Home Contact
 
Ahbarijiet
Dingli and its Parish
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

L-istatwa titulari ta' Santa Marija150 SENA FOSTNA : 1861 - 2011

L-2011 timmarka anniversarju speċjali għall-parroċċa ta’ Ħad-Dingli.  F’dan l-artiklu, SAVIO D. BORG se jagħti ħarsa lejn l-istorja tal-istatwa titulari u proċessjonali ta’ Santa Marija li din is-sena qed infakkru l-150 sena tagħha fostna.

Fil-kuntest Mediterranju Nisrani, il-festa f’ġieħ il-qaddis/a padrun/a tal-belt jew raħal hija realta’ li kibret maż-żmien u llum hija parti integrali mill-ħajja ta’ kuljum. Ta’ kull sena, il-parruċċani jħossu l-bżonn u d-dmir li jiffesteġġjaw u jagħtu ġieħ lill-padrun/a tar-raħal jew belt fejn jgħixu.  Mal-medda tas-snin, il-festa kibret u fost il-kunċetti li daħlu kien hemm l-istatwa  li tirrappreżenta lill-padrun/a.  Sa mis-sena 787, mit-Tieni Konċilju ta’ Niċea, il-Knisja Kattolika, wettqet il-leġittimita’ tal-użu u tal-kult tax-xbiehat sagri. Per konsegwenza li dik il-fażi delikata msejħa l-ikonoklastija fejn żewġ skejjel opposti lejn xulxin, waħda li taċċetta l-użu tax-xbiehat sagri u l-oħra ma taċċettax dan l-użu, ġiet konkluża u minn dak iż-żmien l-użu tax-xbiehat sagri daħal u ġie aċċettat b’mod irriversibbli. Illum, l-istatwa tal-padrun/a saret għażiża ħafna u għal qalb il-purruċċani.  Tant ir-raħal jidentifika ruħu mal-padrun/a tiegħu li diffiċli timmaġina festa u purċissjoni mingħajr statwa; mhux ma tistax issir, imma tkun qisha tieġ mingħajr il-kejk!

Fis-seklu 19, fil-gzejjer Maltin kienu diversi l-parroċċi li xtaqu u akkwistaw statwa titulari għall-parroċċa tagħhom.  L-iżvilupp li sar fil-metodu ta’ kif isiru l-istatwi, speċjalment bl-użu tal-kartapesta, (sa dak iż-żmien kienu jsiru biss tal-injam) kien aktar faċli li l-ħolma li kull raħal kien ilu jixtieq, jiġifieri li l-purċissjoni tiżżejjen bl-istatwa titulari, isir aktar realta’. Missirijietna iddakkru ukoll; erba’ parroċċi ddedikati lill-Assunta diġa kellhom statwa titulari maħduma fl-injam. L-ewwel statwa kienet dik tal-parroċċa tal-Gudja li nħadmet fl-1807 mill-iskultur Vincenzo Dimech, warajha nħadmet ta’ Ħal Għaxaq fl-1808 mill-iskultur Mariano Gerada,  tal-Imqabba saret fl-1836 minn Xandru Farrugia u tal-Qrendi fl-1840 minn Antonio Chircop.

l-Eqdem ritratt tal-istatwa titulariMill-1849 sal-1863, bħala kappillan tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli insibu lir-Rev. Indri Mallia, saċerdot mill-Imqabba. Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli kienet l-unika parroċċa li mexxa l-kappillan Mallia. Fatt interessanti dwar dan il-kappillan kien, li b’riżultat tal-ħbiberija li kellu mal-Gvernatur William Reid, fir-raħal tagħna saru xi toroq ġodda li sa dak iż-żmien kienu aktar mogħdijiet kollha trab u nbniet mitħna tar-riħ biex isservi għat-tħin. Kien l-ewwel kappillan li beda jilbes il-pellegrina flimkien mal-faxxa fuq is-suttana, dritt tal-kappillan ta’ kull parroċċa.

