Home Contact
 
Talb
   
Ir-Rit tal-Quddiesa
Hdud Sena Liturgika A
Hdud Sena Liturgika B
Hdud Sena Liturgika C
Liturgija tas-Sieghat
Laudi
Vespri
Kompieta
Ir-Ruzarju Mqaddes
Il-Misteri tal-Ferh
Il-Misteri tat-Tbatija
Il-Misteri tad-Dawl
Il-Misteri tal-Glorja
Kurunella ta' Santa Marija
Il-Bibbja
Talb Online
Kardinal Hume
Qalb ta' Gesu'
Numri t'Emergenza
In-Novena tal-Milied
L-Offerta ta' Kulljum
It-Triq tas-Salib
Laqgha ta' Talb
   

L-Ewwel Misteru tal-GlorjaL-Ewwel Misteru tal-Glorja
Meta Sidna Ġesú Kristu qam minn bejn l-imwiet.

 
Kien il-Ħadd , l-ewwel tal-ġimgħa, filgħodu kmieni kif kien għadu d-dlam, u Marija ta’ Magdala ġiet ħdejn il-qabar u rat il-blata mneħħija mill-qabar.  Għalhekk telqet tiġri għand Xmun Pietru u għand id-dixxiplu l-ieħor li kien iħobb Ġesù, u qaltilhom: “Qalgħu l-Mulej mill-qabar, u ma nafux fejn qegħduh!”  Pietru u d-dixxiplu l-ieħor ħarġu u ġew ħdejn il-qabar.  It-tnejn ġrew flimkien, imma d-dixxiplu l-ieħor ħaffef  aktar minn Pietru u laħaq qablu ħdejn il-qabar.  Tbaxxa, u ra il-faxex tal-għażel imqiegħda hemm, iżda ma daħalx.  Imbagħad wasal warajh Xmun Pietru, daħal fil-qabar, u ra  l-faxex ta’ l-għażel imqiegħda hemm, u l-maktur li kien madwar rasu, dan ma kienx mal-faxex, imma mitwi u mqiegħed għalih.  Imbagħad id-dixxiplu l-ieħor, li kien wasal l-ewwel ħdejn il-qabar, daħal hu wkoll, ra, u emmen.  Sa dak in-nhar kienu għadhom ma fehmux l-Iskrittura li tgħid li kellu iqum mill-imwiet.
Imbagħad id-dixxipli reġgħu lura lejn djarhom.
Ġwanni 20: 1-10

 

It-Tieni Misteru tal-GlorjaIt-Tieni Misteru tal-Glorja
Meta Sidna Ġesú Kristu tela’ s-sema.

 
Kif kienu miġbura flimkien, staqsewh: “Mulej, hu ż-żmien li fih int se terġa’ twaqqaf is-Saltna ta’ Israel?”  Hu weġibhom: “M’hix biċċa tagħkom li tkunu tafu l-waqt u ż-żmien li l-Missier għażel bis-setgħa tiegħu.  Imma meta jiġi fuqkom l-Ispirtu s-Santu, intom tirċievu l-qawwa, u tkunu xhieda tiegħi f’Ġerusalemm, fil-Lhudija kollha u s-Samarija u sa truf l-art.”  Wara li qal dan , huma u jħarsu lejh, kien meħud ’il fuq, u sħaba ħadithulhom minn quddiem għajnejhom.  Waqt li kienu b’għajnejhom fis-sema jħarsu lejh sejjer, f’daqqa waħda dehru ħdejhom żewġ irġiel libsin l-abjad, u qalilhom: “Irġiel tal-Galijija, x’intom tħarsu lejn is-sema?  Dan Ġesù li kien meħud minn magħkom lejn is-sema, għad jerġa jiġi kif  rajtuh sejjer”.
Atti 1: 6-11 

 

It-Tielet Misteru tal-GlorjaIt-Tielet Misteru tal-Glorja
Meta Sidna Ġesú Kristu bagħat l-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli.

 
Kien nhar l-Għid il-Ħamsin, u huma kienu lkoll flimkien f’post wieħed.  F’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi, u mela d-dar kollha fejn kienu qegħdin.  U dehrulhom ilsna qishom tan-nar, li tqassmu u qagħdu fuq kull wieħed minnhom.  Imtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skond ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu.  F’Ġerusalemm kien hemm xi Lhud, nies twajba minn kull nazzjon li hawn taħt is-sema.  Malli nstema’ dan il-ħoss, inġabret kotra kbira, ilkoll imħawdin għax kull wieħed minnhom kien jismagħhom jitkellmu bl-ilsien tiegħu. Miblugħin u mistagħġbin, bdew igħidu: “Dawn li qegħdin jitkellmu m’humiex ilkoll mill-Galilija?  Mela kif kull wieħed minna qiegħed jismagħhom jitkellmu bi lsien art twelidu?  Partin,Medin u Għelamin, nies mill-Mesopotamja, mill-Lhudija, mill-Kappadoċja, minn Pontu, mill-Asja, mill-Friġja, mill-Pamfilja, mill-Eġittu, mill-inħawi tal-Libja madwar Ċireni, nies li ġew minn Ruma, kemm Lhud u kemm proseliti, oħrajn minn Kreta u Għarab, aħna lkoll qegħdin nisimgħuhom ixandru bl-ilsna tagħna l-egħġubijiet ta’ Alla.”  U lkoll , mitlufa bil-għaġeb, bdew igħidu  wieħed lill-ieħor: “Dan xi jkun?”
Atti 2: 1-12 

