Home Contact
 
Talb
Qalb ta' Gesu
   
Ir-Rit tal-Quddiesa
Hdud Sena Liturgika A
Hdud Sena Liturgika B
Hdud Sena Liturgika C
Liturgija tas-Sieghat
Laudi
Vespri
Kompieta
Ir-Ruzarju Mqaddes
Il-Misteri tal-Ferh
Il-Misteri tat-Tbatija
Il-Misteri tad-Dawl
Il-Misteri tal-Glorja
Kurunella ta' Santa Marija
Il-Bibbja
Talb Online
Kardinal Hume
Qalb ta' Gesu'
Numri t'Emergenza
In-Novena tal-Milied
L-Offerta ta' Kulljum
It-Triq tas-Salib
Laqgha ta' Talb
   

Fil-Parroċċa tagħna niċċelebraw kull l-Ewwel Ġimgħa tax-xahar. Il-Ħamis filgħaxija u l-Ġimgha filgħodu fil-Knisja jkollna qrar minn konfessur barrani. Il-Ġimgha filgħodu jsir it-tqarbin tal-morda fi djarhom. Qabel il-quddiesa ta' filgħaxija ssir nofs siegħa adorazzjoni quddiem Ġesu Sagramentat li tintemm bil-Barka Sagramentali.

Dawn huma l-wegħdiet li Ġesú għamel lil Santa Margerita Marija Alacoque għal dawk kollha li jkollhom devozzjoni lejn il-Qalb Qaddisa tiegħu :

  • Jiena nagħti lid-devoti kollha tiegħi l-grazzji kollha meħtieġa għall-istat tagħhom.
  • Inġibilhom il-paċi fil-familji tagħhom.
  • Infarraġhom fin-niket kollu tagħhom.
  • Inkun kenn żgur tagħhom fil-ħajja u speċjalment f’waqt il-mewt.
  • Inxerred kotra ta’ barka fuq kull ħidma tagħhom.
  • Il-midinbin isibu fil-qalb tiegħi ħniena bla tmiem.
  • L-erwieħ bierdin jitħeġġu f’imħabbti.
  • L-erwieħ devoti jitwettqu fit-tjieba.
  • Il-barka tiegħi tinżel fuq dawk id-djar fejn tkun meqjuma x-xbieha tal-Qalb Imqaddsa tiegħi.
  • Jiena nagħti lis-saċerdoti l-grazzja li jqanqlu l-qlub l-iktar iebsa.
  • Dawk kollha li jxerrdu din id-devozzjoni jkollhom isimhom miktub f’qalbi u minn hemm qatt ma jkun imħassar.
  • Lil dawk kollha li għal disa’ xhur wara xulxin jitqarbnu fl-ewwel ġimgħa tax-xahar, jiena nagħtihom il-grazzja li f’waqt il-mewt ikollhom l-indiema ta’ dnubiethom, li ma jmutux mingħajr il-maħfra tagħhom u lanqas bla ma jirċievu s-Sagramenti u l-Qalb tiegħi tkun għalihom bħala port tas-salvazzjoni f’dak l-aħħar ħin ta’ ħajjithom.

Kif bdiet id-Devozzjoni tal-Qalb ta' Ġesu' ?

“Margerita, Jien inwiegħed fil-miżerikordja kbira tal-Qalb Tiegħi, li dawk kollha li għal disa’ xhur wara xulxin jitqarbnu fl-ewwel ġimgħa ta’ kull xahar, nagħtihom il-grazzja li waqt is-siegħa tal-mewt  tagħhom, ikollhom l-indiema ta' dnubiethom.”

Fis-seklu Sbatax il-fidi tal-poplu Franċiż kienet marret lura. Ħafna kienu dawk li daru kontra l-Knisja u t-tagħlim tagħha. L-istruttura tal-Knisja li nbniet tul is-sekli ta’ qabel, bdiet tiddgħajjef sew bit-twaqqif tal-Protestantiżmu u l-ereżijji li bdew jitferrxu bil-Ġanseniżmu. Madankollu, bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu, din il-mewġa kontra l-Knisja bdiet tintrebaħ bil-mod il-mod. Tliet qaddisin li huma magħrufin ħafna fil-Knisja kienu ferm effetivi f'din il-ġlieda. John Eudes u Claude de la Columbiere, it-tnejn Franċiżi, kienu kittieba Ġiżwiti, fil-waqt li Margerita Maria Alacoque kienet soru sempliċi fil-monasteru tal-Viżitazzjoni ta’ Paray-le-Monial. Ix-xogħol tagħhom kien li jferrxu d-devozzjoni lejn il-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.

