Home Contact
 
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

MARIJA TGAWDI LIL ALLA BIR-RUĦ QADDISA U L-ĠISEM GLORJUŻ TAGĦHA

Kemm bħala Knisja Universali, kif ukoll bħala parroċċa, aħna niċċelebraw il-Verġni Marija li ġiet imtellgħa fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem. Din hija verità kbira dwar il-ħajja ta’ Marija u l-glorja li qegħda tgawdi.  Hija verità li tesprimi l-qdusija tagħha. REV. DR HECTOR SCERRI jaqsam magħna ftit riflessjonijiet bil-għan li nifhmu sewwasew dak li qed niċċelebraw fil-festa titulari tal-Assunta.

Aħna nistqarru li Marija, minn tmiem il-ħajja tagħha fuq din l-art, bdiet tgawdi lil Alla mhux bir-ruħ tagħha biss, imma b’ġisimha wkoll – ġisem glorjuż. Dan hu li nifhmu meta ngħidu li Marija “ġiet imtellgħa fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem”.

It-tgawdija eterna fil-ġenna hija l-grazzja merfugħa għal dawk kollha li matul ħajjithom fuq l-art jemmnu f’Ġesù u jmutu fil-grazzja tiegħu. Għall-bnedmin kollha li jmutu f’din il-grazzja, huma jaraw lil Alla wiċċ imbwiċċ ġewwa l-ġenna. Huma qegħdin f’dan l-istat bir-ruħ tagħhom biss. Dan jgħodd għall-erwieħ ġusti kollha li għexu mill-bidu tad-dinja, jiġifieri l-qaddisin kollha, kemm dawk li nafu bihom (għax ikkanonizzati u mqegħdin mill-Knisja bħala mudell għalina, jew persuni oħra ta’ ħajja eżemplari li xi wħud konna nafuhom), kif ukoll dawk li ma nafux bihom.

Mela, il-qaddisin kollha li hemm fil-ġenna għandhom ruħ mingħajr ġisem glorjuż. Iridu jistennew l-aħħar tad-dinja meta l-ġisem li kien sar trab jirxoxta u jingħaqad mill-ġdid mar-ruħ. Dan id-diskors jgħodd għal kull wieħed u waħda minna: jiġifieri li wara l-mewt tagħna, jekk inkunu salvi, ir-ruħ tagħna fil-ġenna trid tistenna l-aħħar tad-dinja biex tingħaqad mal-ġisem glorjuż tagħha. Ma ninsewx li bil-Misteru tal-Għid tiegħu, Ġesù salva l-umanità kollha, u salva mhux biss ir-ruħ tagħna, imma wkoll il-ġisem tagħna. Is-salvazzjoni li ġabilna Ġesù hija sħiħa – tal-persuna sħiħa, ruħ u ġisem.

Biex inkomplu nifhmu din il-verità importanti, irridu wkoll nisimgħu l-kliem ta’ San Pawl: “Kristu kien imqajjem tassew mill-imwiet, l-ewwel frott fost dawk li raqdu... għaliex, jekk permezz ta’ bniedem feġġet il-mewt, bi bniedem ukoll iseħħ il-qawmien mill-imwiet. Għax bħalma l-bnedmin kollha jmutu f’Adam, hekk ukoll jiksbu l-ħajja fi Kristu. Imma kulħadd skont kif imissu; jibda l-ewwel frott li hu Kristu; wara dawk li huma ta’ Kristu, f’jum il-miġja tiegħu” (1 Kor 15:20-23).