Sa mill-1836, il-parroċċa ta’ raħal twelidu: l-Imqabba, diġa’ kellha statwa ta’ Santa Marija. Dan il-fatt aktar qawwa qalb il-kappillan Mallia li flimkien mal-parruċċani ta’ Ħad-Dingli kienu ilhom jixtiequ li jkollhom statwa titulari huma wkoll. Il-kappillan avviċina lill-iskultur Rabti mastru Anton Busuttil li flimkien ma’ ibnu, Franġisku, naqax l-istatwa titulari fl-injam. Din hi l-unika statwa titulari minquxa fl-injam mill-iskultur Anton Busuttil.  Ħafna mix-xogħol tiegħu, hu xogħol minqux fil-ġebla Maltija. Din l-istatwa tlestiet fl-1861 u nistgħu nobsru l-ferħ tal-poplu ta’ Ħad-Dingli għal din l-opra hekk sabiħa li rnexxielu jagħmel l-iskultur Busuttil.

L-istatwa hija fuq l-istil tradizzjonali, tixbaħ ħafna lil ta’ Ħal Għaxaq u tal-Imqabba. Sidtna Marija imlibbsa libsa ħamra (għax hija umana) u fuqha waħda blu (għax imlibsa bis-sebħ tal-glorja ċelesti); dawn il-kuluri huma dawk tradizzjonali li ilhom jintużaw sa mill-ewwel żminijiet tal-Knisja, użati ukoll fl-ikoni.  B’ħarsitha umli ‘l fuq, bl-id il-leminija merfugħa, qed tirċievi dan il-privileġġ singulari. Hija qiegħda tistrieħ fuq is-sħab, b’puttini ħdejn riġlejha. Maġenbha żewġ anġli, xogħol l-iskultur Għawdxi Wistin Camilleri li saru fl-1934 u li ħadu post tnejn oħra. F’idejhom qed iżommu ġilju u warda tal-fidda. Flok pedestal, l-istatwa qed tistrieħ fuq sarkofagu, ħalli jitfisser aktar dan il-misteru tal-assunzjoni ta’ Sidtna Marija; Magnificat raffigurat.

Mument waqt l-ewwel intervent

Mal-medda tas-snin, inħass il-bżonn li jsirilha l-ewwel restawr u induratura ġdida. Fl-1934, il-kappillan Rev. Ġużepp Lanzon, wara li kellu il-permessi meħtieġa mill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi, fadha dan ix-xogħol f’idejn l-induratur Lorenzo Gatt, mill-Birgu. F’dan iż-żmien, saru  bradella u bankun ġdid minn Manwel Buhagiar li ħadem ukoll sarkofagu ġdid tal-injam li ħa post li kien hemm qabel.  Inħadmu wkoll sandli u stellarju minn Charles Fardell. Saru wkoll erba’ bukketti tal-ganutell għal fuq il-bankun u girlanda tal-ganutell għal madwar il-pedestall. B’kollox is-somma minfuqa kienet ta’ £174, somma sostanzjali għal dak iż-żmien. Inħadmu wkoll erba’ forċini tal-bronż minn Fidiel Schembri mill-Birgu. Biex tinġieb lura fil-katedra tagħha ġew imħejjija festi kbar. Mill-Birgu ħaduha lejn ir-Rabat fejn inżammet mgħottija fil-Knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar, il-knisja tal-casa-madre tal-Ordni tal-Predikaturi, id-Dumnikani. Fit-12 t’Awwissu, 1934, mir-Rabat twasslet proċessjonalment merfugħa fuq l-ispallejn lejn Ħad-Dingli. Malli waslet ħdejn l-iskola primarja, hija ġiet milqugħa mill-kappillan Lanzon, akkumpanjat mill-kleru u minn patrijiet tad-diversi kunventi li jinsabu r-Rabat.  Hemmhekk hu kixifha fost il-ferħ u t-tixjir tal-palm u l-weraq taż-żebbuġ mill-poplu preżenti. Ħadet sehem f’din l-okkażjoni ta’ ferħ il-Banda ‘Duke of Edinburgh’ tal-Birgu. Il-purċissjoni tkompliet lejn il-knisja fost il-ferħ u l-entużjażmu tal-poplu. Malli l-istatwa xirfet fil-knisja, indaqqet l-antifona tal-Assunta u ngħatat il-barka sagramentali. Kulħadd kien sodisfatt bid-dehra ġdida u sabiħa li ingħatat l-istatwa titulari. 

