Home Contact
 
Ahbarijiet
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Titwaqqaf il-Kummissjoni Tfal fil-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli

Kummissjoni Parrokkjali TfalHija xewqa tal-Arċisqof, Monsinjur Pawlu Cremona O.P., li f’kull parroċċa jkun hemm Kummissjoni Tfal.  S’issa twaqqfu madwar 10, fosthom fl-aħħar tnax-il xahar il-Kummissjoni Tfal f’Ħad-Dingli.  Il-Bord Editorjali stieden lill-membri tal-Kummissjoni Tfal biex jaqsmu magħna l-ħidma li qegħdin iwettqu fil-parroċċa u x’jaħsbu huma stess dwar din l-esperjenza ġdida fil-ħajja tagħhom.


Il-Kummissjoni Tfal hi ffurmata minn grupp ta' tfal mill-Parroċċa ta' Ħad-Dingli li l-għan ewlieni tagħha hu li tgħin lit-tfal jersqu aktar għand Ġesu’ u jkunu ħbieb ta’ xulxin. Permezz ta’ din il-ħidma, nixtiequ nisimgħu aktar mill-qrib dak li t-tfal jixtiequ jesprimu ħalli b’hekk it-tfal kollha jkunu aktar involuti fil-ħajja tal-parroċċa.

F’Ħad-Dingli, il-Kummissjoni Tfal twaqqfet uffiċċjalment nhar il-Ħadd, 11 ta' Novembru 2012, fil-quddiesa tad-9.30 a.m.  Kienet quddiesa verament sabiħa bis-sehem ta’ ħafna tfal Dinglin akkumpanjati mill-ġenituri, kif ukoll bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet tal-parroċċa.

Qabel it-tnedija uffiċċjali iżda, il-membri tal-kummissjoni kienu ħadu sehem waqt il-quddiesa ta’ jum it-tfal fil-kwindiċina tal-festa ta’ Santa Marija, is-sena li għaddiet.  Dakinhar fil-preżenza tal-Arċisqof, Monsinjur Pawlu Cremona O.P., il-Kappillan Dun Ewkarist Zammit kien ħabbar li fil-parroċċa se titwaqqaf il-Kummissjoni Tfal.  F’dik l-istess okkażjoni, il-membri tal-kummissjoni żifnu u kantaw kanzunetta li l-kliem tagħha ġie mogħti bħala rigal fi frame lill-Arċisqof.  Il-kliem tal-kanzunetta jirrifletti l-motto tal-Kummissjoni: “Tfal Dinglin ma’ Ġesu’ ferħanin”.

Kummissjoni Parrokkjali TfalOrganizzajna wkoll diversi mumenti speċjali bil-parteċipazzjoni ta' bosta tfal mill-parroċċa u ħriġna b'ideat ġodda għal waqt il-quddiesa biex inferrħu u nressqu iktar tfal lejn Ġesu'. Iċċelebrajna l-festi l-iktar importanti għall-Knisja bħall-Epifanija u l-Għid il-Kbir fost oħrajn, b'mod oriġinali u bil-parteċipazzjoni tal-għaqdiet kollha ta' Ħad-Dingli.

Permezz ta' dawn iċ-ċelebrazzjonijiet nissilna l-ħsieb biex it-tfal jgħinu lil min hu fil-bżonn filwaqt li jieħdu pjaċir. S'issa, tajna l-għajnuna tagħna lill-Istitut ta' Fra Diegu, lid-Dar tal-Providenza u għinna fil-proġett għat-tfal foqra fil-Kenja.

Il-membri tfal tal-kummissjoni huma Neil Attard, Miguel Mallia, Jack Micallef, Eric Montebello, Ryan Paul Vella, Elyse Baldacchino, Sarah Calafato, Leanne Farrugia, Raquel Hannah Theuma u Nicole Vassallo flimkien mal-Kappillan, tliet koppji adulti u persuna oħra li hi għalliema. Dawn jgħinu fit-tmexxija ta' din il-Kummissjoni.
 
