Home Contact
 
Festa Santa Marija
Legjun ta' Marija - Frank Duff
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

IL-LEĠJUN TA’ MARIJA

Twaqqaf internazzjonalment fl-1921, daħal Malta fl-1936 u ilu fil-parroċċa tagħna mill-1962.  Il-President tal-Leġjun ta’ Marija f’Ħad-Dingli, FREDERICK CLARK, jikteb dwar l-istorja u l-għan ta’ dan il-moviment Kattoliku.  Fil-ħamsin sena ta’ preżenza f’Ħad-Dingli, tirrakkonta l-esperjenzi tagħha wkoll ALFREDA ABELA li għal snin twal mexxiet il-Leġjun ta’ Marija fil-parroċċa tagħna.

Il-Leġjun ta’ Marija huwa moviment tal-lajċi mwaqqqaf fl-1921 minn Frank Duff, f’Dublin, l-Irlanda.  Imwieled fis-7 ta’ Ġunju 1889, Duff kien l-akbar fost seba’ aħwa li tnejn minnhom mietu meta kienu għadhom żgħar.  Fl-eta’ ta’ 24 sena ġie mistieden minn ħabib tiegħu biex jidħol fis-Soċjeta’ ta’ San Vinċenz de Paule.  Impressjona ruħu ħafna bid-differenza li kienet teżisti bejn il-ħajja li kien jgħix fiha u dik tal-faqar, ġuħ u abbandun li ra b’għajnejh.  Kien hemm ħafna dak iż-żmien li kienu jmorru fil-kċejjen tal-karita’ biex jieħdu platt soppa.  Billi kien imdorri jaqra, tefa’ għajnejh fuq kotba spiritwali dwar Alla u l-qaddisin.  Hu nnota li ħafna minn dawk abbandunati kienu waqfu milli jipprattikaw il-fidi u kellhom bżonn ta’ inkoraġġiment. 

Leġjun ta' MarijaFl-1914 flimkien mal-hidma tas-Soċjeta’ ta’ San Vinċenz de Paule beda jagħmel appostolat personali billi jżur id-djar tal-foqra.  Fl-1916 huwa stampa ktejjeb jismu “Nistghu nsiru Qaddisin?” fejn it-teżi tiegħu hi li f’kull qalb ta’ kull Kattoliku rett, Alla ħawwel ix-xewqa biex isir qaddis. Fl-1917 qara għall-ewwel darba l-ktieb ta’ San Alwiġi Maria de Montfort “Il-Vera Devozzjoni lejn il-Verġni Mbierka Marija” iżda ma setax jifhmu u kellha tkun it-tielet darba li qrah li beda jifhem din id-devozzjoni.   Sadanittant, kellu talba minn xi tfajliet biex jibdew huma wkoll iżuru lill-foqra u l-abbandunati, iżda billi s-Soċjeta’ ta’ San Vinċenz de Paule kienet għall-irġiel biss, huwa ftiehem biex jiltaqa’ magħhom l-Erbgħa fit-8.00 ta’ filgħaxija.  Mingħajr ma kien maħsub minn qabel, dik il-ġurnata kienet is-7 ta’ Settembru 1921 u fiha ltaqgħu ħmistax-il mara flimkien ma’ Fr Michael Toher u Frank Duff.   Il-post kien jismu ‘Myra House’, 100 Francis Street, Dublin u waħda minn dawk li waslet kmieni ppreparat dvalja bajda bl-istatwa ta’ Marija Imnissla bla Tebgħa fuqha, b’żewġ vażetti bil-fjuri maġenbha u par gandlieri bix-xemgħat jixegħlu quddiemha.  L-ewwel ħaġa li għamlu niżlu għarkupptejhom u talbu r-Rużarju u wara bdew jiddiskutu kif l-aħjar li jaqdu lil dawk anqas ixxurtjati minnhom.  Minn dik id-diskussjoni twieled il-Leġjun ta’ Marija bħalma hu llum bl-għamliet kollha tiegħu.

