Home Contact
 
Progett tal-Knisja Parrokkjali
Il-Knisja Parrokkjali fl-1939
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Kien proprju matul is-sena 2003 meta bdew jitfaċċaw diversi ħsarat fil-koppla, il-kampnari u l-koppletti. Beda jiġi nnutat dħul ta’ ilma minn diversi bnadi filwaqt li partijiet mill-bini kellhom ħsarat strutturali konsiderevoli.

Artiklu ta' David Vassallo, il-Perit inkarigat mill-proġett. 

Il-bini tal-knisja parrokkjali – dettalji storiċi

Qabel ma nidħlu aktar fil-fond ta’ dan il-proġett, tajjeb li nagħtu ħarsa storika lejn il-bini tal-knisja nnifisha. Kien madwar is-sena 1900 meta, fi żmien il-kappillan Dun Franġisk Muscat, ġie deċiż li tinbena knisja ġdida għal ‍Ħad-Dingli. Tqabbad il-Perit Francesco Zammit biex iħejji l-pjanti neċessarji u x-xogħol beda fi żmien qasir tant li fit-12 ta’ Lulju 1908 saret iċ-ċerimonja tat-tberik tal-knisja wara li kien tlesta parti sostanzjali mix-xogħol fuq ġewwa. Pero’, kif wieħed jistenna,  dan ma kienx ifisser li x-xogħol kollu kien lest. Fil-fatt ix-xogħol baqa’ għaddej għal ħafna snin tant li l-konsagrazzjoni solenni tal-knisja saret nhar is-26 ta’ Marzu 1939 minn Mons. Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof ta’ Għawdex.

Għaddew diversi snin u proprju għal nofs is-snin ħamsin, fi żmien il-kappillan Dun Karm Azzopardi, bdiet tinħass il-ħtieġa li l-knisja titkabbar. Ġie avviċinat il-Perit Ġuże’ Damato li ħejja l-pjanti fejn ippropona li l-knisja eżistenti tinżamm imma jinbnew in-navi fuq kull naħa u tinħatt il-faċċata eżistenti biex tinbena oħra ikbar b’mod proporzjonat mat-tkabbir tal-knisja. Dan il-proġett tressaq il-Kurja fl-1957 fejn ġie approvat fl-istess sena. Ix-xogħol beda fis-26 ta’ Jannar 1958 bil-bini tan-navi u baqa’ għaddej sa nofs is-snin sittin meta, fi żmien il-kappillan Dun Anton Muscat tlestew il-kampnari, il-portiku u z-zuntier il-ġodda.

L-aħħar fażi importanti fil-bini tal-knisja parrokkjali bla dubju ta’ xejn hija l-koppla. Kien il-Perit Italo Raniolo li, fi żmien il-kappillan Dun Pawl Caruana, ġie mqabbad jieħu ħsieb il-bini tal-koppla li nbeda fl-24 ta’ Ġunju 1968 u tlesta fil-15 ta’ Lulju 1973 bit-tqegħid tas-salib. Ftit wara beda x-xogħol ta’ skultura u dekorazzjoni fuq ġewwa biex l-inawgurazzjoni tal-koppla saret nhar id-9 ta’ Awwissu 1975.

Il-Progett tal-Knisja Parrokkjali

Il-ħsarat fil-bini tal-knisja

Wara dik il-ħarsa storika, niġu lura għall-ħsarat li tfaċċaw fl-2003 kif spjegat fil-bidu ta’ dan l-artiklu.

Mill-ewwel spezzjoni li saret fuq is-sit irriżulta li l-bini tal-knisja kellu tliet problemi prinċipali:

i. Dul ta’ l-ilma tax-xita mill-koppla u mill-koppletti

Dan kien qed jiġri peress li matul is-snin, iż-żebgħa u l-waterproofing bdew jiddeterjoraw kemm biż-żmien kif ukoll bil-kundizzjonijiet esposti tal-binja tal-knisja. Barra minn hekk, numru ta’ fili fil-koppla u l-kampnari bdew jinfetħu. Dan kollu, minbarra li kien qed joħloq inkonvenjent ġol-knisja, kien qed iwassal għal ħsarat fil-bini nnifsu.

ii. Ħsarat strutturali

Il-kolonni tal-ġebel fil-lanterni tal-koppletti bdew jinqasmu u partijiet minnhom jaqgħu għal isfel. Dan ġara minħabba li l-ħadid li kien intuża ġo l-istess kolonni waqt il-bini tagħhom beda jsaddad u jaqsam il-ġebel ta’ l-istess kolonni.

iii. Il-kundizzjoni tal-kalamita

F’dan l-istess żmien sar studju wkoll tal-kundizzjoni tal-kalamita tas-sajjetti fejn deher li din ukoll ma kinitx qed tiffunzjona kif suppost u għalhekk ħtieġet manutenzjoni u bidliet sostanzjali.

In vista ta’ dan kollu, l-urġenza li tittieħed azzjoni malajr ġiet mifhuma tant li ġie deċiż li dan ix-xogħol għandu jingħata prijorita’ assoluta fuq proġetti oħra. Dan bil-għan li tiġi evitata iktar ħsara u jitneħħa l-periklu kemm jista’ jkun malajr.

It-tiswija u manutenzjoni

F’Settembru 2004 beda x-xogħol fuq it-titjib tas-sistema tal-kalamita fejn parti sew mix-xogħol saret b’mod voluntarju.

