Home Contact
 
Talb
   
Ir-Rit tal-Quddiesa
Hdud Sena Liturgika A
Hdud Sena Liturgika B
Hdud Sena Liturgika C
Liturgija tas-Sieghat
Laudi
Vespri
Kompieta
Ir-Ruzarju Mqaddes
Il-Misteri tal-Ferh
Il-Misteri tat-Tbatija
Il-Misteri tad-Dawl
Il-Misteri tal-Glorja
Kurunella ta' Santa Marija
Il-Bibbja
Talb Online
Kardinal Hume
Qalb ta' Gesu'
Numri t'Emergenza
In-Novena tal-Milied
L-Offerta ta' Kulljum
It-Triq tas-Salib
Laqgha ta' Talb
   
L-Ewwel Misteru tat-TbatijaL-Ewwel Misteru tat-Tbatija
Meta Sidna Ġesú Kristu għamel l-orazzjoni fl-ort u għereq l-għaraq tad-demm.

 
Imbagħad Ġesu’, flimkien mad-dixxipli tiegħu, wasal f’qasam, jgħidulu l- Ġetsemani, u qal lid-dixxipli tiegħu: “Oqogħdu bil-qiegħda hawn sa kemm immur nitlob.”  U ħa miegħu lil Pietru, u ż-żewġ ulied ta’ Żebedew, u beda jsewwed qalbu u jiddejjaq.  Imbagħad qalilhom: “Għandi ruħi mnikkta għall-mewt; ibqgħu hawn u ishru miegħi.”  Mexa kemmxejn ‘il quddiem, inxteħet wiċċu fl-art jitlob, u qal: “Missier, jekk jista’ jkun, biegħed minni dan il-kalċi! Imma mhux kif irrid jien, iżda kif trid int.”  Ġie ħdejn id-dixxipli u sabhom reqdin; u qal lil Pietru: “Mela ma flaħtux tishru siegħa waħda miegħi?  Ishru u itolbu biex ma tidħlux fit-tiġrib.  L-ispirtu, iva, irid; imma l-ġisem dgħajjef.”  Għat-tieni darba reġa’ mar jitlob, u qal: “Missier jekk dan il-kalċi ma jistax jgħaddi mingħajr ma nixorbu, tkun magħmula r-rieda tiegħek.”  Mill-ġdid ġie u sabhom reqdin, għax għajnejhom kienu tqal bin-ngħas.  Ħallihom, u reġa’ mar jitlob għat-tielet darba, u qal l-istess kliem.  Imbagħad ġie ħdejn id-dixxipli u qalilhom: “Issa se torqdu u tistrieħu?  Ara, is-siegħa waslet, u Bin il-Bniedem se jkun mogħti f’idejn il-midinbin.  Qumu! Ejjew immorru!  Araw, dak li se jittradini huwa fil-qrib.
Mattew 26: 36-46  
 
It-Tieni Misteru tat-TbatijaIt-Tieni Misteru tat-Tbatija
Meta Sidna Ġesú Kristu rabtuh mal-kolonna u ifflaġellawh.

