Home Contact
 
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Restawrata l-Ingilterra qanpiena ta' importanza storika tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli

Qanpiena li għandha ‘il fuq minn 250 sena


Din il-qanpiena tfondiet fl-1762 minn Aloisio Bouchut, imgħallem tal-bronż b’karriera brillanti.  Hu kien Mastru Fonditur tal-Ordni ta’ San Gwann u kellu dan l-irwol fi żmien il-Gran Mastru Emmanuele Pinto de Fonseca.  Tul il-karriera tiegħu, Bouchut għamel aktar minn erbgħin qanpiena fosthom iż-żewg qniepen il-kbar tal-Kon-Katidral ta’ San Ġwann.  Fuq il-qadd tal-qanpiena li ħadem għall-knisja ta’ Ħad-Dingli nsibu riljev dekorattiv bil-figura ta’ Marija Annunzjata.

Sa għoxrin sena ilu, din il-qanpiena kienet fil-kampnar tal-knisja ta’ Ħad-Dingli u fuqha kienu jindaqqu t-tokki tas-sigħat tal-arloġġ.  Madankollu, il-qanpiena tistà tgħid li ntilfet kompletament għax kienet maqsuma u tentattiv li sar fit-Tarzna ta’ Bormla biex il-qanpiena tiġi salvata ma kienx ħalla riżultati.  Eventwalment, il-qanpiena tilfet il-ħoss tagħha u ma reġgħetx ittellgħet fil-kampnar tal-knisja.

Il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli fittxet l-assistenza tal-kampanoloġista, is-Sur Kenneth Cauchi.  Wara studju intensiv li sar fuq l-intervent li kien meħtieġ u wara li nstabu l-fondi neċessarji, ġie propost li l-qanpiena tintbagħat l-Ingilterra biex tiġi restawrata b’mod professjonali.

Restawr u konservazzjoni li ntemmu b’suċċess

Sena ilu, il-qanpiena ntbagħtet għand il-kumpanija Soundweld.  L-intervent li sarilha hu wieħed speċjalizzat u delikat.  L-ewwel sar dak li jissejjaħ dye penetrant testing li huwa analiżi mhux invażiva tal-materjal tal-qanpiena u l-ħsara li fiha.  Kif ġie stabbilit dan, ittaqqbet toqba quddiem il-qasma li kien hemm fil-bronż (crack arresting hole) biex din ma tkomplix tiġri.

Imbagħad inqata’ barra l-materjal maqsum u xpakkat.  Ġie stabbilit li l-qanpiena kellha qasma oħra rqiqa.  It-tieni qasma kienet tinsab fil-qadd tal-qanpiena u għaddiet minn ġo nofs ir-riljev tal-Lunzjata.  Din tnaddfet sewwa u sarulha żewġ toqob oħra f’kull tarf tagħha (bħala crack arresters).

Ġaladarba l-qsim tnaddaf minn kull materjal barrani għal dak li bih ġiet fonduta l-qanpiena, sar ilqugħ tar-ram imwaħħal mal-profil intern tal-qanpiena. Dan l-ilqugħ tqiegħed preċiżament taħt iż-żewġ qasmiet li kellha l-qanpiena biex il-welding ikollu lqugħ u ma jaqax.

Il-qanpiena ssaħħnet bil-mod, kważi sa temperatura ta’ 700 grad celsius.  F’dan il-punt sar welding  b’vireg apposta, bl-istess materjal li minnha hi magħmula l-qanpiena. Dan ix-xogħol speċjalizzat segwa proċess ta’ tisħin u tberrid, msejjaħ pre-heating u controlled cooling rispettivament.  Ir-rata ta’ kif tissaħħan u titberred il-qanpiena huma kruċjali f’dan ix-xogħol.

Meta dan il-proċess kien komplut, jiġifieri il-qsim ingħalaq kompletament bil-welding, fit-teorija ix-xogħol kien lest.  Però billi waħda mill-qasmiet għaddiet preċiżament minn ġor-riljev tal-Lunzjata saret riċerka fuq żewġ qniepen oħra (Ħal Tarxien u l-Għarb) li fihom Bouchut għamel l-istess riljev.  Fiż-żewġ każi nstab li dan ma kien fin xejn.  Li tivvinta d-dettal mhux etikament korrett u għalhekk l-intervent li sar ma ġiex irfinut apposta, biex kemm jistà jkun l-intervent il-ġdid jibqa’ jinqara mill-viċin.

Il-qanpiena waslet lura Malta f’Awwissu 2018 u llum ittellgħet fil-kampnar tal-lemin tal-Knisja Arċipretali ta’ Ħad-Dingli.  B’hekk, wara kważi għoxrin sena nieqsa se terġa’ tibda ssemma’ leħinha għad-daqq tat-tokki tas-sigħat tal-arloġġ u għal użu ieħor relatat mal-liturġija.  B’dan il-mod ġie konkluż proġett ieħor li ħares wirt storiku li għandha din il-parroċċa.

Agħfas HAWN għar-ritratti.
 
Dwar il-kumpanija Soundweld:

Dan ix-xogħol sar mill-kumpanija Soundweld, ibbażata f’ Cheveley, Newmarket, l-Ingilterra.  Din il-kumpanija ilha mill-1967 tispeċjalizza fir-restawr bil-welding ta’ qniepen.  Intervjeniet fuq aktar minn 500 qanpiena, li mertu għan-nies tas-sengħa mpjegati magħha, illum reġgħu qegħdin isemmgħu l-leħen oriġinali tagħhom.  Fost l-akbar qniepen li ntervjeniet fuqhom il-kumpanija Soundweld, hemm il-qanpiena l-kbira tal-Katidral ta’ Canterbury, magħrufa aħjar bħala Great Dunstan.

F’Malta għamlet żewġ proġetti kbar oħra, li t-tnejn kienu suċċess: qanpiena ta’ żewġ tunellati fonduta fl-1636 għall-Kon-Katidral ta’ San Gwann u qanpiena iżgħar tal-Patrijiet Frangiskani Konventwali tal-Belt.

Radd il-Ħajr

Għall-finanzjament ta’ dan il-proġett, il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli sabet l-appoġġ tal-Fond Kawżi Ġusti, amministrat mill-Ministeru tal-Finanzi.  Il-parroċċa tirringrazzja wkoll lill-Onorevoli Ministru għat-Trasport, Infrastruttura u Proġetti Kapitali, Dr Ian Borg, għall-għajnuna li ta biex dan il-patrimonu storiku ġie salvat u mħares għall-ġejjieni.

3 ta’ Settembru, 2018

-----------------------------------------------------------------------------

Aqra aktar dwar il-qniepen ta' Ħad-Dingli hawnhekk.