Home Contact
 
Djarju tal-Parrocca
   
Djarju 2011-2012
Progetti 2011-2012
150 Sena tal-Vara
Djarju 2012-2013
Progetti 2012-2013
   

PROĠETTI MATUL IS-SENA 2011-2012

SENA TA’ ĦIDMA FUQ PROĠETTI ĠODDA, RESTAWR U TIĠDID

L-aħħar sena kienet ikkaratterizzata minn diversi xogħlijiet ta’ restawr, tisbieħ u tiġdid, uħud ġodda u oħrajn li x-xogħol fuqhom kien ilu ftit li beda. Il-Perit DAVID VASSALLO jagħti ħarsa lejn dak li sar.

Bankun u Bradelli Ġodda

Bankun ġdidIl-ħtieġa li jinħadem bankun ġdid u żewġ bradelli għall-istatwi tal-Madonna tar-Rużarju u tad-Duluri meta dawn jinħarġu min-niċeċ tagħhom fil-festi rispettivi kien ilu jinħass. Il-bankun u l-bradella tal-istatwa tal-Madonna tar-Rużarju kienu antiki ħafna tant li sal-1933 fuqhom kienet titqiegħed l-istatwa titulari ta’ Santa Marija. Minbarra li kienu antiki, prattikament kienu spiċċaw kemm mil-lat ta’ dehra kif ukoll bħala saħħa tagħhom.  Il-bankun u l-bradella tal-istatwa ta’ Marija Addolorata kienu qed jistennew ukoll li jinbidlu.

Fl-2010, il-Kappillan Dun Norman Zammit ġie avviċinat minn benefattur li offra li jħallas l-ispejjeż kollha nvoluti biex dawn isiru ġodda. Għalhekk, wara li sar disinn u ntgħażel l-aħjar kwalita’ ta’ injam, beda x-xogħol fuq iż-żewġ bradelli u l-bankun. Interessanti ħafna x-xogħol ta’ interzjar fl-injam li sar fuq il-bradelli u ferm aktar fil-bankun. Id-disinn prinċipali fuq quddiem tal-bankun huwa n-Nome di Maria filwaqt li fil-ġnub hemm simbolu/tifkira tal-Familja Mqaddsa u tislima lill-Madonna bil-kliem tal-Anġlu Gabriel: ‘Sliem Għalik Marija’. Fuq wara wieħed isib is-simbolu tal-qalb tal-Madonna minfuda b’seba’ sjuf billi dan l-istess bankun jintuża għall-istatwa tal-Madonna tad-Duluri meta tinħareġ ta’ kull sena lejn tmiem ir-Randan u għall-jiem tal-Ġimgħa Mqaddsa, f’liema okkażjoni dan jitpoġġa fuq quddiem.

L-inawgurazzjoni u t-tberik ta’ dan ix-xogħol sar waqt il-quddiesa tal-festa tal-Madonna tar-Rużarju nhar is-Sibt, 1 ta’ Ottubru, 2011.

Manutenzjoni tat-Tabernaklu

F’Novembru 2011 inħass il-bżonn li jsir xogħol urġenti ta’ manutenzjoni fuq it-tabernaklu tal-artal maġġur. Ix-xogħol kien jikkonsisti fit-tiswija taċ-ċappetti, il-bdil tas-serratura u t-tindif u l-induratura tal-bieba tal-istess tabernaklu. Ix-xogħol kien fdat f’idejn is-Sur Tarcisio Cassar taż-Żejtun u ġie jiswa €2,500. (Ara aktar hawn).

Restawr u Induratura ta’ Sett Gandlieri u Salib

Għal ħafna snin, għall-ġranet ta’ matul is-sena, fuq l-artal maġġur tal-knisja tagħna kellna sett gandlieri tal-injam li kienu fi stat ħażin ħafna. Madwar sentejn ilu, il-Kappillan Dun Norman Zammit kien qabbad lill-induratur Rabti, Arthur Vassallo, biex jieħu ħsieb it-tiswija u l-induratura ta’ dan is-sett gandlieri flimkien mas-salib ta’ magħhom. Kif spjega l-induratur stess, il-gandlieri kienu fi stat ħażin ħafna peress li kienu nżebgħu b’żebgħa lewn il-fidda (porporina), kellhom bosta qsim u anke’ xi skultura nieqsa.