 
Imbagħad qamet il-ġemgħa kollha u marru bih għand Pilatu.  U bdew jakkużawh u jgħidu: “Aħna sibna li dan il-bniedem qiegħed ixewwex lill-ġens tagħna, li mhuwiex iħalli lil min iħallas it-taxxa lil Ċesari, u li qiegħed igħid li hu l-Messija Sultan.”  Pilatu saqsieh u qallu: “Inti s-sultan tal-Lhud?  U hu wieġbu: “Int stess qiegħed tgħidu.” Pilatu qal lill-qassisin il-kbar u lill-kotra tan-nies: “Ebda ħtija ma jiena nsib f’dan il-bniedem.”  Iżda huma baqgħu jinsistu u jgħidu: “Qiegħed ixewwex lill-poplu, u jgħallem fil-Lhudija kollha, ibda mill-Galilija sa hawnhekk stess” Kif sema’ dan, Pilatu staqsa jekk dak il-bniedem kienx mill-Galilija, u meta sar jaf li hu kien min-naħa li kien jagħmel minnha Erodi, bagħtu quddiemu, għax f’dawk il-jiem Erodi wkoll kien Ġerusalem.  Erodi feraħ ħafna meta ra lil Ġesu’, għax minn dak li kien sema’ fuqu kien ilu żmien jixtieq jarah, bit- tama li jara xi sinjali minnu.  U għamillu bosta mistoqsijiet, imma Ġesu’ ma wiegbu xejn.  Il-qassisin il-kbar u l-kittieba, b’saħna kbira fuqhom, qagħdu jakkużawh.  Imma Erodi, flimkien mas-suldati tiegħu, beda jżebilħu u jgħaddih biż-żufjett, libbsu libsa bajda tlellex u reġa’ bagħtu quddiem Pilatu.  Issa Erodi u Pilatu fl-imgħoddi kellhom għal xulxin, imma dak in-nhar saru ħbieb.  Pilatu sejjaħ flimkien il-qassisin il-kbar u l-kapijiet tal-poplu u qalilhom: “Ġibtuli quddiemi lil dan il-bniedem bħala wieħed li qed ixewwex lill-poplu.  Ara jien stħarriġtu quddiemkom fuq l-akkużi li qegħdin iġġibu kontra tiegħu, u ma sibt ebda ħtija fih.  U anqas Erodi ma sab, għax  reġa’ bagħtu quddiemna.  Qegħdin taraw, mela, li ma għamel xejn li ħaqqu l-mewt.  Għalhekk nagħtih is-swat u nitilqu.”
Luqa 23: 1-6 
 
It-Tielet Misteru tat-TbatijaIt-Tielet Misteru tat-Tbatija
Meta Sidna Ġesú Kristu nkurunawh bix-xewk.

 
Imbagħad, Pilatu ordna li jieħdu lil Ġesu’ u jagħtuh is-swat.  Is-suldati nisġu kuruna tax-xewk u qegħduhielu fuq rasu, u libbsuh mantar aħmar skur.  U bdew ġejjin quddiemu u jgħidulu: “Is-sliem għalik ja sultan tal-Lhud!”  U bdew jagħtuh bil-ħarta.  Għal darba’oħra Pilatu ħareġ barra jgħidilhom: “Araw se nġibulkom quddiemkom hawn barra, biex tkunu tafu li jien ma nsib ebda ħtija fih.  U Ġesu’ ħareġ hemm barra, liebes il-kuruna tax-xewk u mantar aħmar; u Pilatu qalilhom: “Arawh: hawn hu l-bniedem!”  X’ħin  rawh il-qassisin il-kbar u u l-għasses bdew igħajtu u jgħidu:  “Sallbu! Sallbu!”  Pilatu qalilhom: “Ħuduh u sallbuh intom; jien ma nsib ebda ħtija fih.”
Ġwanni 19: 1-6 
 
Ir-Raba' Misteru tat-TbatijaIr-Raba' Misteru tat-Tbatija
Meta Sidna Ġesú Kristu għabbewh bis-salib u tela’ l-Kalvarju.

 
Telqilhom lil min talbu, jiġifieri lil dak li kien mitfugħ il-ħabs minħabba rewwixta u qtil, u lil Ġesu’ tahulhom bħalma xtaqu.  Huma u sejrin bih, qabdu wieħed jismu Xmun minn Ċireni, li kien ġej lura mir-raba’, u għabbewh bis-salib biex iġorru wara Ġesu’.  Kotra kbira ta’ nies kienet miexja warajh; fosthom kien hemm xi nisa li bdew iħabbtu fuq sidirhom u jibkuh.  Imma Ġesu’ dar lejhom u qalilhom: “Nisa ta’ Ġerusalem, mhux lili ibku, iżda ibku lilkom infuskom u lil uliedkom.  Għax, araw, għad jiġi żmien meta jgħidu, ‘Ħienja dik li ma għandiex tfal, ħieni l-ġuf li qatt ma wiled u s-sider li qatt ma redda’!”  Imbagħad jibdew igħidu lill-muntanji, ‘Aqgħu fuqna!’, u lill-għoljiet,’Ordmuna!’  Għax jekk dan kollu qegħdin jagħmluh liz-zokk meta għadu aħdar, mela xi jsir minnu meta jinxef?”  Kien hemm ukoll tnejn oħra, żewġt irġiel ħatja, li ħaduhom għall-mewt miegħu.
Luqa 23: 25-32 
 

Il-Ħames Misteru tat-TbatijaIl-Ħames Misteru tat-Tbatija
Meta Sidna Ġesú Kristu sallbuh fuq is-salib u fuqu miet.