 

Ir-Raba' Misteru tal-GlorjaIr-Raba' Misteru tal-Glorja
Meta Sidtna Marija ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

 
Imbagħad qalet Marija: “Ruħi tfaħħar il-kobor tal-Mulej, u l-Ispirtu tiegħi jifraħ f’Alla s-Salvatur tiegħi, għax hu xeħet għajnejh  fuq iċ-ċokon tal-qaddejja tiegħu…Iva, minn issa ‘l quddiem kull nisel isejjaħli ħienja, għax is- setgħani għamel miegħi ħwejjeġ kbar; qaddis hu l-isem tiegħu. Il-ħniena tiegħu tinfirex f’kull żmien fuq dawk li jibżgħu minnu.  Hu wera l-qawwa ta’driegħu, xerred lil dawk li huma mkabbra f’qalbhom.  Niżżel is-setgħana minn fuq it-tron tagħhom, u għolla ċ-ċkejknin.  Mela b’kull ġid lil min hu bil-ġuħ, u l-għonja bagħathom ‘l barra b’xejn.  Ħa ħsieb Israel qaddej tiegħu, għax ftakar fil-ħniena tiegħu  -  bħalma wiegħed lil missirijietna  -  b’riżq Abraham u nislu għal dejjem.
Marija baqgħet ma’Eliżabetta għal xi tliet xhur u mbagħad reġgħet lura lejn darha.
Luqa 1: 46-56 

 

Il-Ħames Misteru tal-GlorjaIl-Ħames Misteru tal-Glorja
Meta Sidtna Marija ġiet inkurunata mit-Trinitá Qaddisa u mgħollija fuq il-kori kollha ta’ l-Anġli.

 
U deher sinjal kbir fis-sema :  Mara,liebsa x-xemx, bil-qamar taħt riġlejha, u b’kuruna ta’ tnax-il kewkba fuq rasha. Hija kienet fit-tqala;u bidet tgħajjat bl-uġigħ tal-ħlas u tbati biex teħles.  Imbagħad fis-sema deher sinjal ieħor:  ara, Dragun kbir minn lewn in-nar b’sebat irjus u għaxart iqrun, u b’seba’ djademi fuq irjusu.  U b’denbu kines  waħda mit-tlieta tal-kwiekeb tas-sema u waddabhom lejn l-art.  U d-dragun mar qagħad quddiem il-Mara li kienet se tiled, biex kif tiled lil binha jibilgħu. U hi wildet iben, tifel, li kien għad irid jirgħa l-ġnus b’xettru tal-ħadid.  U binha ġie maħtuf għal quddiem Alla u quddiem it-tron tiegħu.  U l-Mara ħarbet fid-deżert, hemmhekk fejn għandha post imħejji minn Alla, biex hemm jitimgħuha għal elf, mitejn u sittin jum.

Imbagħad qamet gwerra fis-sema:  Mikiel u l-Anġli tiegħu jitqabdu mad-Dragun.  U d-Dragun u l-Anġli tiegħu tqabdu, iżda ma kellhomx ħila jegħelbu, u ma kienx hemm iżjed post għalihom fis-sema.  U ġie mwaddab id-Dragun il-kbir, is-Serp tal-qedem, li hu msejjaħ id-demonju u x-Xitan, il-qarrieq tad-dinja kollha, kien imwaddab għal fuq l-art, u miegħu kienu mwaddba l-anġli tiegħu.  U smajt leħen qawwi fis-sema jgħid: “Issa ġiet is-Salvazzjoni u l-qawwa, u s-Saltna ta’ Alla tagħna, u s-setgħa ta’ Kristu tiegħu, għax twaddab ‘l barra dak li jixli ‘l ħutna, li lejl u nhar jixlihom quddiem Alla tagħna.  U huma ħarġu rebbieħa fuqu permezz tad-demm tal-Ħaruf u bis-saħħa tal-kelma li xehdu, u ma għożżewx ħajjithom, minkejja saħansitra l-mewt.  Għalhekk ifirħu, smewwiet, u intom li tgħammru fihom.  Ħażin għalikom, ja art u baħar, għax fikom niżel is-Demonju, b’korla kbira fuqu, għax jaf li żmien ftit baqagħlu”
Apokalissi 12: 1-12