Home Contact
 
Festa Santa Marija
Kappillan
   
   

Messaġġ mill-Kappillan għall-Festa 2012

INĦOBBUHA, BIEX NAGĦMLU BĦALHA

Għeżież ħuti Dinglin,

Fil-ħajja tagħna bħala bnedmin, ilkoll ngħożżu, dak kollu li huwa għal qalbna u għalhekk inħarsuh u nipproteġuh, biex kemm jista’ jkun nibqgħu ngawduh għal ħafna snin.  Aħna, f’Ħad-Dingli, għandna wkoll ħafna affarijiet komuni li huma għal qalbna, imma l-aktar minnhom kollha, żġur li tidher u tinħass l-għożża li għandna lejn il-padruna tar-raħal tagħna, Santa Marija.

Missirijietna, meta iddeċidew lil min ser jagħżlu bħala protettur tagħhom, ma setgħux għażlu aħjar milli fil-fatt għamlu u għalhekk minn dakinhar sal-lum inħolqot rabta hekk kbira u qawwija, li ħadd u xejn ma jista’ jħollha. Dan jidher l-aktar, meta wieħed jidħol fil-Knisja Parrokkjali tagħna, u jammira t-tempju sabiħ li d-Dinglin iddedikaw lill-Omm tagħna mtellgħa s-sema, biex flimkien ma’ binha Ġesu’ tħarishom u tieqaf magħhom fil-bżonnijiet tagħhom.

Dan kollu imma mhuwiex biżżejjed. Issa jmiss li nagħmlu l-parti tagħna aħna wkoll, biex b’hekk naraw fejn hi u kif qed tidher l-imħabba tagħna lejn din l-Omm.  Għalhekk f’dawn il-ġranet tal-festa, aħna lkoll mistiedna biex din ir-rabta tagħna ma’ din l-Omm, inkomplu nkabbruha, insaħħuha u nsarrfuha. Dan nistgħu nagħmluh l-aktar billi:

-  Lil Marija nżommuha aktar f’qalbna u nħalluha turina t-triq li twassalna għand binha Ġesu’.

-  Fl-imġieba tagħna ma’ xulxin, naraw li qalbna tkun bħal dik ta’ Marija: umli, ħanina u taf tħobb.

Bħalha nkunu għaqlin, billi ma nibnux teżori fuq l-art, fejn kollox jispiċċa u jintemm imma nibnu wieħed fis-sema, fejn Marija qed issaltan ma binha Ġesu’, minħabba li hija wriet fedelta’, f’dak li Alla talab minnha.

L-isbaħ rigal li nistgħu nagħtu lil Marija, f’din il-festa, huwa li nuru li tassew nħobbuha, biex nagħmlu bħalha, biex b’hekk il-festa ma tkunx ħela ta’ żmien, imma opportunita’ ta’ grazzja, fejn qalbna tinfetaħ għal Alla, u  nagħmlu bħal Marija dak biss li Alla jixtieq minna, biex b’hekk inkunu nistgħu  nduqu l-għoli u l-fond tal-imħabba tiegħu għalina.
 
Din hija l-aqwa għażla li nistgħu nagħmlu, aħna u nħejju ruħna, biex flimkien mal-Knisja nagħtu bidu għas-Sena tal-Fidi, li sejrin nibdewha fil-11 ta’ Ottubru li ġej, fejn aħna lkoll mistiedna biex bħal Marija ngħidu lil Alla: “Ħa jsir minni skont kelmtek” (Lq 1; 38).

Min qalbi, nawgura lilkom u l-familji tagħkom festa sabiħa, fejn l-eżempju ta’ Ommna Marija, isir l-għażla u x-xewqa tagħna.

Rev. Ewkarist Zammit