 
Hemm huma salbuh ma’ tnejn oħra, wieħed kull naħa, u Ġesu’ fin-nofs.  Pilatu għamel kitba u waħħalha fuq is-salib; fiha kien hemm miktub, “Ġesu’ ta’ Nażaret, is-sultan tal-Lhud”  Din il-kitba qrawha ħafna Lhud, għax il-post fejn sallbu lil Ġesu’ kien qrib il-belt, u l-kitba kienet bil-Lhudi, bil-Latin u bil-Grieg.  Għalhekk il-qassisin il-kbar tal-Lhud marru jgħidu lil Pilatu: “Ma kienx imissek tikteb, ‘Is-sultan tal-Lhud’, imma li ‘Dan qal: Jiena sultan tal-Lhud.’  Pilatu wieġeb: “Issa li ktibt, ktibt!”

Wara li sallbu lil Ġesu’, is-suldati ħadu l-ilbies tiegħu u qassmuh f’erbgħa, sehem lil kull wieħed minnhom.  U ħadu wkoll it-tunika; din kienet libsa bla ħjata, minsuġa biċċa waħda minn fuq s’isfel.  Ftiehmu bejniethom u qalu: “Ma nqattgħuhiex, iżda nitfgħu x-xorti għaliha, u lil min tmiss jeħodha.”  Dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid: “Ħwejġi qasmu bejniethom, u għal l-ilbies tiegħi tefgħu x-xorti.”  U dan tabilħaqq għamluh is-suldati.

Kien hemm wieqfa ħdejn is-salib ta’ Ġesu’ ommu, oħt ommu, Marija ta’ Kleofa, u Marija ta’ Magdala.  Mela kif Ġesu’ lemaħ lil ommu u lid-dixxiplu li kien iħobb wieqaf ħdejha, qal lil ommu: “Mara, hawn hu ibnek.”  Imbagħad qal lid-dixxiplu, “Hawn hi ommok.”  U minn dak il-ħin id-dixxiplu ħadha għandu.

Wara dan, Ġesu’, billi issa kien jaf li kollox kien mitmum, biex isseħħ l-Iskrittura qal: “Għandi l-għatx!”  Kien hemm bieqja mimlija bil-ħall: huma xarbu sponża bil-ħall, waħħluha ma’ qasba ta’ l-issopu, u ressquhielu lejn ħalqu.  Kif Ġesu’ ħa l-ħall qal: “Kollox hu mitmum!”  Imbagħad mejjel rasu u radd ruħu.

Billi kien jum it-Tħejjija tal-Għid, il-Lhud ma ridux li f’jum is-Sibt l-iġsma jibqgħu fuq is-salib, għax dak is-Sibt kien jum solenni għalihom.  Talbu mela lil Pilatu biex ikissrulhom riġlejhom u jneħħu l-iġsma.  Għalhekk ġew is-suldati u kissru r-riġlejn ta’ l-ewwel u tat-tieni wieħed li kienu msallbin miegħu.  Iżda meta waslu għal Ġesu’, billi raw li kien ġa mejjet, ma kissrulux riġlejh.  B’danakollu wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma.  Dan jixhdu min ra b’għajnejh, u x-xhieda tiegħu hija minnha.  Hu jaf li qed igħid il-verita’, biex intom ukoll temmnu.  Għax dan ġara biex isseħħ l-Iskrittura li tgħid:”Ebda waħda minn għadmu ma kissrulu.”  U hemm ukoll kitba oħra fl-Iskrittura li tgħid, “Huma għad iħarsu lejn min nifdu.”
Ġwanni 19: 18.37