Home Contact
 
Festa Santa Marija
   
   

L-Omm li takkumpanjana fil-mixja

Għeżież ħuti Dinglin,

Kappillan Rev Ewkarist ZammitKemm nammira lil dik l-omm, li b’tant imħabba u għożża tgħin lit-tarbija tagħha tagħmel l-ewwel ftit passi fuq riġlejha.  Għajnejha ma jitħarrkux minn fuqha, li ma jmurx taqa’ jew tweġġa’.  Imma t-tarbija, bħal donnu tkun tixtieq tagħmel ftit passi weħidha!  Fl-istess ħin imma, mingħajr il-gwida tal-omm, it-tarbija ma tistax titgħallem timxi tajjeb, u faċli taqbad direzzjoni żbaljata.

Aħna wkoll fil-ħajja spiritwali tagħna, ma nistgħux nimxu weħidna jew għal rasna, imma għandna bżonn min imexxina u jurina t-triq. Kien għalhekk li, l-Mulej Ġesu’ minn fuq is-salib, tana lil Ommu Marija bħala l-Omm tagħna u lid-dixxiplu l-maħbub qallu, “Hawn hi ommok” (Ġw 19; 27).  U Ġwanni f’isimna laqa’ lil din l-Omm biex tkun ta’ akkumpanjament fil-ħajja spiritwali tagħna. Hi tiggwidana u tgħinna nimxu l-mixja tal-fidi tagħna, minkejja l-isfidi li s-soċjeta’ ta’ madwarna qed tpoġġilna. Imma dan, m’għandux għalfejn jaqtgħalna qalbna, għax f’Marija aħna nsibu kenn, qawwa u protezzjoni biex nibqgħu miexja fit-triq tagħna wara Ġesu’, minkejja d-diffikultajiet li niltaqgħu magħhom.

Il-Beatu Ġwanni Pawlu II, li tant kien jgħożż f’qalbu l-protezzjoni ta’ Marija, jħeġġiġna biex: “F’nofs it-taħbit tal-ħajja, nistednukom sabiex tgħollu ħarsitkom lejn il-Verġni Marija li Ġesu’ tana bħala Ommna.  Marija hi preżenti bħala Omm u tissieħeb fil-ħafna problemi ikkumplikati li llum qed iġarrbu f’ħajjithom l-individwi, il-familji u n-nazzjonijiet.  Hi tinsab preżenti għall-poplu nisrani sabiex tgħin fit-taqbida kontinwa bejn it-tajjeb u l-ħażin, biex tara “li ma jaqax”, u jekk jaqa’, biex tara li “jqum mill-ġdid”. (Enċiklika: Redemptoris Mater, 5).

Din is-sena, fil-festa ta’ Santa Marija, ilkoll rridu napprezzaw aktar lil din l-Omm li Ġesu’ tagħna u li missirijietna għażluha biex tkun il-patruna speċjali tar-raħal tagħna.  Il-missjoni tagħha hija li tgħinna nħejju triq biex Ġesu’ jsir parti sħiħa mill-ħajja tagħna.  Din hija l-istedina, li qed tagħmlilna l-Knisja f’din is-Sena tal-Fidi.  Għalhekk, Marija, illum iddur lejna u bħalma qalet lid-dixxipli fit-tieġ ta’ Kana tgħidilna: “Agħmlu kull ma jgħidilkom hu.”

Għalhekk il-festa li ser niċċelebraw flimkien, trid twassalna biex bħal Marija, nagħrfu l-bżonn ta’ Alla fil-ħajja tagħna u b’umilta’ nwieġbu għas-sejħa li qed jagħmlilna. Marija, ma ħalliet xejn xi jfixkilha milli tintelaq f’idejn Alla u tagħmel ir-rieda tiegħu.  Għall-kuntrarju poġġiet qalbha fil-proġett ta’ Alla għaliha u hemm sabet sens u tama fil-ħajja tagħha. Il-Papa Emeritu Benedittu XVI jurina li, “Marija hi kbira proprju għaliex ma tridx tkabbar lilha nnifisha, iżda ‘l Alla.  Hi umli u ma tridx tkun ħaġa oħra ħlief qaddejja tal-Mulej.  Hi taf li tista’ tagħti sehemha għas-salvazzjoni tad-dinja mhux billi twettaq xi ħidma tagħha, iżda biss billi proprju tiddedika lilha nnifisha għall-inizjattivi ta’ Alla.” (Ittra Enċiklika: Alla hu Mħabba, par.  41)

Din hija l-istedina għalina llum, biex aħna wkoll nagħmlu l-istess bħalha u nħalluha tmexxina bl-eżempju u bil-qawwa tagħha ta’ Omm il-bnedmin kollha.  Għaliex x’sens jagħmel li nagħmlu festa u qalbna tibqa’ ‘il bogħod minn Alla?  X’jiswa li ngħid li nħobb lil Alla u nibqa’ nwebbes rasi, għal dak li jrid minni?  U kif nistgħu ngħidu li nħobbu lil Santa Marija u l-eżempju tagħha ma jkaxkarniex biex nagħmlu bħalha?

F’din il-festa, ejjew nduru lejn din l-Omm tagħna tas-sema, u nitolbuha biex f’din il-mixja ta’ fidi, inħallu lilha biss tmexxina u turina t-triq biex naslu għand Ġesu’.  Dan nistgħu nagħmluh l-aktar fit-talba tar-Rużarju. Il-Papa Franġisku fil-velja ta’ Pentekoste ta’ din is-sena stqarr: “Ħaġa li kuljum tagħmilni iżjed b’saħħti hi r-Rużarju lill-Madonna. Inħoss fija qawwa hekk kbira għax immur għandha u nħossni b’saħħti.”

Jalla llum u f’din il-festa, din issir l-esperjenza u l-għażla tiegħek. Din hija t-talba tiegħi għalikom u għall-familji tagħkom għal din il-festa li flimkien bħala parroċċa ser niċċelebraw; biex flimkien nsibu f’Marija refuġju u qawwa biex ngħixu s-sejħa nisranija tagħna bħala dixxipli tal-Mulej.

Tkunu mberkin.

Rev. Ewkarist Zammit