L-ewwel ħidma tagħhom kienet li jżuru dik it-taqsima fl-isptar fejn ftit kienu jmorru viżitaturi biex jaraw lil dawk li kienu morda bil-kanċer; ħidma oħra li segwiet fi żmien qasir kien l-organizzar ta’ irtir għal 23 prostituta li meta spiċċa l-irtir daħlu f’dar ipprovduta mill-gvern li aktar ‘il quddiem saret magħrufa bħala Sancta Maria Hostel. Frank Duff miet fis-7 ta’ Novembru 1980 fl-eta’ ta’ 91 sena.  Hija kumbinazzjoni li twieled u miet fl-ewwel Ġimgħa tax-xahar meta hu kien tant devot tal-Qalb ta’ Ġesu’?

Minn bidu tant umli, il-Leġjun ta’ Marija jinsab fil-kontinenti kollha, ‘il fuq minn 170 pajjiż u għandu 4 miljun membri attivi li jattendu laqgħa ta’ kull ġimgħa u jwettqu xi appostolat u 5 miljun awżiljarji li jgħinu lill-leġjun billi jirreċitaw it-talb tat-Tessera.

L-iskop tal-leġjun hu l-glorja ta’ Alla bil-qdusija tal-imseħbin tiegħu li tiġi żviluppata bit-talb u b’kooperazzjoni mal-ħidma ta’ Marija u tal-Knisja.
L-iżgħar fergħa tal-leġjun tissejjah Praesidium li jkollha laqgha darba fil-ġimgħa u li fiha t-talb huwa minsuġ mar-rapporti u mad-diskussjoni.
Min jixtieq jidħol fil-leġjun japplika biex isir membru fi Praesidium.

Il-ħidma tal-leġjun taghti priorita’ lill-qdusija u t-tjubija ta’ kull individwu.  Il-membri jieħdu sehem fil-ħajja tal-parroċċa billi jżuru lill-familji, lill-morda fi djarhom kif ukoll fl-isptar, u bil-kollaborazzjoni f’kull ħidma appostolika u missjunarja tal-parroċċa.  Kull leġjunarju hu meħtieġ li jwettaq ħidma ta’ appostolat bi spirtu ta’ fidi u f’għaqda ma’ Marija.

Tisħib Awżiljarju hu miftuh għal saċerdoti, reliġjużi u lajċi li jixtiequ li jingħaqdu mal-leġjun billi jidħlu għal servizz ta’ talb f’ismu.

Messaġġ tal-Qdusija Tiegħu l-Papa Benedittu XVI fl-okkażjoni tad-90 sena mit-twaqqif tal-leġjun jinkoraġġixxi biex nipperseveraw bil-ferħ f’din il-missjoni importanti u jfakkarna li ma’ Marija u l-Knisja m’aħniex weħidna u li Kristu nnifsu hu preżenti u attiv f’nofsna.

F’Malta nsibu l-ewwel żerriegħa tal-Leġjun ta’ Marija fl-1936 u l-ewwel Direttur Spiritwali kien il-Poeta Nazzjonali Dun Karm Psaila.  Illum il-leġjun jinsab kważi f’kull parroċċa ta’ Malta u Għawdex u għandu taħt il-kura tiegħu l-korpi tal-leġjun li jiltaqghu fil-Libja, is-Sirja, it-Turkija, l-Albanija, il-Greċja u Ċipru.

IL-LEĠJUN F'ĦAD-DINGLI

F’Ħad-Dingli, il-Leġjun ta’ Marija beda ħamsin sena ilu.  L-ewwel Direttur Spiritwali kien Dun Ġwann B. Abela li flimkien ma ħutu Alfreda u Lucia żammew il-Leġjun ħaj matul dawn is-snin, b’waħda minnhom baqgħet tattendi sa ftit tal-ġimgħat ilu.  Bhalissa l-Praesidium li jismu ‘Omm l-Iżjed Safja’ jiltaqa’ kull nhar ta’ Erbgħa fis-6.00 ta’ filgħaxija fiċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa u fih ħames membri li bl-għajnuna ta’ leġjunarju mir-Rabat baqgħu jagħmlu l-laqgħat regolarment.

