Home Contact
 
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Bejn il-11 ta’ Ottubru 2012 u l-24 ta’ Novembru 2013, il-Knisja Kattolika qed tgħix is-Sena tal-Fidi.  Din is-sena bdiet fuq inizjattiva tal-Papa Benedittu XVI, bil-Knisja issa qed tkompli din il-mixja taħt il-gwida ta’ ragħaj spiritwali ieħor: il-Papa Franġisku. F’dan l-artiklu SAVIO D. BORG jagħti ħarsa lejn is-Sena tal-Fidi, l-għanijiet tagħha u kif qed ngħixuha fil-parroċċa tagħna.    

Is-Sena tal-Fidi tħabbret nhar is-17 ta’ Ottubru 2011, bil-publikazzjoni tal-Ittra Appostolika ‘Porta Fidei – il-Bieb tal-Fidi’.  B’dan id-dokument, il-Papa Benedittu XVI, jistqarr li qiegħed iniedi din is-Sena tal-Fidi, fl-anniversarju tal-ħamsin sena mill-bidu tal-Konċilju Ekumeniku Vatikan II, bi tweġiba għall-krizi qawwija tal-fidi li qed taffetwa lill-umanita’ kollha.  Il-Papa kompla jispjega li ‘l-Bieb tal-Fidi’ huwa dejjem miftuħ u huwa l-muftieħ biex nidħlu fil-Knisja ta’ Alla. Il-mixja tal-fidi trid tkompli tul il-ħajja kollha tal-bniedem; mill-Magħmudija sal-mewt. Ħafna nsara qed jiġu aljenati mill-ħajja moderna u qed ifittxu bla ma jsibu, tweġibiet għall-kriżijiet li qed jaħkmu d-dinja tal-lum; it-tweġibiet jinstabu fil-Kelma t’Alla u fil-kliem ta’ Ġesu Kristu li jistedinna nfittxu l-ikel li jibqa’ għal dejjem.  

It-tnedija ta’ din is-‘Sena tal-Fidi’, hija okkażjoni biex il-Knisja kollha tirrifletti u terġa’ tiskopri l-fidi.  Il-ħajja tan-nisrani trid tkun mera ta’ dak li jemmen. Il-Knisja hija Divina; fl-istess ħin il-membri tagħha huma midinba u għalhekk għandha bżonn tissaffa bil-penitenza u t-tiġdid. Hija sejħa għall-konverżjoni vera u ritorn lejn Alla, l-uniku Salvatur tal-bniedem.

Din l-imħabba ta’ Kristu, meta mgħixa b’mod awtentiku, tħeġġiġna għall-evanġelizzazjoni ġdida. Il-ferħ tat-twemmin tagħna, hemm bżonn li jiġi trasmess lid-dinja sekulari ta’ madwarna.  Din is-sena, trid tqawwi qalb l-insara u tħeġġiġhom biex jistqarru l-fidi tagħhom f’Ġesu’.  In-nisrani ma jistax jgħix il-fidi waħdu; għalhekk irid jagħraf t-tagħlim tal-Knisja mal-medda ta’ elfejn sena, u jaqsmu mal-oħrajn. Il-Papa jkompli jgħidilna biex inkomplu nagħtu xhieda tal-fidi tagħna bil-karita’, għaliex fidi bla karita’ hija biss sentiment.

Fl-aħħarnett, il-Papa jtemm dan l-indirizz tiegħu f’din l-Ittra Appostolika billi jafda b’fiduċja fil-Mulej Ġesu’ li jinsab fostna u jirbaħ is-setgħa tal-ħażin. Jafda din s-‘Sena tal-Fidi’, dan iż-żmien ta’ grazzja f’idejn Omm Alla, Marija, imsejħa minn Santa Eliżabetta ‘hienja għaliex emmnet’ (Lq. 1, 45).

Filwaqt li fil-Vatikan kien qiegħed jitlaqqa’ s-Sinodu tal-Isqfijiet li tratta ‘L-Evanġelizzazzjoni Ġdida fit-trasmissjoni tal-Fidi Nisranija’, nhar il-11 ta’ Ottubru, 2012, il-Papa Benedittu XVI fetaħ b’quddiesa solenni din is-‘Sena tal-Fidi’ li kien ħabbar is-sena ta’ qabel.