L-induratur Horace farrugia waqt l-ahhar irtokki fuq l-istatwa fl-1978.           Dun Gwann Abela jaqra d-diskors tal-merhba, nhar il-5 t'Awwissu 1978.Wara 43 sena mill-ewwel induratura, inħass il-bżonn li l-istatwa terġa’ tiġi ndurata.  Kien qed joqrob it-tielet ċentinarju mit-twaqqif mill-ġdid tal-parroċċa fl-1678, u għalhekk il-mument kien opportun. L-induratur magħżul kien is-Sur Horace Farrugia tal-Imdina. Minbarra l-ħsara fl-induratura, l-istatwa kellha diversi qsim u ħsarat oħra. Sarilha disinn ġdid tal-iżgraffjar magħmul apposta mill-induratur innifsu. Ix-xogħol tal-karnaġġjon sar mill-artist, is-Sur Alfred Camilleri Cauchi, fl-istudju tal-induratur stess. Wara kważi sena, l-istatwa kienet lesta għall-festa ċentinarja tal-1978; nhar il-5 ta’ Awwissu, l-istatwa ttieħdet ħdejn il-knisja tal-Madonna tal-Għar, ir-Rabat, u minn hemmhekk twasslet sa Ħad-Dingli akkumpanjata minn carcade ta’ karozzi. Fit-telgħa tar-raħal intlaqgħet mill-entużjażmu tal-poplu u bit-tislima tal-Ave Maria mill-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat. Il-kappillan, Rev. Carmelo Frendo bierek l-istatwa u wara l-istatwa twasslet sal-knisja parrokkjali fost il-ferħ tad-Dinglin. Fuq iz-zuntier, Rev. Ġwann B. Abela sellem lil Omm tagħna Marija b’diskors li ntlaqa b’ċapċip minn dawk preżenti. Dik il-lejla ingħalqet bit-tqegħid mill-kappillan stess ta’ warda tad-deheb imżejna b’żefiri f’riġlejn Santa Marija, simbolu tal-imħabba tad-Dinglin lejn din l-Omm li ħadet ħsiebhom matul is-snin.

Fis-sena 2000, fl-okkazjoni tal-ħamsin sena mill-proklamazzjoni tad-Domma tal-Assunta mill-Papa Piju XII, fost l-attivitajiet li saru biex ifakkru dan l-avveniment, saret purċissjoni forma ta’ pellegrinaġġ bl-istatwa artistika ta’ Santa Marija. Din il-purċissjoni storika kienet l-apice ta’ dawn il-festi; il-Ħadd 5 ta’ Novembru, 2000, wara quddiesa konċelebrata solenni, l-istatwa għażiża ta’ Santa Marija ddawret mat-toroq ta’ Ħad-Dingli; għal din id-darba ir-rotta ma kinetx dik tal-festa imma kienet rotta differenti.

Jalla dawn il-festi li qed niċċelebraw biex infakkru dan l-avveniment uniku, il-150 sena fostna tal-istatwa titulari, jkomplu jressquna lejn il-Verġni Mqaddsa Marija Mtellgħa s-Sema, magħżula minn missirijietna bħala l-padruna tar-raħal tagħna biex hi tressaqna lejn Binha Ġesu’ - Ad Jesum per Mariam.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-festa ta' Santa Marija 2011

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.