Home Contact
 
Festa Santa Marija
Qniepen
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Il-Qniepen tal-Parroċċa ta' Ħad-Dingli

Il-qniepen għadhom isejħu lill-komunita’ għaċ-ċelebrazzjonijiet liturġiċi fil-knisja u jħabbru ġrajjiet ta’ ferħ u niket fil-ħajja tal-parroċċa.  F’Ħad-Dingli, il-parroċċa għandha sitt qniepen.  Il-kampanoloġista KENNETH CAUCHI  M.A., B. Cons. (Hons.) jikteb dwar l-istat tagħhom, interventi li saru dan l-aħħar biex jitħares dan il-wirt u sfida li jonqos biex tiġi restawrata qanpiena ta’ importanza storika li l-użu tagħha ntilef. 

Meta wieħed isemmi l-qniepen, l-ewwel ħaġa li tiġi f’moħħu probabbli tkun oġġett f’għamla ta’ kikkra rasha ‘l isfel, b’oġġett tawwali ġo fiha li tagħmel ħoss meta iċċaqlaqha. Sewwa kieku l-affarijiet kienu daqshekk semplici!!  Kif jgħidu, kull sengħa fiha l-ispeċjalizazzoni tagħha.  F’dan ir-rispett l-istudju dwar il-qniepen jaqa’ taħt il-kappa tal-kampanoloġija fejn il-qniepen jigu analizzati bir-reqqa minn kwalunkwe aspett.

Il-qanpiena l-kbira“X’jagħmel qanpiena tajba?”  Din hija waħda mid-domandi li spiss niġi mistoqsi u li għaliha nistqarr nibda nħokk rasi kif ser naqbad inwieġeb mingħajr ma ndur mal-lewża u nagħti tweġiba ċara li tinftiehem minn min ikun staqsieni.

It-twegiba hija li qanpiena tajba hija waħda li hija addattata għall-użu li qed tintuża għalih, jiġifieri ddisinjata speċifikament għat-tip ta’ daqq tagħha (tinqaleb jew fissa mat-travu). Barra minn Malta l-qniepen jitbandlu biex jindaqqu, filwaqt li hawnhekk aħna nbandlu l-ilsien biss. Għal dan il-għan qniepen li jitbandlu jinħadmu ‘ħoxnin’ (bl-Ingliż very heavy profile) filwaqt li qniepen li jitwaħħlu fissi m’għandhomx għalfejn ikunu ħoxnin ħafna imma biss ta’ medium profile. Qniepen li jduru kważi rashom ‘l isfel jinħadmu rqaq ħafna, jiġifieri light profile.

L-akbar differenza li nsibu f’dawn it-tlieta naturalment hija l-ispiża biex wieħed jagħmel dawn il-qniepen, speċjalment meta ma jkollux kampanoloġista kwalifikat li janalizza preċiżament xi qniepen għandu bżonn il-kappillan fil-kampnar u x’qiegħda tagħtih il-funderija.  Ħafna drabi, il-kappillan u n-nies tal-lokal ma jkunux jifhmu u għalhekk jiġri li l-funderija tagħti l-aktar stima baxxa possibbli biex tirbaħ ix-xogħol hi.  Fil-fatt, dan mhux fattur ħażin. Isir ħażin meta l-kwalita’ tad-daqq provdut minn dawn il-qniepen ikun kompromess minn dawn id-deċiżjonijiet ta’ ekonomija falza. Qanpiena sservi għal mijiet ta’ snin u għalhekk kwalunkwe deċiżjoni li tittieħed meta ssir waħda ġdida tibqa’ għal ħafna snin.

L-istorja tal-qniepen ta’ Ħad-Dingli

Nistgħu ngħidu li din hija maqsuma f’żewġ taqsimiet kif ukoll f’żewġ kampnari differenti. Fil-kampnar tat-tramuntana (tal-arloġġ) jinstabu l-qniepen il-qodma filwaqt li fil-kampnar tan-nofsinhar insibu s-sett il-ġdid li sar fl-1990, matul il-parrokat ta’ Dun Richard Borg, fis-sena li fiha ġie Malta l-Papa Ġwanni Pawlu II.

Il-qniepen il-qodma fil-kampnar tat-tramuntana kienu sa ftit taż-żmien ilu jikkonsistu fi tliet qniepen. L-eqdem hija ż-żgħira li tmur lura għas-sena 1680 u hija waħda mill-eqdem qniepen li nsibu fi gżiritna. Ma nafux min għamel din il-qanpiena, imma li huwa żgur huwa li t-tip ta’ font użat għall-iskrizzjoni tad-data hija kwazi dekorattiva li tgħid Anno MDCLXXX. Din hija karatteristika tal-epoka tardiva tas-seklu sbatax. Jista’ jkun li din saret fil-funderija tal-Ordni ta’ San Ġwann. Ma nistgħux inkunu ċerti minn dan għax f’dan il-perjodu kien sar daqsxejn ta’ taqlib fil-funderija meta l-Mastru Fonditur Pietro Sances kien imġiegħel jirriżenja minn postu minħabba li x-xogħol ma laħaqx il-livelli mistenni mill-Ordni ta’ San Ġwann.

Il-qanpiena l-kbira l-antika saret fis-sena 1880 mill-fonditur Malti Ġulju Cauchi u għandha fuqha ix-xbihat tal-Assunzjoni u San Filippu Neri kif ukoll skrizzjoni li tgħid “Mro (maestro) Giuliano Cauchi Malta Cospicua – 1880”, sena li matulha Cauchi għamel fiha seba’ qniepen, fosthom it-tnejn il-kbar tal-knisja ta’ San Duminku fil-Birgu.