Santa Margerita Maria AlacoqueSanta Margerita Maria Alacoque

Hija twieldet fl-1647 fil-belt ta’ Janots, ġewwa Burgundy. Kienet il-ħames tifla, minn sebgħa. Il-ġenituri tagħha kienu Claude u Philiberte Alacoque. Missierha, li kien nutar, kellu xi rabta aristokratika u kien tat-tajjeb. Kellhom ukoll razzett bl-għelieqi. Meta kien għad kellha tmien snin, Margerita nħasdet  bil-mewt ta’ missierha. Din il-mewt tefgħet lill-familja fi żminijiet iebsa. Minkejja dan, Margerita kienet tattendi l-iskola tas-sorijiet Urbanisti ġo Charolles. Dawn is-sorijiet kienu impressjonati bid-devozzjoni tagħha, tant li ħallewha tagħmel l-Ewwel Tqarbina fl-età ta’ disa’ snin.

Kellha toqgħod għal erba’ snin sħaħ fis-sodda b'uġigħ fl-għekiesi. Dan iż-żmien qattgħetu ġod-dar ta’ missierha. Ir-razzett kien qiegħed jitmexxa mill-qraba, u kemm Margerita kif wkoll ommha kienu ttrattati ħażin daqs li kieku kienu qaddejja. Saħansitra meta fieqet, hija baqgħet tbati ħafna minħabba fil-qraba tagħha li lanqas kienu jħalluha tmur il-quddies kemm kienet tixtieq hi. Minħabba f’hekk kienet tqatta'  ħin tibki u titlob waħedha fil-ġnien. Din is-sitwazzjoni nbidlet meta ħuha l-kbir laħaq l-età u għalhekk il-familja setgħet terġa tibda tmexxi r-razzett hi.

Wara li kellha viżjoni, fl-età ta’ għoxrin sena, Margerita ddeċidiet li tidħol soru. Ta’ tnejn u għoxrin sena għamlet il-wegħdiet tagħha fil-kunvent tal-Viżitazzjoni ta’ Paray-le-Monial. L-Ordni tal-Viżitazzjoni kien twaqqaf minn San Franġisk de Sales fis-seklu sbatax. Dan l-ordni, f'dan is-seklu kien magħruf ħafna għall-umiltà u l-ġenerożità. Bħala novizza, Margerita marret ħafna l-quddiem fil-virtujiet, u minn dak iz-zmien u matul ħajjitha kollha kienet tagħmel ħafna penitenzi u mortifikazzjonijiet.

Wara ftit taż-żmien ġol-kunvent, Margerita beda jkollha d-dehriet, infatti l-ewwel waħda ġrat fis-27 ta’ Diċembru, 1673 ġol-kappella. Hawnhekk il-Mulej qalilha li bil-għajnuna tagħha ried juri l-imħabba kbira tiegħu lejn l-umanità u li permezz ta' din l-imħabba ried jifrex grazzji kbar. Dawn id-dehriet damu sejrin għal tmintax-il xahar. Madankollu, meta fetħet qalbha mas-Superjura tagħha, u qaltilha li ġiet magħżula biex tinxtered id-devozzjoni tal-Qalb ta’ Ġesù, din ta’ l-aħħar  ċanfritha għall-prużunzjoni tagħha. Din il-ħaġa, qalbet u ħawdet għall-aħħar lil Margerita, tant li wara li ħassha ħażin, mardet serjament. Hawnhekk is-Superjura bdiet tinduna li żbaljat bil-mod kif kienet ċanfritha u wegħdet lill-Mulej li jekk Margerita tfieq, teħodha li kollox kien ġej minn Alla. Fil-fatt Margerita fieqet u biex is-Superjura tkun ċerta, stiednet lill-Ġiżwita Claude de la Columbiere li, wara li tkellem ma' Margerita, kien konvint mill-ġenwinità tar-revelazjonijiet li kellha. Għalhekk kiteb il-ġrajja tas-soru u ta bidu għal din id-devozzjoni fl-Ingilterra.

Fl-1681 Father Claude mar lura lejn il-kunvent, fejn sena wara miet. Margerita laħqet assistenta tas-superjura fl-età ta’ 43 sena u ftit wara mardet. Fi ftit żmien marret lura ħafna u wara li rċeviet l-aħħar Sagrament mietet bil-kliem "M’għandi bżonn xejn ħlief lil Alla, u li nintilef fil-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù.”  Għalkemm din id-devozzjoni kienet tiġi pprattikata qabel, issa permezz ta’ Father Claude tferxet b'aktar ħeġġa u qawwa.