Home Contact
 
Centru Parrokkjali Familja Mqaddsa
Centru Parrokkjali Familja Mqaddsa
   
   

Il-Ħadd, 1 ta' Mejju 2011, ġie nawgurat fil-Parroċċa ta' Ħad-Dingli ċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa. Għal din l-okkażjoni unika u storika saret quddiesa fl-apert fil-wesgħa ta' quddiem iċ-Ċentru, immexxija mill-E.T. Monsinjur Arċisqof Pawlu Cremona O.P. Saru diskorsi mill-Perit is-Sur David Vassallo, li kien responsabbli mix-xogħolijiet biex tlesta ċ-Ċentru, u mill-Kapillan Rev. Dun Norman Żammit. Wara Monsinjur Arċisqof inawgura u bierek iċ-Ċentru biex b'hekk ħolma oħra tal-poplu Dingli saret realta'.

Agħfas hawn għad-Diskors mill-Kappillan Rev. Norman Żammit
Agħfas hawn għad-Diskors mill-Perit David Vassallo
Agħfas hawn għall-programm ta' ċelebrazzjonijiet fl-okkażjoni tal-ftuħ taċ-Ċentru

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 



Diskors mill-Kappillan, Rev. Norman Żammit fl-Okkażjoni tal-Inawgurazzjoni taċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa  -  Il-Ħadd, 1 ta’ Mejju, 2011
Biex tara r-ritratti f'verżjoni akbar, ikklikkja fuqhom f'din il-paġna.
 
Eċċellenza Monsinjur Arċisqof . . . . . Ħuti fis-Saċerdozju,
Onorevoli Ministru u deputati parlamentari,
Sindku u Kunsilliera,
Poplu ta’ Ħad-Dingli.

L-E.T. Mons. Arcisqof Pawlu Cremona O.P. mal-Kappillan Rev. Dun Norman Zammit waqt il-quddiesa tal-inawgurazzjoni tac-Centru Ilna żmien twil nistennew dan il-jum speċjali għall-parroċċa ta’ Ħad-Dingli.

Monsinjur Arċisqof, kif taf inti stess minħabba li fl-imgħoddi ta’ spiss kont mistieden tindirizza laqgħat fid-Domus tal-parroċċa, dan il-post hu żgħir wisq u nieqes minn dak kollu neċessarju biex fih norganizzaw laqgħat u attivitajiet oħra.  Nafu li d-Domus kien infetaħ mill-kappillan Dun Pawl Azzopardi, iben dan l-istess raħal, fl-1919.  F’dawn it-tnejn u disgħin sena, id-Domus li tajjeb ngħidu mhuwiex xi kumpless kbir iżda prattikament żew[t ikmamar, waħda minnhom kbira, intuża mhux biss biex isiru l-laqgħat tal-għaqdiet u l-gruppi fi ħdan il-parroċċa iżda wkoll għal attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, esebizzjonijiet u bħala maħżen għall-armar tal-festa u tal-knisja.  Fl-imgħoddi fih kienu jsiru t-teatrini li tant kienu popolari fl-irħula kollha ta’ Malta; meta kienet qed tinbena l-iskola primarja serva bħala post għat-tagħlim tat-tfal; għal xi żmien kien ukoll ċentru tad-duttrina u fit-Tieni Gwerra Dinjija laqa’ fih familji ta’ refuġjati.  
 
Maż-żmien beda jinħass il-bżonn fejn il-poplu nisrani ikun jista’ jiltaqa’ f’post aktar adekwat.  Fl-1997 bdew il-preparamenti meħtieġa, fejn Dun Trevor Fairclough ħadem bis-sħiħ, biex dan il-proġett ikun jista’ jibda.  Fi tmiem il-parrokat tiegħu f’Ħad-Dingli, fis-7 ta’ April 2002, dakinhar ukoll bħal-lum, it-Tieni Ħadd tal-Għid – festa tal-Ħniena Divina, Dun Trevor bierek l-ewwel ġebla.  Wara kellu jkun il-Kappillan Dun Reuben Deguara u jiena li flimkien  mal-kleru tal-parroċċa u l-poplu ta’ Ħad-Dingli mexxew għal kumplament tal-bini u t-tlestija ta’ dan iċ-Ċentru Parrokkjali.
 