Dawn iż-żewġ qniepen li se jintużaw biex fuqhom jerġa’ jindaqq l-arloġġ tal-knisja għadhom kemm ingħataw kisja protettiva ta’ xemgħa li tgħin kontra l-effetti tal-elementi u tippreżentahom b’mod aktar dinjituż.

Qanpiena ta’ importanza storika kbira

Il-qanpiena l-fustanijaIktar ‘il fuq semmejna li sa ftit żmien ilu fil-kampnar tat-tramuntana ta’ Ħad-Dingli kienet teżisti qanpiena oħra li fuqha kienu jindaqqu t-tokki tas-sigħat tal-arloġġ. Din il-qanpiena verament storika u mportanti tfondiet mill-Mastru Fonditur tal-Ordni ta’ San Gwann, Aloisio Bouchut, imgħallem tal-bronz b’karriera ambizzjuża u brillanti u li għex fi żmien il-Gran Mastru Emmanuele Pinto de Fonseca. Bouchut huwa magħruf li għamel iktar minn erbgħin qanpiena matul il-karriera tiegħu.  Beda fl-ewwel kwart tas-seklu tmintax u baqa’ għaddej sa mewtu li sehhet wara l-1763.  Aloisio Bouchut huwa magħruf ukoll għax għamel iż-żewġ qniepen il-kbar tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann kif ukoll dawk il-qodma tal-Katidral t’Ghawdex.  Fl-1761, Bouchut fonda l-aħħar qanpiena kbira tiegħu li kienet il-qanpiena l-kbira tal-knisja arċipretali ta’ San Filep f’Ħaż-Żebbuġ u li għadha teżisti. Warajha għamel ta’ Ħad-Dingli li fondiha fis-sena 1762. Fuqha għamel midaljun bil-figura ta’ Marija Annunzjata, riljev dekorattiv li għoġbu juża wkoll fuq qniepen oħra f’Ħal-Tarxien u fl-Għarb, Għawdex. 

Din il-qanpiena llum tista’ tgħid li ntilfet kompletament għax inqasmet u għalkemm sar intervent serju fuqha biex tiġi salvata kienu ghalxejn l-isforzi li saru. Wara studju ntensiv li sar fuq tiswija tal-qniepen bil-welding, ġie propost li kemm-il darba jinstabu l-fondi, din il-qanpiena tant importanti w storika tiġi restawrata b’mod professjonali u miċ-ċimiterju terġa’ tittella’ lura fil-kampnar fejn kienet.

Restawr ta’ dan it-tip ma jistax isir Malta minnhabba li huwa speċjalizzat. Fl-intervent irid ikun maqtugħ barra l-materjal maqsum u floku jsir welding b’vireg apposta bl-istess materjal li minnha hija magħmulha l-qanpiena. Waqt il-proċess ta’ restawr, il-qanpiena tissaħħan u titberred b’apparat apposta li jikkontrolla t-temperatura. Dan il-proċess biss jiggarantixxi li l-qanpiena tista’ qatt terġa’ titreġġa’ lura għall-istat originali tagħha.

Biex nieħdu eżempju, id-ditta speċjalizzata Soundweld ta’ Cambridge fl-Ingilterra diġa’ għamlet żewġ proġetti kbar u simili għal Malta li t-tnejn kienu suċċess.  Waħda kienet qanpiena kbira ta’ żewġ tunellati tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann u l-oħra tal-Patrijiet Franġiskani Konventwali tal-Belt. 

Il-qniepen ‘il-ġodda’

Il-qniepen il-ġoddaIl-kampnar tan-nofsinhar jerfa’ fih tliet qniepen li għadna nsejħulhom ‘il-ġodda’ imma li fil-fatt għandhom 22 sena diġa’!!. Tfondew fil-funderija Achille Mazzola ta’ Valduggia, fil-provincja ta’ Vercelli, fl-Italja ta’ fuq. F’din il-parti tal-Italja, il-qniepen jindaqqu billi jinqalbu rashom ‘l isfel kompletament – tip ta’ daqq li jissejjaħ a castello u li allura jitlob li l-qniepen ikunu rqaq u b’ilsna pjuttost ħfief biex il-qanpiena ma tifgax meta ddur rasha ‘l isfel.

Id-daqq Malti jitlob mod ieħor speċjalment meta wieħed jikkunsidra l-apert li fih jinsab Ħad-Dingli u li naturalment dawn il-kwalitajiet imsemmija hawn fuq ma jippermettux li l-potenzjal li għandhom dawn il-qniepen jitgawdew sewwa. Fuq inizjattiva tal-Kappillan preżenti Dun Ewkarist Zammit ġie propost li jiġi restawrat l-arlogg u l-qniepen tiegħu. Kien propost li jsir intervent ukoll fuq il-qniepen ta’ Mazzola biex it-tonalita’ tagħhom titgawda aħjar. Għaldaqstant kien propost li jsir sett ta’ tliet ilsna ġodda biex il-palat akustiku, jew kif teknikament magħruf, il-harmonic content tal-qniepen jiġi ppronunzjat aħjar. Il-piż tal-ilsna ġie determinat fuq il-bażi tal-piż tal-qniepen infushom. Dan l-intervent biddel il-karattru tal-leħen tal-qniepen (it-timbru mużikali) għal wieħed ferm aktar pjaċevoli u li jwassal fil-bogħod.

Ir-restawr tal-qniepen ta’ Mazzola hija biss l-ewwel fażi tal-proġett. Jekk jinstabu l-fondi neċessarji, isir il-progett tar-restawr tal-qanpiena storika li tinstab fiċ-ċimiterju.  Dan ir-restawr ċertament li jagħti dimensjoni ġdida lill-qniepen ta’ Had-Dingli u jsalva patrimonju nazzjonali milli jintilef fix-xejn.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.