Restawr u Induratura ta’ Sett Gandlieri u SalibIl-proċess kollu tar-restawr kien jinvolvi diversi fażijiet:

  • tneħħija taż-żebgħa kollha;
  • ftuħ tal-qsim u mili b’materjal (injam) bħal dak li minnu huma maħduma l-gandlieri;
  • ħdim ta’ skultura ġdida fl-injam għal fejn kien hemm skultura nieqsa;
  • għoti ta’ trattament għal kontra s-susa;
  • tiswija ta’ xquq kbar bix-xoqqa u l-kolla (proċess magħruf bħala intellagio);
  • irraxkar (grif) tal-uċuħ biex reġgħu ħarġu d-dettalji tal-iskultura; u
  • induratura b’folji ta’ deheb abjad.

Ix-xogħol kollu sewa ‘il fuq minn €9,000. Dan is-sett gandlieri restawrat ġie inawgurat fil-bidu ta’ Diċembru 2011 billi ntrama madwar l-istatwa titulari ta’ Santa Marija li nħarġet min-niċċa fl-okkażjoni tal-għeluq tal-festi tal-150 sena tagħha u l-pussess tal-Kappillan il-ġdid.

Restawr tal-Istatwa ta’ San Alwiġi

Fin-nava ċentrali tan-naħa tax-xellug tal-knisja, fin-niċċa li hemm fuq il-konfessjonarju, wieħed isib statwa ta’ San Alwiġi. Din l-istatwa saret fl-1910 mill-artist Ġużeppi Cilia, li kien alliev tal-imgħallem Karlu Darmanin. Fl-imgħoddi, fil-parroċċa tagħna kien hawn devozzjoni kbira għal dan il-qaddis u kienet issirlu festa b’pompa kbira.

Wara li għal snin twal din l-istatwa qatt ma tniżżlet min-niċċa tagħha, fl-2010, f’għeluq il-mitt sena tagħha, l-istatwa nħarġet u tpoġġiet fil-knisja. Ġie nnotat li l-istatwa kien fiha diversi ħsarat li żviluppaw matul is-snin. Għalhekk ġie deċiż li jsirilha restawr. George Borg offra li jagħmel dan b’mod voluntarju.

L-ewwel intervent li sar fuq l-istatwa kien li tiġi ssudata l-anima tagħha. Imbagħad inbnew mill-ġdid il-partijiet tal-kartapesta li kienu spiċċaw għal kollox, speċjalment in-naħa t’isfel tas-suttana. Dawn il-partijiet ingħataw diversi passati ta’ ġibs, ġew xkatlati u finalment l-istatwa nżebgħet mill-ġdid. Il-bizzilla tal-ispellizza reġgħet saret kif kienet oriġinarjament. Fil-każ tal-wiċċ u l-idejn tal-istatwa, dawn tnaddfu biss u tħallew kif għamilhom l-artist mitt sena ilu.

Sakemm l-istatwa kienet qed tiġi restawrata, in-niċċa tagħha tkaħħlet u tbajdet mill-ġdid ħalli jiġi evitat li terġa’ ssir il-ħsara. Dan ix-xogħol sar b’mod voluntarju wkoll minn Christopher Abela.

L-istatwa ta’ San Alwiġi reġgħet tqegħdet f’postha nhar id-29 ta’ April 2012.


Manutenzjoni tal-Antiporti

Manutenzjoni tal-AntiportiWara li fl-2010 kien ingħata bidu għall-proġett ta’ manutenzjoni tal-antiporti tal-bibien tal-knisja billi sar xogħol fuq l-antiporta tal-bieb tal-lemin, matul din is-sena tkompla u tlesta dan ix-xogħol f’żewġ fażijiet: l-antiporta tal-bieb tax-xellug f’Novembru 2011 u dik tal-bieb il-kbir bejn April u l-aħħar ta’ Ġunju 2012. L-intervent li sar kien jikkonsisti fit-tqaxxir taż-żebgħa, tiswija tal-injam kif meħtieġ u fl-aħħarnett għoti tal-kulur u l-lostru. Ix-xogħol sar minn Nazzareno Azzopardi u sewa €3,100.