Alfreda Abela, waħda mill-ewwel membri tal-Leġjun ta’ Marija f’Ħad-Dingli tirrakkonta t-tifkiriet tagħha tas-sehem li kellha fil-Leġjun ta’ Marija sakemm madwar tliet snin ilu, minħabba raġunijiet personali, kellha tħalli dan l-impenn:

"Wara l-mewt tal-maħbub Kappillan Dun Karm Azzopardi fl-1961, kien hemm intervall żgħir u ġie nominat Kappillan Dun Anton Muscat mill-Mosta.  Mill-bidu nett, hu wera x-xewqa li jwaqqaf l-għaqda reliġjuża tal-Leġjun ta’ Marija.  Iddiskutiha ma’ Dun Ġwann B. Abela li kien l-uniku saċerdot f’Ħad-Dingli u dan, minkejja x-xogħol kbir tiegħu fil-parroċċa, aċċetta dan l-inkarigu u sar l-ewwel direttur spiritwali.  Dar dawra madwarna u beda jfittex xi tfajliet biex jidħlu f’din l-Opra ta’ Marija.  Hekk twieled il-Leġjun ta’ Marija f’Ħad-Dingli li beda jaħdem uffiċjalment nhar il-11 ta’ Marzu 1962.

Għall-ewwel snin, il-Presidenta kienet Joyce Saliba (oħt il-mejjet Kan. Dun Mikiel Saliba) mir-Rabat.  L-ewwel membri kienu Mary Anne Muscat, Carmen Bonello u Rita Muscat. Aktar tard daħlu bħala membri Agnes Scerri, Cristina Farrugia, Carmen Farrugia u jien.  Xi żmien wara aċċettajt li noqgħod Presidenta u maż-żmien tħajru aktar nisa miżżewġin u tfajliet fosthom oħti, Lucia Abela.

Ix-xogħol u l-iskop prinċipali hu l-appostolat, it-tqaddis personali tal-membri u t-tixrid tad-devozzjoni lejn il-Madonna. Il-laqgħa tkun darba f’ġimgħa f’ġurnata fissa, tibda bir-Rużarju madwar l-altar tal-Madonna. Wara diskors qasir tal-president/a, il-membri jirrappurtaw ix-xogħol li jkunu għamlu u jingħata xogħol għall-ġimgħa ta’ wara. Il-post tal-laqgħat  għal ħafna snin kien fid-Domus tal-parroċċa u f’kamra fil-kampnar.

Niftakar tajjeb It-twaqqif tal-“Praesidium” tal-JUNIORS li kiber ġmielu u kien jinkludi tfal ta’ wara l-Griżma. F’dan il-grupp li kien jismu “Warda Mistika” niftakar tifla partikulari, Sonia Attard, li kienet b’diżabilita’ iżda kellha kuraġġ taż-żonqor, ferriħija u ma taqta’ qalbha minn xejn.  Għal snin sħaħ kienet tattendi u titla’ għarkopptejha l-garigor tal-kampnar għall-kamra li konna nużaw ħdejn il-gallerija tal-orgni.  Minn dan il-grupp infetħet warda oħra, dik tar-Rosary Group (tfal ta’ wara l-Preċett).  Naturalment it-tfal jistennew mhux biss tagħlim iżda attivitajiet u kienu ħafna d-drabi li ħadnihom il-Buskett, Għar Lapsi, il-Fawwara, sa wasalna anke l-Ġnejna bil-mixi mir-raħal. Għalija bħala Presidenta nista’ ngħid li kien l-isbaħ żmien ta’ ħajti. Kont niġi lura mix-xogħol fl-isptar u nsibhom jistennewni barra bil-ħerqa!

Ix-xogħol prinċipali tal-membri kbar kien li:

i) nieħdu l-istatwa tal-Madonna għand 2 familji u nħalluha hemm għal ġimgħa, wara li nkunu kellimnihom, ħeġġiġnihom għar-rużarju, il-quddiesa, tqarbin, sagramenti, etc. u nħajruhom jingħaqdu magħna;

ii) ninvistaw il-morda tal-parroċċa; u

iii) nħajru il-familji biex jikkonsagraw il-membri tagħhom lill-Qalb ta’ Ġesu’ u ta’ Marija.  S’issa hemm 158 familja kkonsagrata.

Sadanittant, id-dar numru 43 ta’ Triq il-Parroċċa saret proprjeta’ personali ta’ Dun Ġwann B. Abela u hu ġentilment offra l-użu tal-post għas-servizz tal-Leġjun.  Il-Juniors ukoll kienu jiltaqgħu hemm."

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-festa ta' Santa Marija 2012.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.