Il-Kor Parrokkjali Regina Coeli waqt ic-cerminonja tal-inawgurazzjoni tac-Centru Parrokkjali Familja Mqadsa Ma nistax ma nsemmix li forsi ħfna kienu jħarsu lejn it-tul ta’ żmien li kien qed jieħu biex jitlesta, ovjament minħabba li fid-Domus bdew iħossu li huma ristretti ħafna u x-xewqa li jiġu f’din il-binja b’faċilitajiet moderni kienet kbira.  Ir-raġuni iżda kienet ċara.   Ftit wara li beda l-bini taċ-Ċentru, deher biċ-ċar il-ħsara kbira li kellna fil-knisja parrokkjali.  Fuq parir tal-esperti, il-manutenzjoni estensiva u r-restawr tal-koppla, il-kampnari u l-koppletti ma setgħux jistennew.  L-ispiża għalihom ukoll kienet kbira, b’dak il-proġett li tlesta s-Sajf li għadda sewa waħdu ‘il fuq minn mitejn elf Ewro.  L-urġenza tal-intervent fuq il-knisja u l-ispejjeż għalih wasslu biex kellna ntawwlu ż-żmien biex inlestu ċ-Ċentru Parrokkjali li ser ikun ġie jiswa mat-tliet mitt elf Ewro. Dan hu investiment mid-Dinglin tal-lum għal dawk ta’ għada.
 
L-E.T. Mons. Arcisqof Pawlu Cremona O.P. simbolikament jiftah il-bibien tac-Centru Jekk il-knisja parokkjali hija d-dar t’Alla u d-dar fejn jiltaqa’ l-poplu nisrani, ċentru parrokkjali huwa t-tieni dar tal-familja nisranija, fejn il-poplu nisrani jiltaqa’ u jitgħallem u jikber fl-imħabba tiegħu lejn Alla. Għalhekk dan iċ-Ċentru ġie mħolli f’idejn il-patroċinju tal-Familja Mqaddsa: Ġesu’, Marija u Ġużeppi biex ikomplu jmexxuna kif imxew huma fil-ħajja tagħhom.
 
Ma nistax ma nroddx ħajr lil grupp żgħir ta’ persuni li b’mod volontarju dejjem kienu ta’ support kbir għalija u ta’ għ]ajnuna liema bħala.  Itqajna u terraqna flimkien biex bil-għaqal stajna nippjanaw u nieħdu deċiżjonijiet kultant diffiċli, fuq x’kellu jsir jew ma jsirx.   
 
Nixtieq nieħu l-okkażjoni biex nirringrazzja lil grupp ieħor ta’ nies li ħadu ħsieb iduru d-djar ta’ kull xahar biex jiġbru l-fondi għal dan iċ-Ċentru.  Kienet biċċa xogħol iebsa, imma li għamluha bil-qalb, u ta’ dan nitlob il-Mulej iberikom.  Grazzi kbira wkoll lill-poplu ta’ Ħad-Dingli li konxju tal-ħtieġa ta’ dan il-post, bl-għotjiet tiegħu kien il-benefattur ta’ dan iċ-Ċentru.  
 
L-E.T. Mons. Arcisqof Pawlu Cremona O.P. jikxef l-irhama kommemorattiva Nirringrazzja lil dawk li taw sehemhom f’xogħlijiet differenti bħal grupp sabiħ ta’ ħajjata li ħietu l-purtieri kollha b’xejn u tant nies li ngħaqdu b’mod speċjali fl-aħħar ġimgħat biex b’mod volontarju naddfu l-post, ħadu ħsieb l-aħħar irtokki u ppreparaw biex jorganizzaw dan il-jum speċjali fil-ħajja tal-parroċċa tagħna.  Ħafna nies, illi kieku kelli noqgħod insemmihom ma nispiċċawx, imma naf ukoll li dak kollu li għamlu m’għamluhx għall-unuri jew biex jiġu msemmija.
 
