Home Contact
 
Djarju tal-Parrocca
   
Djarju 2011-2012
Progetti 2011-2012
150 Sena tal-Vara
Djarju 2012-2013
Progetti 2012-2013
   

IT-TLESTIJA TA’ PROĠETTI TA’ ARMAR U L-BIDU TA’ OĦRAJN

Din is-sena, il-Kumitat Festa Esterna qed jikkonkludi proġett ta’ armar fit-triq ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali u r-restawr tal-istatwi kollha, filwaqt li qed jiġi mniedi proġett ieħor ta’ armar għat-toroq tar-raħal għal żmien il-festa. DAVID VASSALLO jagħti d-dettalji taż-żewġ proġetti.  Dan ix-xogħol qed issir fl-istess waqt li l-Kumitat Festa Esterna baqa’ ffukat fuq il-ħidmiet l-oħra kollha relatati mal-organizazzjoni tal-festa ta’ barra, li minbarra l-armar tat-toroq jinkludu s-sehem tal-baned fil-festa, il-logħob tan-nar u diversi aspetti ta’ loġistika.

Bandalori għal Triq il-Parroċċa

Il-ħtieġa li jinbidel l-armar tad-drapp fit-toroq tar-raħal tagħna fi żmien il-festa kien ilha tinħass tant li l-Kumitat Festa Esterna, lejn l-aħħar tas-snin 90 u l-bidu tas-snin 2000 kien diġa’ beda bil-bdil ta’ numru ta’ pavaljuni fi Triq il-Kbira u Triq il-Kunċizzjoni.

Bandalora

Pero’ kien fl-2003 li tħabbar l-ewwel proġett kbir meta fil-programm tal-festa ta’ dik is-sena kien ġie mniedi d-disinn ta’ sett ta’ tnax-il bandalora għal Triq il-Parroċċa, liema disinn sar mill-artist Andrew Bugeja mill-Birgu. Fis-sentejn ta’ wara nxtara d-drapp kollu biex imbagħad, fl-2005 iżżanżnu l-ewwel żewġ bandalori lesti mill-ħjata (li wkoll saret il-Birgu) imma bla sfumar u pittura. Ir-rispons kien pożittiv ħafna.

Fis-snin ta’ wara l-ħidma fuq dan is-sett baqgħet għaddejja bla waqfien tant li f’kull sena ta’ wara mill-2006 sal-2010 nħietu żewġ bandalori filwaqt li sar ukoll l-isfumar li ħareġ b’mod mill-aqwa d-disinn sabiħ ta’ dan is-sett ta’ bandalori.

Sadattant, fil-festa tal-2008 ġew inawgurati wkoll l-ewwel żewġ pitturi biex sal-festa tas-sena l-oħra tlestew b’kollox 11-il pittura; bl-aħħar waħda mistennija tkun inawgurata għall-festa ta’ din is-sena. Ix-xogħol tal-pittura kollha għal dan is-sett kien ikkummissjonat lil Giovann u ibnu Paul Cassar mir-Rabat, Għawdex.

Fuq deċiżjoni tal-Kumitat Festa Esterna, il-pitturi ta’ dawn il-bandalori juru l-aktar episodji mportanti fil-ħajja tal-Madonna:

  • l-Immakulata Kuncizzjoni,
  • it-twelid ta' Marija,
  • l-għerusija ma' Ġużeppi,
  • it-tħabbira tal-Anġlu,
  • iż-żjara lil Eliżabetta,
  • it-twelid ta' Ġesu',
  • il-preżentazzjoni fit-tempju,
  • it-tieġ ta' Kana,
  • taħt is-salib,
  • l-inżul ta' l-Ispirtu s-Santu
  • it-tlugħ fis-sema, u
  • inkurunata Reġina.