Fl-istess jum, fid-djoċesi ta’ Malta, l-Arċisqof Monsinjur Pawlu Cremona O.P. flimkien mal-Isqfijiet Maltin, in-Nunzju Appostoliku u l-kappillani kollha ta’ Malta, inġabru fil-Knisja Kolleġġjata ta’ San Pawl ir-Rabat għal mument ta’ talb flimkien; propju fuq il-post minn fejn l-Appostlu tal-Ġnus żera u ħawwel il-fidi matul it-tliet xhur li dam fostna.  Kull kappillan ġie mogħti musbieħ, li inxtgħel mil-lampier li jinsab fil-grotta ta’ San Pawl, biex ikun sinjal tar-realta’ tad-dawl tal-fidi f’kull parroċċa. Fil-parroċċa tagħna, dan il-musbieħ tħejjielu post xieraq ħdejn l-ambone, il-post minn fejn titħabbar il-Kelma t’Alla li hija d-dawl veru li jdawwal id-dinja.   

Fil-parroċċa tagħna, il-bidu tas-Sena tal-Fidi ġie ċċelebrat l-għada, nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Ottubru 2012.  F’dik l-okkażjoni Ġesu Sagramentat kien espost għall-adorazzjoni mill-5.00 p.m. ‘il quddiem.  Fit-8.00 p.m. il-familji kollha kienu mistiedna jinġabru l-Knisja biex jieħdu sehem f’quddiesa tal-okkażjoni li tmexxiet mill-Pro Vigarju Ġenerali, Monsinjur Anton Gouder. Wara l-quddiesa kien hemm mumenti ta’ talb li ntemmu bil-barka sagramentali. 

Ittieħdu diversi inizjattivi oħra f’Ħad-Dingli marbuta mas-Sena tal-Fidi.   Minn Jannar, fl-ewwel ġimgħa ta’ kull xahar, Fr Eric Cachia S.D.B. qed imexxi meditazzjoni u talb fuq il-Kelma t’Alla permezz tal-‘Lectio Divina’.  Dawn il-laqgħa qed isiru fil-knisja parrokkjali u ntlaqgħu tajjeb bl-attendenza qed tkun waħda inkoraġġanti. 

Fl-Ittra Appostolika ‘Il-Bieb tal-Fidi’, il-Papa Benedittu XVI semma bħala wieħed mit-tliet għanijiet tas-Sena tal-Fidi “li noħorġu aktar l-għixien u s-sbuħija tal-fidi tagħna fiċ-ċelebrazzjonijiet tal-liturġija u b’mod partikulari fl-Ewkaristija.”  F’dan l-isfond, bejn it-Tnejn 13 u l-Ħadd 19 ta’ Mejju 2013 il-parroċċa organizzat Ġimgħa Liturġika bil-għan li tagħti formazzjoni aktar sħiħa lill-animaturi, il-letturi, il-membri tal-kor, dawk li jmexxu l-kant fil-quddiesa u l-ministri straordinarji tat-tqarbin.  Wara ħamest’ijiem ta’ laqgħat, fil-quddiesa tal-Ħadd 19 ta’ Mejju filgħaxija ngħata l-mandat lil dawk li jagħtu dawn is-servizzi fil-Knisja. 

Fil-messaġġ tal-għeluq tal-festa ta’ Santa Marija tal-2012, il-kappillan kien wera x-xewqa li fiż-żmien li ġej, il-parroċċa jkollha kappella tal-Adorazzjoni Perpetwa.  Hija x-xewqa tal-komunita’ parrokkjali li jinstab il-post adatt biex din l-inizjattiva ssir realta’.    

Jalla din is-Sena tal-Fidi tkun okkażjoni biex tqawwina u tħeġġiġna fil-fidi tagħna ħalli nkunu xhieda tat-twemmin li nħaddnu fid-dinja tal-lum.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.