Eċċellenza, nirringrazzja ‘l Alla u ‘l-Madonna li dejjem iħarsuna mis-sema biex stajna naslu għal dan il-jum u nitlobhom jibqgħu jgħixu magħna f’dan il-post li ftit tal-ħin ieħor fuqu inti se titfalna l-barka tiegħek, li hija l-istess barka ta’ Ġesu’ Kristu.
 
Nistedinkom biex fi tmiem din iċ-ċelebrazzjoni tidħlu taraw iċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa u tibqgħu tattendu għall-attivitajiet organizzati fih. Nirringrazzjakom.

Agħfas hawn biex tmur fil-bidu tal-paġna.

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 

 


Diskors mill-Perit David Vassallo, il-perit inkarigat mit-tlestija tal-proġett, wat l-inawgurazzjoni taċ-Ċentru

EĊĊELLENZA,
KAPPILLAN U SAĊERDOTI,
ONOREVOLI,
KOLLEGI FIL-KUNSILL LOKALI,
RESIDENTI TA’ ĦAD-DINGLI,
MISTEDNIN,

Il-Perit David VassalloF’inqas minn sena – anzi f’inqas minn disa’ xhur biex inkun iktar preċiż – il-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli qed terġa tiġborna f’okkażjoni ta’ ferħ fil-konklużjoni u l-inawgurazzjoni ta’ proġett kbir ieħor. Kif ħafna minnkom jiftakru, f’Awwissu li għadda konna miġburin ftit ‘il bogħod minn hawn fl-għeluq tal-proġett tal-manutenzjoni u tlestija tal-iskultura tal-Knisja Parrokkjali. U dalgħodu ninsabu hawn, quddiem dan iċ-Ċentru Parrokkjali ġdid li minn hawn u ftit ieħor se jkun inawgurat.

F’dan id-diskors tiegħi se nagħti ħarsa lejn il-proċess kollu li wassalna sal-ġurnata ta’ llum: mill-akkwist tal-art u l-permessi sal-bini u t-tlestija tiegħu.

L-Art għall-Proġett

Il-ħtieġa ta’ ċentru parrokkjali ġdid f’Ħad-Dingli kien ilha tinħass ħafna, l-aktar minħabba li l-faċilitajiet eżistenti fil-post li nafuħ bħala d-Domus xejn ma kienu sodisfaċenti għall-ħtiġijiet ta’ llum. Għal dan il-għan, meta fil-bidu tas-snin disgħin sar il-ftehim bejn il-Gvern Malti u s-Santa Sede li permezz tiegħu il-Knisja għaddiet lill-Gvern diversi proprjeta’, fil-lokalita’ tagħna, skond l-istess ftehim, il-biċċa art bejn Triq il-Knisja u Triq San Pawl inżammet u ġiet riservata għal dan il-għan.

Il-Permessi

Il-preparamenti għall-proġett bdew fl-1997 meta l-Perit Joseph Magro intalab iħejji l-pjanti neċessarji. Id-disinji ġew finalizzati fl-istess sena u proprju f’Diċembru ta’ dik is-sena intefgħet l-applikazzjoni quddiem l-Awtorita’ tal-Ippjanar. Sadattant, fil-bidu tas-sena 1998 sar ir-rikors lill-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi biex jikkunsidraw u japprovaw dan il-proġett.

Nhar l-14 ta’ Novembru 1998, l-Awtoritajiet Ekkleżjastiċi taw l-approvazzjoni tagħhom permezz ta’ digriet iffirmat mill-Vigarju Ġenerali Mons. Annetto Depasquale u mill-Kanċillier Dun Alfred Muscat. Imbagħad, nhar it-28 ta’ Lulju 1999, l-Awtorita’ tal-Ippjanar ħarġet il-permess meħtieġ għall-binja.