Manutenzjoni tal-Arloġġ

Manutenzjoni tal-ArloġġFl-aħħar snin, ħafna Dinglin kienu qed juru x-xewqa li l-arloġġ tal-knisja parrokkjali tagħna jerġa’ jibda jdoqq bħal ma kien qabel. Dan peress li, minħabba ħsara li żviluppat xi żmien ilu, dan waqaf milli jdoqq il-kwarti u s-sigħat permezz tal-qniepen li hemm fl-istess kampnar. Għalhekk, il-Kappillan il-ġdid Dun Ewkarist Zammit ħaseb li f’din l-ewwel sena tiegħu issir it-tiswija meħtieġa fuq dan l-arloġġ. L-arloġġ iżżarma u ttieħed għand l-arluġġar Ray Suban li ħa ħsieb ix-xogħol kollu fuq il-magna, inkluż il-manutenzjoni ta’ gerijiet, tranġar ta’ ħadid li kien mgħawweġ u bdil ta’ bearings. L-arloġġ inżebagħ bil-kuluri oriġinali tiegħu, reġa’ ntrama u ġie ssettjat mill-ġdid. Sadattant, fil-kampnar twaħħal travu ġdid tal-ħadid biex fuqu jkunu jistgħu jeħlu l-imrietel li saru ġodda u li bihom l-arloġġ idoqq fuq il-qniepen ta’ ġol-kampnar. Ix-xogħol fuq il-magna tal-arloġġ sewa €2,000, liema spiża tħallset kollha min-numru ta’ benefatturi. Ix-xogħol l-ieħor li sar fil-kampnar sar b’mod voluntarju minn Raymond u Noel Zammit.  Fuq dan il-proġett taw sehemhom ukoll Emanuel Abela u Joseph Farrugia.

Sadanittant, fuq in-naħa l-oħra tal-faċċata tal-knisja, fl-ispazju vojt pariġġ l-arloġġ, saret skrizzjoni meħuda mill-Ktieb ta’ Bin Sirak, liema kwotazzjoni tgħid: “IBNI, GĦOŻŻ IŻ-ŻMIEN” marbuta mat-tema tal-ħin u ż-żmien f’ħajjitna.

Bdil tal-Ilsna tal-Qniepen

Fuq parir tal-espert tal-qniepen, Kenneth Cauchi, ittieħdet id-deċiżjoni li l-ilsna tal-qniepen ‘il-ġodda’, jiġifieri dawk li nġiebu fl-1990, jinbidlu ma oħrajn aktar addattati.  Dan bil-għan li l-ħoss tal-qniepen ikun tat-tonalita’ li suppost. Dan ix-xogħol sewa €2,000. (Agħfas hawn biex taqra aktar dwar il-qniepen ta' Ħad-Dingli).

Xogħlijiet Oħra

Matul l-aħħar sena saru diversi xogħolijiet oħra fil-Knisja, fosthom:

  • bieb ġdid li jagħti mis-sagristija għal Misraħ Ġuże’ Abela;
  • cupboard ġdid għas-sagristija biex fih jitqegħdu l-paramenti sagri;
  • terħa ġdida b’bizzilla taċ-ċombini, maħduma b’mod voluntarju mis-Sinjura Lourdes Fenech, biex tintrama fuq l-artal tal-Kurċifiss fi żmien il-festa;
  • sett ta’ spellizzi u suttani ġodda għall-abbatini; u
  • ibbanjar ta’ kalċi u ċiborju.

Ħidmet il-Kumitat Festa Esterna

Il-Kumitat Festa Esterna, li huwa l-organu tal-parroċċa nkarigat mill-organizazzjoni tal-festa ta’ barra f’Ħad-Dingli, matul l-aħħar sena lesta dawn ix-xogħlijiet:

  • restawr taż-żewġ anġli  antiki li jintramaw fuq in-naħat ta’ barra tal-faċċata tal-knisja fi żmien il-festa, liema xogħol kien fdat f’idejn John Pace minn Marsaxlokk;
  • tlestija tal-pittura fuq żewġ bandalori oħra mis-sett ta’ Triq il-Parroċċa li juri episodji mill-ħajja tal-Madonna, xogħol Giovann u Paul Cassar mir-Rabat, Għawdex;
  • ħjata ta’ pavaljun ġdid għal Triq il-Kbira, xogħol li twettaq b’mod volontarju minn Anna Galea u Doris Abela;
  • sfumar ta’ pavaljun mis-sett ta’ Triq il-Kbira. Ix-xogħol sar minn Paul Mamo bil-ħsieb li dan is-sett ta’ pavaljuni jiġi sfumat kollu.  
  • Xogħol volontarju ta’ injam fosthom xkatlar u żebgħa ta’ erba’ arbli minn Victor Micallef, waqt li Raymond u Noel Zammit ħadmu karru tal-ħadid biex bih jittellgħu l-istatwi permezz tal-fork-lifter. Iż-żebgħa tal-karru ħa ħsiebha Daniel Abela.

Ringrazzjamenti

Il-parroċċa trodd ħajr mill-qalb lil dawk kollha li offrew l-għajnuna tagħhom b’mod voluntarju u lil dawk li kkontribwew finanzjarjament biex f’sena waħda seta’ jsir dan ix-xogħol kollu. Grazzi speċjali tmur ukoll għal dawk kollha li jgħinu fil-fundraising b’risq il-parroċċa.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2012

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.