija, l-istatwa ttieħdet b’mod privat fil-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat, immexxija mill-patrijiet Dumnikani. Din il-knisja ntgħażlet għal bosta raġunijiet: kemm għaliex il-post hu Santwarju Marjan kif ukoll għaliex hemm rabta storika bejn din il-knisja u l-istatwa titulari ta’ Ħad-Dingli. Fil-fatt, fl-1934 meta sar l-ewwel intervent ta’ restawr u induratura mill-ġdid tal-istatwa, mill-Birgu l-istatwa ttieħdet ir-Rabat fejn kienet inżammet mgħottija fil-knisja tal-Madonna tal-Għar, qabel ma qabdet triqitha lejn Ħad-Dingli. Fit-tieni induratura, fl-1978, mill-Imdina l-istatwa ttieħdet sa ħdejn din l-istess knisja u minn hemmhekk twasslet sa Ħad-Dingli akkumpanjata minn carcade ta’ karozzi.

Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Awwissu 2011, għexieren attendew bi ħġarhom għaċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa mmexxija mill-Kappillan Dun Norman Zammit fil-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat. Miegħu kkonċelebraw Monsinjur Louis Camilleri u xi patrijiet Dumnikani mill-istess kunvent. Il-quddiesa kienet animata mill-Kor Parrokkjali Regina Coeli, bis-sehem ukoll tal-grupp tal-abbatini. Fil-preżenza tal-istatwa titulari, il-miġemgħa talbet bl-interċessjoni ta’ Santa Marija, patruna speċjali tal-gżejjer Maltin. Wara, bdiet velja ta’ talb li kienet tinkludi wkoll il-funzjoni tal-Kwindiċina u fit-tmiem ingħatat il-Barka Sagramentali. Il-qari f’din il-velja kien ibbażat fuq talb Marjan li jingħad fil-velja annwali tal-Għid tal-Assunta quddiem is-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu f’Għawdex. Kemm il-quddiesa kif ukoll il-velja ta’ talb xxandru fi trasmissjoni diretta fuq Radju Marija.

L-għada, is-Sibt 13 ta’ Awwissu 2011, kienet il-ġurnata li ntgħażlet biex jitfakkar il-150 anniversarju mill-wasla fostna tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija. Dakinhar il-poplu ta’ Ħad-Dingli attenda bi ħġaru, iċċelebraq b’mod dinjituż u reġa’ għex l-istorja. Ftit qabel is-6.00 p.m., l-istatwa titulari ta’ Santa Marija nħarġet mill-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat u tgħabbiet fuq trakk provdut mill-kumpanija Borg Brothers tas-Siggiewi. Minn hemmhekk, qabdet triqtha lejn Ħad-Dingli akkumpanjata minn carcade ta’ vetturi. Madwar ħmistax-il minuta wara, l-istatwa feġġet fit-telgħa tar-raħal biex minn ħdejn l-Iskola Primarja folla numeruża tatha merħba sabiħa ħafna, bil-banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħad-Dingli ssellmilha bid-daqq tal-Ave Maria.

Mill-parti ċelebrattiva għaddejna għall-parti reliġjuża u spiritwali fejn minnufih wara li tniżżlet minn fuq it-trakk, ingħata bidu għal Pellegrinaġġ Marjan sal-knisja parrokkjali li matulu tlabna flimkien ir-Rużarju. Mal-wasla fuq iz-zuntier saret il-funzjoni tal-Kwindiċina. Għall-ħabta tas-7.15 p.m. bdiet iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa tal-okkażjoni minn fuq iz-zuntier li tmexxiet minn Mons George Frendo O.P., Isqof Awżiljarju ta’ Tirana-Durres fl-Albanija. Fit-tmiem, waqt li l-istatwa kienet dieħla lura fil-knisja tkanta l-Innu Popolari u nħaraq logħob tan-nar.