Il-Bini
Il-proġett tnieda uffiċjalment nhar l-4 ta’ Novembru 2001 imma kien proprju fi Frar 2002 li x-xogħol fiżiku fuq is-sit beda bit-tħammil tas-sit, it-tqattigħ tal-blat u l-bini tal-pedamenti. Iċ-ċerimonja tat-tberik u t-tqegħid ta’ l-ewwel ġebla mill-Kappillan Dun Trevor Fairclough saret nhar il-Ħadd 7 ta’ April 2002. Ix-xogħol tal-bini tkompla b’ritmu tajjeb u b’mod regolari sakemm tlesta lejn nofs is-sena 2003.

It-Tlestija tal-Binja

Sadattant, it-tmexxija tal-parroċċa għaddiet f’idejn kappillan ġdid, Dun Reuben Deguara, li f’April 2004 ħatar kummissjoni biex tieħu ħsieb it-tlestija (finishing) ta’ dan il-bini minn barra u minn ġewwa. Din il-kummissjoni kienet magħmula minnu bħala Kappillan, jiena bħala l-perit responsabbli mix-xogħol ta’ tlestija, is-Sur Savio Borg bħala l-persuna responsabbli mill-iskemi tal-ġbir u s-Sur Mario Micallef bħala l-persuna responsabbli mix-xogħol amministrattiv u relazzjonijiet pubbliċi. Il-Kummissjoni ġiet ikkonfermata u baqgħet tiltaqa’ b’mod regolari – inżid ngħid ġieli sa filgħaxija fit-tard - anke taħt il-Kappillan preżenti Dun Norman Żammit.

Nistgħu ngħidu li minn dakinhar sa llum, ix-xogħol ma waqaf qatt għalkemm mexa dejjem skond l-esiġenzi finanzjarji tal-parroċċa u l-prijoritajiet li rriżultaw f’dan il-perjodu.

Kif se tkunu qed taraw x’ħin tidħlu f’dan il-post wara l-inawgurazzjoni, ix-xogħol li sar kien wieħed konsiderevoli u l-lista hija waħda twila. Insemmu:

  • l-membrane fuq il-bjut,
  • is-sistemi ta’ ilma, elettriku u drenaġġ,
  • it-tikħil, invjar u kisi tal-faċċata,
  • it-tikħil, invjar u żebgħa fuq ġewwa, 
  • l-aperturi kollha (twieqi u bibien) li jagħtu għal barra, 
  • ix-xiri u t-tqegħid tal-madum u parquet kollu, 
  • it-turġien kollha tal-irħam, 
  • salib tal-irħam fil-kappella, 
  • is-suffetti, 
  • il-bibien kollha fuq ġewwa, 
  • poġġamani u ħadid dekorattiv f’diversi postijiet, 
  • sistema awdjo-viżiva għas-sala, 
  • sistemi ta’ alarms tas-sigurta’ u ta’ protezzjoni f’każ ta’ nar, 
  • il-fittings tad-dawl fis-sular t’isfel, 
  • il-purtieri kollha tal-binja, u 
  • is-siġġijiet tas-sala.
Sadattant, ġie deċiż ukoll li jiġu kkummissjonati żewġ xogħolijiet ta’ arti li jirrappreżentaw l-isem taċ-Ċentru Parrokkjali, jiġifieri l-Familja Mqaddsa, u ieħor li juri l-patruna tagħna Santa Marija tħares fuq ir-raħal tagħna. Dawn ir-rilievi - li tqegħdu fid-dħul tal-binja u fis-sala -  nħadmu f’tafal taljan u wara nħmew f'temperaturi għoljin sabiex isiru terrakotta. Partijiet minnhom imbagħad ġew indurati sabiex jagħtu effett artistiku aktar sinifikattiv lil dawn iż-żewġ opri.

