Home Contact
 
Talb
   
Ir-Rit tal-Quddiesa
Hdud Sena Liturgika A
Hdud Sena Liturgika B
Hdud Sena Liturgika C
Liturgija tas-Sieghat
Laudi
Vespri
Kompieta
Ir-Ruzarju Mqaddes
Il-Misteri tal-Ferh
Il-Misteri tat-Tbatija
Il-Misteri tad-Dawl
Il-Misteri tal-Glorja
Kurunella ta' Santa Marija
Il-Bibbja
Talb Online
Kardinal Hume
Qalb ta' Gesu'
Numri t'Emergenza
In-Novena tal-Milied
L-Offerta ta' Kulljum
It-Triq tas-Salib
Laqgha ta' Talb
   

L-Offerta ta' Kulljum

L-Appostolat tat-Talb, b'kollaborazzjoni mal-Uffiċċju Missjunarju, kull xahar itina tlett intenzjonijiet għat-talb : (i) ġenerali (ii) missjunarja (3) tal-isqfijiet tagħna, talb għall-vokazzjonijiet. Tista' titlob biex tkun qalb waħda ma' Ġesu' bi kliem bħal dan :

Alla Missier, noffrilek dan il-jum, bit-talb, bil-ħsibijiet, il-kliem, il-ħidma, il-ferħ u t-tbatija kollha tiegħi f'għaqda sħiħa ma' Ġesu' Ibnek, li jkompli joffri lilu nnifsu fl-Ewkaristija għall-ħelsien tad-dinja. Agħmel li l-Ispirtu s-Santu, li mexxa lil Ġesu' ta' qalb ħelwa u umli, imexxi lili wkoll u jkun ta' qawwa għalija biex inkun xhud tal-imħabba tiegħek. Ma' Marija, Omm il-Mulej u Omm il-Knisja, nitolbok b'mod speċjali skont il-fehmiet tal-Papa u tal-Isqfijiet tagħna għal dan ix-xahar ...

OTTUBRU

  • Biex dawk fil-punt tal-mewt isibu l-wens fil-fidi tagħhom f'Alla u fl-imħabba ta' ħuthom.

  • Ħalli Jum il-Missjoni jqawwi fil-poplu ta' Alla ġibda għall-evanġelizzazzjoni, kif ukoll disponibbilita' biex jgħin bit-talb u bil-mezzi materjali.

  • Għall-voluntiera li jitilqu 'l bogħod minn xtutna biex jgħinu lill-batuti.

SETTEMBRU

  • Biex l-għalliema jagħrfu jikkomunikaw l-imħabba għall-verita' u jwasslu valuri morali u spiritwali awtentiċi.

  • Biex il-komunitajiet Insara fl-Asja jkunu ħerqana fix-xandir tal-Vanġelu u jagħtu xhieda tas-sbuħija tiegħu bil-ferħ tal-fidi tagħhom.

  • Għal dawk li jwasslu t-tagħlim Nisrani lil uliedna fil-klassijiet tal-katekiżmu.
AWWISSU
  • Biex il-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f'Madrid iħajjar liż-żgħażagħ jibnu ħajjithom fuq Kristu.

  • Biex l-insara tal-Punent jiftħu qalbhom għall-ħidma tal-Ispirtu s-Santu u jerġgħu jiskopru l-ħeġġa għal fidi tagħhom.

  • Għall-voluntiera kollha tal-parroċċi tagħna biex il-ġenerożita' tagħhom tkompli sseddaq fostna l-għaqda u s-sliem.

LULJU

  • Biex Kristu jtaffi t-tbatija tal-ġisem u tar-ruħ tal-morda bl-AIDS, speċjalment fil-pajjiżi l-aktar fqar.

  • Biex is-sorijiet fit-territorji tal-missjoni jkunu xhieda tal-ferħ tal-Vanġelu u sinjali ħajjin tal-imħabba ta' Kristu.

  • Għal dawk li joffru l-għajnuna tagħhom u jagħtu kelma ta' faraġ lill-morda u lill-persuni bi bżonnijiet speċjali fi djarhom u fl-isptarijiet.

ĠUNJU

  • Biex is-saerċdoti, marbutin mal-Qalb ta' Ġesu', ikunu xhieda tal-imħabba ta' Alla kollha ħniena u ħlewwa ma' kullħadd.

  • Biex l-Ispirtu s-Santu jsejjaħ mill-komunitajiet tagħna ħafna missjunarji ddedikati bis-sħiħ għat-tixrid tas-Saltna ta' Alla.

  • Għall-anzjani li jkomplu jagħtu s-sehem utli tagħhom lis-soċjeta' u lill-Knisja.

MEJJU

  • Biex dawk li jaħdmu fil-midja jirrispettaw il-verita', is-solidarjeta' u d-dinjita' tal-bnedmin kollha.

  • Biex il-Mulej jgħin lill-Knisja fiċ-Ċina tippersevera fil-fidi u tikber fl-għaqda.

  • Ħalli l-volontarjat fil-qasam kulturali jwassal biex aktar napprezzaw dak kollu li jagħtina l-identita' tagħna bħala nazzjon.

APRIL

  • Sabiex bix-xandir tal-Vanġelu l-Knisja toffri liż-żgħażagħ skopijiet ġodda ta' ħajja u tama.

  • Biex bil-kelma tal-Vanġelu u x-xhieda ta' ħajjithom, il-missjunarji jwasslu lil Kristu lil dawk li ma jafuhx.

  • Għal kull min jimpenja ruħu biex it-tfal u ż-żagħżagħ tagħna jitilgħu b'karattru sod u valuri tajbin.

MARZU

  • Biex il-pajjiżi tal-Amerika Latina jimxu 'l quddiem fil-ġustizzja, imseddqa mill-Vanġelu.

  • Biex l-Ispirtu s-Santu jagħti d-dawl u l-qawwa lil min hu ppresegwitat u mwarrab minħabba l-Vanġelu.

  • Għal dawk li jippromwovu l-kummerċ ġust u jqajmu kuxjenza f'pajjiżna favur il-ħaddiema fqar fid-dinja.

 

Talba għal Tmiem il-Jum

F'xi ħin filgħaxija, l-aħjar qabel torqod, oqgħod ftit mumenti ma' Ġesu' u ħares lura lejn il-ġurnata li qed tintemm :

  • Ftakar fil-grazzji kollha li rċivejt tul il-jum u rringrazzja 'l-Mulej tagħhom.

  • Itlob il-grazzja li tagħraf kif il-Mulej kien miegħek tul dak il-jum.

  • Ifli kulma ġarrabt u fittex il-preżenza tal-Mulej f'dak li għaddej minnu.

  • Jekk xi ħaġa li ġrat tibqa' tagħmel impatt fuqek, tkellem ma' Ġesu' dwarha u itlob maħfra fejn ikun hemm bżonn.

  • Spiċċa billi titlob il-grazzja biex l-għada tkun aktar attent għas-sinjali tal-Mulej f'ħajtek.
Dan l-eżerċizzju m'għandux jeħodlok aktar minn 10 minuti, iżda flimkien mal-Offerta ta' Kuljum li tagħmel filgħodu, huwa ta' għajnuna kbira biex tagħraf kif il-Mulej qed jaħdem f'ħajtek.