Home Contact
 
Ahbarijiet
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Carmelo CamilleriCarmelo Camilleri kien żagħżugħ minn Ħad-Dingli li kien beda l-istudji għas-saċerdozju fis-Seminarju, meta miet f'qasir-il għomor. Fir-rivista tas-Seminarju,Melitense, fir-rubrika Apostrofi, Dun Ġwann Abela, li kien ħafna ħabib tal-kjeriku Camilleri u seminarista miegħu, dak iż-żmien kiteb dan l-artiklu ta' tifkira. Tkun ħaġa ferm xierqa li min għandu nformazzjoni dwar Carmelo Camilleri iwassalilna, biex il-memorja ta' dan iż-żagħżugħ Dingli u l-vokazzjoni tiegħu ma jintesew qatt.

Lil Carmelo Camilleri

Tiftakar, Carm, meta konna nkunu nitħaddtu flimkien fuq dak li kien jagħtina r-ruħ tal-ħajja, l-enerġija tax-xewqat, l-imħabba safja għal dak kollu li hu kbir u sabiħ, li kien ġagħlna nitilqu kollox biex nimxu wara l-ħabib kbir tagħna, Ġesu'? U int kont tgħidli : "Jiena mmut żgħir, ma nsirx saċerdot". Jien kont nieħdok biċ-ċajt, għalkemm kont donni nemmnek u f'qalbi kont nara fil-bogħod il-verita' ħarxa ta' dak li kont tafdali.

Int sofrejt marda twila. Kont fiqt. Irġajt bdejt tiġi l-iskola. U jien bid-daħka kont fakkartek f'dak li kont spiss tgħidli. Int insistejt u bħal sfidajtni. Kien ħsieb ikrah jaħkem il-ħajja dgħajfa tiegek? Kont imnebbaħ? Kont magħżul minn Alla - mhux biex tgħallem u taħdem, mhux biex tirbaħ l-erwieħ bis-saħħa ta' driegħek fil-maħfra, bil-kelma ta' fommok fis-sewwa - iżda bit-taħbit ta' qalbek fl-imħabba. U mitt fis-sbuħija ta' għodwa ta' jum li ma jispiċċax, bħal fjur li jmil biex tinbet u tikber il-frotta.

Int kont taf x'iġifieri tbatija. Bdejt taħdem meta kont għadek żgħir. Kont ġa' xi ftit kbir meta bdejt tistudja biex tidħol f'dan il-lok imqaddes biex tħejji ruħek biex issir ragħaj tal-erwieħ. Ma bżajtx mit-tul u mit-toqol tax-xogħol u bl-għajnuna tal-Mulej laħħaqt ma sħabek. Iżda Ġesu' ried idewwqek l-imrar kollu tal-ħajja, u għalkemm kont wasalt fuq il-għatba tal-ordni minuri, biex tħalli d-dinja u l-frugħa u tagħti ruħek kollok lil Alla u lill-Knisja Tiegħu, int ma kellekx ix-xorti bħalna li tidħol fin-numru tal-magħżulin.

Kullħadd kien iħobbok għax int kont twajjeb. Kellek kelma tajba għal kullħadd fid-dwejjaq u fil-hena. Kont raġel. Kullħadd kien jafdak. Kont serju. Kullħadd kien jitgħallem minnek. Kont ferrieħi. Kellek il-paċi tal-qalb.

Illum m'intix iżjed. Fis-sema fejn inti żgur qed tgawdi lil Ġesu' itlob għalina. U lil Omm tagħna, Marija, li int kont tant tħobbu li tant kont issemmi, għidilna li aħna bħalek irridu nħobbu lilha u lil Ġesu' b'imħabba kbira, safja, qaddisa ..... tal-ġenn.

Ġo qabrek jaħkmu l-kesħa u d-dlam. Mis-sema fejn ruħek issaltan, ħeġġeġ ġo qlubna n-nar, imla lil ruħna bid-dawl.

Carmelo Camilleri f'Corpus Christi

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.