 
L-artist li għamel dawn ix-xogħolijiet, Chris Ebejer, studja diversi forom ta l-arti kemm l-iskultura, l-pittura u disinn. Minbarra xogħolijiet f’ħafna binjiet pubbliċi u privati madwar Malta, huwa ħadem ħames monumenti pubbliċi tal-bronż f’Malta fosthom il-figura Mater Dei għall-isptar ġenerali u l-monument għall-inġinier Floriani kif ukoll ħadem monument tal-bronż lir-rebbieħa li jinsab iċ-Ċina.

It-Tqassim tal-Binja

Nitkellmu ftit fuq it-tqassim ta’ dan il-bini. Iċ-Ċentru Parrokkjali hu maqsum fuq tliet sulari:

  • il-basement b’aċċess minn Triq San Pawl,
  • il-pjan terran (ground floor) li jinkludi d-dħul prinċipali tal-binja minn Triq il-Knisja, sala attrezzata b’kollox, faċilitajiet sanitarji u l-uffiċċju parrokkjali li għandu dħul separat; u
  • is-sular ta’ fuq, fejn wieħed isib tliet kmamar imdaqqsa għal-laqgħat, kappella jew kamra tat-talb, kamra li se tkun qed tintuża bħala l-arkivju tal-parroċċa tagħna, parlour, uffiċċju żgħir u kċina.

Nistgħu ngħidu li fil-parti l-kbira tiegħu, dan iċ-Ċentru huwa lest biex jintuża għalkemm fadal xi attrezzaturi oħra li se jkunu qed isiru fix-xhur li ġejjin.

Ringrazzjamenti

Ma nistax f’din l-okkażjoni speċjali ma nirringrazzjax lil dawk kollha li taw is-sehem tagħhom biex dan il-proġett isir realta’. Irrid nirringrazzja b’mod speċjali:

  • lil dawk kollha - ħaddiema u voluntiera - li matul dawn is-snin taw il-kontribut tagħhom kif tlabnienhom u ħafna drabi anke iktar minn hekk;
  • lill-helpers kollha;
  • u lil dawk kollha li kkontribwew biex inġabru l-ispejjeż għal dan il-proġett li jammontaw għal madwar tliet mitt elf Ewro.

Grazzi ħafna.

Pero ippermettuli fi f’isimkom nagħmel ringrazzjament speċjali lit-tliet kappillani li ħadmu fuq dan il-proġett mill-bidu tiegħu sa llum: Dun Trevor Fairclough, Dun Reuben Deguara u Dun Norman Zammit. Grazzi mill-qalb.

Għeluq

B’din l-okkażjoni ta’ dalgħodu, f’dan l-ewwel jum ta’ Mejju, qed nikkonkludu dan il-proġett mill-iktar essenzjali għall-ħidma tal-parroċċa tagħna. Dan il-bini li qed naraw quddiemna se jkun qed ifisser ħafna għalina. Ippermettuli nikkwota mill-iskrizzjoni li ġiet issiġillata fl-ewwel ġebla kommemorattiva ta’ dan l-istess Ċentru meta kien inkiteb hekk: “il-Kappillan... flimkien mal-Kommunita’ Kattolika ta’ Ħad-Dingli, taħt il-patroċinju ta’ Marija Santisima Mtellgħa s-Sema, jiddedikaw dan il-post għall-ħidma pastorali u t-tixrid ta’ l-Evanġelju ta’ Sidna Ġesu’ Kristu”. U proprju dan hu li jfisser is-salib kbir li qed naraw quddiemna fil-faċċata ta’ dan il-bini. J’Alla d-dawl li joħroġ minnu minn ġo dan iċ-Ċentru Parrokkjali jibqa’ jdawwal il-kommunita’ tagħna f’Ħad-Dingli għaż-żmien li ġej.

Agħfas hawn biex tmur fil-bidu tal-paġna.