Home Contact
 
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

40 SENA SERVIZZ F’ĦAD-DINGLI

Nhar il-25 ta’ Diċembru 1952, fil-kappella tal-qasam tal-M.U.S.E.U.M. tal-bniet f’Raħal Ġdid, 20 tfajla taw pubblikament l-“Iva” tagħhom lil Kristu.  “Iva” biex iwasslu l-Kelma ta’ Alla lit-tfal u ż-żgħażagħ.  Fost dawn iż-żgħażagħ kien hemm Emma Tonna, żagħżugħa mill-Imdina.  L-“Iva” ta’ Emma kienet providenzjali għal Ħad-Dingli.  Insiru nafu għaliex f’din l-intervista qasira ma’ Emma Tonna stess.

Emma, int twelidt u kbirt l-Imdina, issa tgħix ir-Rabat. X’inhi ir-rabta tiegħek ma’ Ħad-Dingli?

Sewwa qed tgħid, jien qatt ma għext f’dan ir-raħal imma għandi rabta kbira miegħu.  Din ir-rabta bdiet 40 sena ilu.  Kien Novembru tal-1973, meta wara l-mewt tas-soċja Maria Muscat li jien ġejt mitluba biex nibda nagħmel parti mill-qasam ta’ dan ir-raħal.  Qed ngħid nagħmel parti mill-qasam u mhux nibda ngħallem għax diġa’ kont ilni xi żmien qabel niġi ngħallem xi drabi f’Ħad-Dingli. Iżda minn din id-data bdejt nagħti s-servizz tiegħi f’dan il-qasam ħa ngħid hekk full-time.

X’kien ifisser 40 sena ilu, li tiġi kuljum mir-Rabat?

Sagrifiċċji kbar. Dak iż-żmien anke’ s-superjura kienet mir-Rabat, Agnese Gatt.  Din ukoll damet tattendi ħafna snin f’dan il-qasam sakemm ftit snin ilu waqfet minħabba l-eta’.  Illum tinsab rikoverata f’Dar Saura, fl-għomor sabiħ ta’ 93 sena.  Kont niġi kuljum bil-karozza tal-linja.  Dan ma kienx faċli għax minħabba li kienet kull siegħa u ħafna nies ma kellhomx il-karozza privata tagħhom allura kien ikun hemm ħafna nies biex jirkbu.  Kont noħroġ kmieni għax jekk nitlef il-karozza kien ifisser li t-tfal jitilfu t-tagħlim għax nasal siegħa tard.  Fis-sajf kien sagrifiċċju mod bis-sħana u x-xitwa ieħor bil-kesħa u l-maltemp. Dak iż-żmien it-tfal kien ikollhom 4 darbiet fil-ġimgħa u anke fil-vaganzi tas-sajf kienu jibqgħu jattendu b’mod regolari.

Illum nistgħu ngħidu li ilek 40 sena missjunarja f’dan ir-raħal.  Meta tħares lura x’jiġik f’moħħok?

Niftakar f’soċi oħrajn li llum m’għadhomx magħna, fosthom Nina, Domitilla, Gerit u Katarin.  Niftakar ħafna esperjenzi kemm sbieħ u kemm oħrajn anqas sbieħ.  Il-ħajja mimlija tlajja’ u nżul imma Alla qatt ma jħallina weħidna.  Illum nieħu ħafna gost meta niltaqa’ kemm ma’ ommijiet u anke nanniet ta’ tfal li jagħrfuni għax kont ngħallimhom. Imma fuq kollox l-akbar sodisfazzjon hu meta jsemmuli xi tagħlima jew storja li għadhom jiftakru wara tant snin.
 
Semmejt l-istejjer. X’tgħidilna fuqhom?

Jien nemmen ħafna fit-tagħlim permezz tal-istejjer.  Jekk tistaqsu lit-tfal żgur jirrakuntawlkom xi storja fosthom ‘tat-tifel u t-tazza tal-ħalib’ jew ta’ ‘ċikku ċikkulata’.

X’inhu l-messaġġ tiegħek għal min qed jaqra din l-intervista?

Ħobbu dejjem it-tagħlim għax kif kien jgħidilna l-fundatur tagħna, San Ġorġ Preca: “It-tagħlim tajjeb huwa l-għajn ta’ kull ġid.”  Liż-żgħażagħ ngħidilhom biex qatt ma jaqtgħu qalbhom minn dak li l-Mulej jitlob minnhom.  Jien illum meta nħares lura ngħid kelma waħda “GRAZZI” minn qalbi lil Alla għal dak kollu li għamel miegħi.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.