Kummissjoni Parrokkjali TfalNistgħu ngħidu li l-ħidma tal-Kummissjoni Tfal intlaqgħet tajjeb ħafna fir-raħal tagħna. Fil-fatt ħafna nies jistaqsu għall-attivita' li jmiss biex ikunu jistgħu jattendu. Sibna wkoll ħafna koperazzjoni mill-Kunsill Lokali li għenna b'diversi modi. L-għaqdiet kollha ta’ Ħad-Dingli ipparteċipaw ukoll b'mod attiv fl-attivitajiet li ħejjejna.

L-attivitajiet tal-Kummissjoni huma organizzati b’mod speċjali għat-tfal kollha tar-raħal tagħna, imma nieħdu pjaċir naraw lil kulħadd jattendi. It-tfal kollha jistgħu jieħdu sehem fl-attivitajiet bħal pereżempju fil-kant, fl-offerti, fil-qari u kull ħaġa oħra li tkun qed issir.
 
It-tfal kollha kellhom ħafna x’jgħidu dwar din l-esperjenza li qed jgħixu flimkien:

“Għallmitni nersaq aktar lejn Ġesu’ u nħobb aktar lil ħaddiehor.” Neil Attard

“Tgħallimt li biex kulħadd ikollu ċans jieħu gost flimkien ma' Ġesu', għandi nagħti ċans lil ħaddieħor biex jipparteċipa hu wkoll.” Leanne Farrugia

 “Bnietli aktar il-karattru u għenitni naqsam it-talent tiegħi ma’ ħaddieħor. Għenitni nagħraf aktar il-karatteristiċi u t-talenti  tal-membri l-oħra tal-Kummissjoni.” Ryan Paul Vella

“L-aktar ħaġa li tferraħni hi li qed niġbdu iktar tfal lejn Ġesu' u li għandi ċ-ċans li nipparteċipa b'mod aktar sħiħ fil-quddiesa.” Raquel Hannah Theuma

“Għenitni nħossni aktar qrib ta' Ġesu’ filwaqt li nieħu pjaċir nipparteċipa waqt l-attivitajiet.” Miguel Mallia
 
“Tgħallimt naħdem aktar fi grupp għal skop wieħed: biex ikun ta' aktar gid għall-membri tal-Parroċċa tagħna speċjalment tfal oħra bħali.” Elyse Baldacchino

Kummissjoni Parrokkjali Tfal“Il-Kummissjoni Tfal għenitni nikber fil-ħajja tiegħi. Sirt naf li biex torganizza xi attivita' irid ikun hemm ħafna preparazzjoni.  Għalhekk qabel kull attivita' jkollna diversi laqgħat u rehearsals, imma b‘hekk sirt naf tfal oħra.” Jack Micallef

“Inħossni aktar viċin ta' Ġesu' u qed nieħu gost insir naf iktar tfal mill-Parroċċa.” Sarah Calafato

“Tatni l-opportunita’ nipparteċipa aktar fil-quddiesa.” Eric Montebello

“Nieħu gost nieħu sehem fl-attivitajiet ma' ħbiebi u nieħu gost inħeġġeġ iktar tfal jersqu lejn Ġesu'.” Nicole Vassallo
 

Għall-futur, aħna għandna ħafna ħolm. Fosthom nixtiequ li nilħqu aktar nies u tfal biex bħalna jħossu l-ferħ li jagħtina Ġesu’.  Nixtiequ wkoll li jkollna aktar opportunita' biex nitkellmu u niltaqgħu mat-tfal għax nemmnu li t-tfal kollha huma importanti għalina.

Xewqat oħra li għandna huma li: nieħdu sehem f'attivitajiet u logħob sportiv, norganizzaw attivitajiet oħra rikreattivi u anke nieħdu sehem f'reċti b'messaġġ.

Ix-xewqa tagħna hi li nieħdu sehem f'attivitajiet fejn niskopru u noffru t-talenti tagħna. Fl-aħħar mill-aħħar il-ħolma tal-Kummissjoni hi li Ħad-Dingli jkun raħal magħqud flimkien ma' Ġesu u ma’ ommna Marija li hija l-patruna speċjali tar-raħal tagħna.

Min jixtieq jikkomunika magħna jista’ juża l-indirizz elettroniku: ktdingli@gmail.com  Tistgħu tingħaqdu fil-paġna tagħna fuq facebook: Kummissjoni Tfal Ħad-Dingli.  Wieħed jista’ ikellem ukoll lill-Kappillan jew lil xi membru tal-kummissjoni.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.