Sadattant, wara li saru l-istimi tax-xogħol neċessarju, saret it-talba lill-Kurja li wara diversi laqgħat fuq il-post u anke fil-Kurja mal-kumitat responsabbli minn dawn il-proġetti, f’Ġunju 2007 approvat ix-xogħol propost. Fl-istess żmien kien għaddej il-proċess biex jintagħżlu l-kuntratturi biex jagħmlu x-xogħol u fil-fatt, il-kuntratt mal-kumpanija Agius Stone Works Ltd. ġie ffirmat nhar it-23 ta’ Lulju 2007.

Hekk kif għaddiet il-festa tal-2007 beda x-xogħol ta’ manutenzjoni tal-koppletti tan-naħa tal-lemin tal-knisja fejn prattikament il-lanterni tat-tliet koppletti kellhom jinħattu u jinbnew mill-ġdid b’kolonni u partijiet oħra ġodda li nħadmu mill-istess kuntrattur. Wara sar it-tikħil u l-waterproofing tat-tliet koppletti. Ftit tax-xhur wara beda x-xogħol fuq il-koppletti tan-naħa tax-xellug fejn il-ħsara kienet ħafna inqas tant li nħattet u nbniet lanterna waħda biss mit-tlieta.

Waqt li kien qed isir dan ix-xogħol ġie deċiż li ssir ukoll il-manutenzjoni tat-twieqi tal-injam tas-sitt koppletti. It-twieqi tal-lanterni tqaxxru u nżebgħu mill-ġdid imma dawk tan-naħa t’isfel tant kienu fi stat ħażin li kellhom jinbidlu kollha. It-twieqi l-ġodda tal-ħadid saru fuq l-istess disinn bħal dak oriġinali.

Ftit tax-xhur wara beda wkoll ix-xogħol fuq il-koppla. Hawnhekk ma nstab li kien hemm ebda ħsara strutturali u x-xogħol kien jikkonsisti fi brix taż-żebgħa l-antika, tikħil tal-fili u applikazzjoni ta’ waterproofing ġdid.

Hekk kif dan ix-xogħol kien qed jitlesta, intrama scaffolding fuq ġewwa tal-kampnar tal-lemin - li deher li l-iktar kellu ħsara - biex setgħet issir spezzjoni dettaljata tal-kundizzjoni tiegħu, partikolarment il-kolonni fuq in-naħa ta’ fuq. Minn dan l-istudju rriżulta li partijiet sew mil-lanterna ta’ l-istess kampnar kienu mittiekla u kien hemm bżonn li jinbidlu. Ix-xogħol fuq dan il-kampnar beda wara l-festa tal-2008 fejn inħadmu kolonni ġodda taż-żonqor - xogħol li sar mill-istess kuntrattur - u tqegħdu fil-post b’ħafna attenzjoni. Imbagħad kien imiss li jsir it-tikħil u ż-żebgħa tal-kampnar.

Fir-rigward tal-kampnar tax-xellug kien evidenti li l-ħsara ma kinitx daqshekk kbira. Pero’ biex tiġi evitata sitwazzjoni fejn fi żmien ftit tas-snin oħra jkollu jsir intervent kbir ieħor fuq il-knisja, ġie deċiż b’mod għaqli li l-kolonni ta’ dan il-kampnar għandhom jinbidlu wkoll f’dan l-istadju.

L-iskultura tal-faċċata

Waqt li kien għaddej ix-xogħol ta’ manutenzjoni fuq il-knisja bdew jiġu diskussi d-dettalji dwar it-tlestija tal-iskultura mal-faċċata. Ġew studjati fid-dettall il-pjanti oriġinali tal-Perit Ġuże’ Damato u saru numru ta’ laqgħat biex ikun żgurat li kull xogħol li jsir ikun fidil għad-disinji oriġinali li kienu saru għall-knisja fl-1957. Din l-aħħar fażi ta’ skultura mal-estern tal-bini tal-knisja bdiet fil-bidu tal-2009 mill-partijiet ta’ fuq taż-żewġ kampnari u numru ta’ kapitelli fuq in-naħa t’isfel tal-faċċata. F’dawn l-aħħar xhur saret l-iskultura tal-erba’ kolonni l-kbar tal-portiku u tal-kolonni fuq iż-żewġ naħat tal-bieb il-kbir flimkien ma’ xi dettalji oħra żgħar.

L-ispiża tal-proġett

Ix-xogħol kollu li semmejna f’dan l-artiklu se jkun sewa madwar €200,000. Ovvjament wieħed jifhem li f’dan l-istadju dan l-ammont għadu wieħed approssimattiv u l-parroċċa tkun qed toħroġ rendikont dettaljat hekk kif ix-xogħol kollu jiġi ċċertifikat u maqbul.

B’hekk, matul il-festa ta' dis-sena ġie konkluż dan il-proġett kbir li mhux biss ra l-għeluq tax-xogħol ta’ manutenzjoni li kien essenzjali li jsir biex ma tkomplix issir ħsara lill-bini tal-knisja imma wkoll it-tlestija tal-estern tal-knisja parrokkjali tar-raħal tagħna.

Nhar is-16 ta’ Awwissu 2010 rajna l-bini tal-knisja tagħna kif ħolmuha missierijietna iktar minn ħamsin sena ilu.

L-Inawgurazzjoni tal-Progett tal-Knisja Parrokkjali

mumenti waqt l-Inawgurazzjoni tal-Faccata tal-Knisja Parrokkjali

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.