Kien jixraq li Marija Verġni – għax hija Omm Ġesù u hija mingħajr dnub – tkun l-ewwel waħda li warajh, wara mewtha, ma tarax it-taħsir tal-qabar u titla’ s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Fl-Iskrittura ma nsibu xejn dwar dan imniżżel mill-awturi sagri. Ir-Rivelazzjoni li għandna hija waħda indiretta permezz tat-tradizzjoni tal-Knisja, imma konnessa ma’ dak li nsibu dwar Marija fl-Evanġelju, speċjalment ir-relazzjoni speċjali tagħha ma’ Binha Ġesù. It-tradizzjoni tixhed għat-twemmin universali tal-insara dwar it-tlugħ ta’ Marija fis-sema. Insibu dan fil-kitbiet ta’ xi kittieba għorrief, imsejħin Missirijiet il-Knisja, speċjalment dawk tal-Lvant, kif ukoll fit-talb u d-devozzjoni popolari.

Kellhom jgħaddu ħafna sekli sakemm il-Knisja waslet biex tasal għal definizzjoni uffiċjali. Ma jfissirx li ma kinitx issir il-festa ta’ Marija mtellgħa s-sema jew ma kienx hemm devozzjoni. Anzi, d-devozzjoni kienet waħda mxerrda ħafna, anke f’pajjiżna, fejn bosta mill-parroċċi antiki kienu ddedikati lill-Assunta, bħall-parroċċa tagħna, dik ta’ Birmiftuħ u oħrajn. Il-mixja fl-iżvilupp tat-teoloġija kienet waħda twila, u matulha seħħ żvilupp dwar din id-duttrina.

Il-Papa Piju XII wasal għad-deċiżjoni li jipproklama domma tal-fidi wara riflessjoni twila u wara l-parir ta’ għadd kbir ta’ esperti. Kif intemmet it-Tieni Gwerra Dinjija, fl-1 ta’ Mejju 1946 huwa bagħat ittra enċiklika lill-isqfijiet kollha tad-dinja, Deiparae Virginis Mariae. Fiha hu staqsihom jekk jidhrilhomx li għandha ssir id-definizzjoni tat-tlugħ fis-sema ta’ Marija bir-ruħ u l-ġisem.

Il-Papa Piju XII, fil-fatt ma kien qiegħed idaħħal xejn ‘ġdid’, imma permezz tad-Domma tal-Assunta tal-1 ta’ Novembru 1950 huwa “kkonferma b’mod solenni bħala domma tal-fidi dak li kien ilu jeżisti, aċċettat u emmnut bil-fidi sħiħa tal-fidili fil-Knisja Universali. Ikkonferma dan it-twemmin bħala domma tal-fidi rrivelata minn Alla”. Hu ma bbażax dan it-tagħlim direttament fuq xi silta partikulari tal-Iskrittura, imma huwa dar “prinċipalment għall-fidi tal-Knisja” li hija mmexxija mill-Ispirtu s-Santu.

Il-kliem tad-dokument ta’ Piju XII, Munificentissimus Deus jgħid hekk: “Bis-setgħa tal-Mulej Ġesù Kristu, tal-qaddisin appostli Pietru u Pawlu, u bl-awtorità tagħna, aħna nxandru, niddikjaraw u niddefinixxu bħala domma rrivelata minn Alla: li l-Immakulata Omm Alla Marija dejjem Verġni, meta temmet il-mixja ta’ ħajjitha fuq l-art, ittieħdet bil-ġisem u r-ruħ fil-glorja tas-sema”.

Bħalma hija rebbieħa fuq id-dnub fit-tnissil tagħha bla tebgħa bis-saħħa tal-merti tal-fidwa ta’ Kristu, Marija hija wkoll rebbieħa fuq il-mewt, li hi konsegwenza u piena tad-dnub. Il-fidwa rebbieħa li tana Ġesù tgawdi minnha Marija, qabel kulħadd. Rebbieħa fuq il-mewt, ġisimha ma tħassarx u sar trab.  Aħna bil-ferħ nistqarru li Marija ġiet imtellgħa fis-sema bir-ruħ u bil-ġisem, u għalhekk minn meta għalqet għajnejha għall-ħajja fuq din l-art, hija fetħithom fil-ġenna fejn tgawdi lil Alla mhux biss permezz tar-ruħ qaddisa tagħha, imma wkoll permezz tal-ġisem purissimu u glorjuż tagħha.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.