B’hekk din is-sena se nkunu qed ingawdu b’mod sħiħ dan il-proġett ta’ tnax-il bandalora li jkomplu joħolqu atmesfera mill-isbaħ fil-ġranet tal-festa fiċ-ċentru tar-raħal tagħna filwaqt li jfakkruna fil-ħajja tal-patruna tagħna, Marija Assunta.


Sant AnnaRestawr tal-istatwi u pedestalli

Filwaqt li kien għaddej ix-xogħol fuq dan il-proġett, fl-aħħar għaxar snin il-Kumitat Festa Esterna daħal ukoll għall-biċċa xogħol kbira li rat ir-restawr u l-induratura tal-istatwi ta’ Sant’ Anna, San Ġwakkin, il-Papa Piju XII u l-erba’ anġli li jintramaw mal-faċċata tal-knisja (it-tnejn li kienu jintramaw qabel u tnejn oħra li oriġinarjament kienu mal-istatwa titulari). Sar ukoll ir-restawr, irħamar mill-ġdid u nduratura taż-żewġ pedestalli ta’ Sant’ Anna u San Ġwakkin u nħadmu xkaffi ġodda għall-erba’ anġli.  Dan ix-xogħol kien meħtieġ ħafna, biex filwaqt li jsir armar ġdid, naraw li l-wirt li għandna jibqa’ fi stat tajjeb biex jitgawda għal ħafna snin oħra.


Proġett  ġdid

Issa li l-proġetti msemmija hawn fuq qed jiġu konklużi, qed inħarsu ‘l quddiem lejn biċċa xogħol kbira oħra. Il-Kumitat Festa Esterna ħass li l-pass li jmiss għandu jkun proġett ta’ armar ġdid f’Misraħ Ġuże’ Abela, Triq San Rokku u Triq Għar Bittija.

Dan il-proġett se jkun fih erba’ fażijiet:

i. ir-restawr tal-istatwa ta’ Santa Marija li tintrama f’Misraħ Ġuże’ Abela u li din is-sena qed tagħlaq tletin sena;
ii. il-bdil tat-trofej li jintramaw fl-istess pjazza madwar l-istatwa;
iii. sett ta’ pavaljuni ġodda għal Triq San Rokku; u
iv. sett ta’ pavaljuni ġodda għal Triq Għar Bittija.

Din is-sena stess qed jinbeda l-ewwel xogħol billi l-istatwa ta’ Santa Marija li tittella’ fuq il-pedestall fit-tielet jum tat-tridu filgħaxija, ġiet restawrata, miżbuġħa u ndurata mis-Sur Michael Camilleri Cauchi min-Nadur Għawdex: l-istess artist li ħadimha tletin sena ilu.  Inħadmet ukoll bradella tal-injam mis-Sur Victor Micallef biex l-istatwa tinġarr fuqha waqt il-marċ, b’xogħol ta’ ħadid għaliha sar mis-Sur Raymond Zammit.

Santa MarijaPero’ dan hu biss il-bidu. Il-Kumitat Festa Esterna, sa l-aħħar ta’ Settembru li ġej se jkun qed jilqa’ suġġerimenti u ideat għal dan il-proġett biex imbagħad fil-ġimgħat ta’ wara jiġu konklużi d-disinni ħalli sal-festa tas-sena d-dieħla jkun jista’ jinbeda l-ewwel xogħol fuq il-fażijiet l-oħra.

Il-Kumitat Festa Esterna - li huwa responsabbli mill-organizazzjoni sħiħa tal-attivitajiet esterni kollha tal-festa titulari tagħna f’dak kollu li tirrikjedi: baned, armar, dwal u nar – se jkompli jaħdem bla heda biex il-festa tagħna tikber bi proġetti bħal dawn. Ovvjament, dan kollu jista’ jsir biss bil-għajnuna tagħkom: kemm f’dawk li huma ideat kif ukoll f’dik li hi għajnuna manwali u finanzjarja. Ċerti li, bħal dejjem, l-appoġġ tagħkom se jkun hemm!