L-għeluq tal-attivitajiet b’Akkademja Mużiko-Letterarja

Mons Arċisqof Emeritus Ġiużeppi Mercieca waqt l-AkkademjaIl-programm tal-attivitajiet li fakkru l-150 anniversarju tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija ġie fi tmiemu nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru, 2011, b’Akkademja Mużiko-Letterarja fil-knisja. Dan l-avveniment ġab fi tmiemu sena ta’ attivitajiet li bdew b’Serata Marjana fil-knisja nhar l-1 ta’ Novembru 2010, f’għeluq is-60 anniversarju minn meta l-Papa Piju XII iddikjara bħala domma ta’ fidi li l-Madonna, wara li temmet il-ħajja fuq l-art, ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Fil-ħsieb oriġinali tal-organizzaturi kien hemm li l-għeluq taċ-ċelebrazzjonijiet tal-150 sena tal-istatwa titulari jsir ukoll fil-bidu ta’ Novembru 2011 iżda minħabba l-bidla fil-Kappillan ġie deċiż li dan isir fl-istess perjodu li l-Kappillan il-ġdid jingħata l-pussess tal-parroċċa. Hekk fil-fatt ġara, bl-Akkademja Mużiko-Letterarja saret tliet ijiem qabel ma’ l-Kappillan beda b’mod uffiċċjali l-ħidma pastorali tiegħu fostna. Għaldaqstant, il-knisja ġiet armata tajjeb ħafna għal dawn iż-żewġ okkażjonijiet sbieħ u l-istatwa titulari ta’ Santa Marija nħarġet min-niċċa.

Akkademja

L-Akkademja Mużiko-Letterarja saret taħt il-patroċinju tal-Eċċellenza Tiegħu l-Arċisqof Emeritus ta’ Malta, Monsinjur Ġużeppi Mercieca. Kif jindika l-programm, din l-okkażjoni kienet imżewqa b’xogħlijiet mużikali ta’ kompożituri u awturi Maltin u barranin. Din il-parti ġiet fdata f’idejn Maestro James Chappell ALCM LLCM, Maestro di Cappella tal-Parroċċa, li mexxa l-orkestra u l-Kor Parrokkjali Regina Coeli. Magħhom ingħaqdu t-tenur Charles Vincenti u s-sopran Karen Camilleri. Għall-parti letterarja nqraw xogħlijiet Marjani mill-pinna ta’ Dun George Mercieca u tal-poeta nazzjonali Dun Karm Psaila. Id-diskors tal-okkażjoni ġie fdat f’idejn Dun Edgar Vella, li hu l-Kuratur tal-Mużew tal-Katidral fl-Imdina u responsabbli mill-patrimonju artistiku tad-djoċesi. (Agħfas hawn għad-diskors ta' Dun Edgar). Fid-diskors, li qed nippubblikawh sħiħ fi tmiem dan l-artiklu, Dun Edgar għamel apprezzament artistiku tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija.

Programm:

Innu
(Wasla ta’ Mons. Arċisqof Emeritus)

Sacerdos et Pontifex

E Elgar

Introduzzjoni

Ħad-Dingli jfakkar : 150 sena fostna

Kappillan Dun Ewkarist Zammit

Tislima

Sancta Maria

J Schweitzer

Talba

Ave Maria

F Schubert

Poeżija

Lil Marija Assunta

Dun George Mercieca

Talba

Salve Regina

J Chappell

Diskors

Apprezzament artistiku tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija

Dun Edgar Vella

Tislima

Sliem Għalik Marija - Kullana ta’ Innijiet Marjani

versi :
Dun Karm Psaila
arr :
J Chappell

Poeżija

Innu lil Marija Tielgħa s-Sema

Dun Karm Psaila

Antifona

Virgo Prudentissima

A Sammut

Innu l-Kbir

Inno Alla Beata Vergine (verżjoni bil-Malti)

Mużika :
P Scicluna
Versi :
Dun Pawl Caruana

Qabel il-kant tal-Innu l-Kbir, Inno Alla Beata Vergine, studenti minn kull klassi tal-Kulleġġ San Nikola, Skola Primarja Ħad-Dingli, ġew ippremjati b’rikonoxximent għas-sehem tagħhom fit-tħaddim tal-valuri umani tat-tjubija u s-solidarjeta’. It-tfal premjati kienu: Martina Delmar Aquilina, Kayleigh Sammut, Ryan Zahra, Rachela Pace, Gabriella Borg, Graziella Busuttil u Christian Cassar. Wara, is-Sindku, is-Sur Ian Borg, f’isem il-Kunsill Lokali ta’ Ħad-Dingli għamel preżentazzjoni lill-Parroċċa. Qabel il-kant tal-Innu l-Kbir, l-Arċisqof Emeritus, Mons. Ġużeppi Mercieca, għamel kelmtejn tal-okkażjoni fejn ħeġġeġ lil dawk preżenti biex ikollhom devozzjoni qawwija u dejjiema lejn il-Madonna u jżommuha bħala mudell għal ħajja nisranija tajba.