Home Contact
 
Ahbarijiet
San Gwann Battista
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Ġwanni ta xhieda fuqu meta għajjat u qal: "Dan hu li għalih għedtilkom, 'Jiġi warajja, imma hu aqwa minni, għax kien minn qabli.'" (Ġwanni 1:15)

San Gwann Battista fit-titular l-antikSan Ġwann il-Battista huwa personaġġ ewlieni fir-rakkonti Evangeliċi tal-Avvent, iż-żmien liturġiku li fih ngħixu l-istennija tal-Messija li ssib il-milja tagħha fit-twelid ta’ Ġesu. L-Evanġelji kollha, fil-bidu tagħhom, jitkellmu dwar San Ġwann il-Battista u t-tħabbira Messjanika tiegħu. San Luqa saħansitra jtina wkoll ir-rakkont tat-tħabbira tat-twelid ta’ Ġwanni li missieru Żakkarija.

Segwi l-links biex taqra kull wieħed minn dawn ir-rakkonti :

San Mattew
San Mark
San Luqa
San Ġwann

Min kien Ġwanni l-Battista ? Huwa l-aħħar wieħed fost il-profeti tat-Testment il-Qadim, dak li jiġi eżatt qabel Kristu, u għalhekk huwa msejjaħ il-Prekursur. Għex il-ħajja bħal profeti ta’ qablu; ħajja t’awsterita’ fid-deżert, mingħajr waqfien iċanfar lill-mexxejja ta’ żmienu għall-ħajja midinba tagħhom, filwaqt li jħeġġeġ lill-poplu għall-indiema. Ġwanni kien jipprattika fuq id-dixxipli tiegħu il-magħmudija ta’ purifikazzjoni permezz tal-ilma tax-Xmara Ġordan. Iżda hu stess stqarr: “Jien, ngħid għalija, ngħammidkom bl-ilma għall-indiema; imma min ġej warajja hu aqwa minni, u jien ma jistħoqqlix inġorr il-qorq tiegħu. Hu jgħammidkom bl-Ispirtu s-Santu u n-nar. » (Matt. 3 :11)

Meta Ġesu mar għandu biex ukoll jirċievi l-magħmudija, ‘Ġwanni ma ħalliehx, u qallu: "Jiena hu li jeħtieġ li nitgħammed minnek, u int tiġi għandi?" Ġesù qallu: "Inti għalissa ħallik minn dan, għax hekk jixraq nagħmlu biex intemmu s-sewwa kollu." Mbagħad Ġwanni ħallieh jitgħammed. Ġesù, wara li tgħammed, minnufih tala' mill-ilma; u ara, is-smewwiet infetħu, u ra l-Ispirtu ta' Alla nieżel qisu ħamiema u ġej għal fuqu. U mis-smewwiet instama' leħen jgħid: "Dan hu Ibni l-għażiż: fih sibt l-għaxqa tiegħi." (Matt. 3 : 14-17).

Emblema tal-Arcisqof CremonaErodi Antipa, Tetrarka tal-Lhudija, ra fi Ġwanni theddida għall-istabbilita’ politika tiegħu, billi Ġwanni kien pubblikament iċanfru għall-fatt li kien qed jgħix ma’ Erodijade, mart huh Filippu. Erodi għalhekk arresta lil Ġwanni u tefgħu fil-ħabs sakemm, permezz ta’ ngann minn Erodijade, tah il-martirju permezz tal-qtugħ ir-ras. Dan il-fatt insibuh imniżżel fl-Evanġelju ta’
San Mattew. Il-festa tat-twelid ta’ San Ġwann Battista hija ċċelebrata nhar l-24 ta’ Ġunju, filwaqt dik tal-martirju tiġi ċċelebrata fid-29 t’Awwissu.

L-ET Mons Arcisqof Pawlu Cremona OP adotta s-sejħa ta’ San Ġwann Battista bħala l-motto tal-episkopat tiegħu : Ħejju t-Triq għall-Mulej.

San Ġwann Battista u Ħad-Dingli

Fl-arti Nisranija lil San Ġwann narawh ħafna drabi liebes ġilda ta’ ġemel, b’għaslug f’idu u l-kitba ‘Ecce Agnus Dei’, li tfisser Araw il-Ħaruf t’Alla, inkella minflok il-kitba narawh b’ħaruf f’idu li jagħti l-istess messaġġ. L-arti Ortodossa turih bi ġwienaħ t’anġlu, billi fl-Evanġelju ta’ San Mark 1:2 huwa deskritt bħala l-messaġġier t’Alla : ‘Ara jien nibgħat qablek il-ħabbar tiegħi biex iħejji triqtek.’

San Gwann BattistaFil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli nsibu diversi xbiehat ta’ San Ġwann Battista, fosthom il-battisteru ħdejn il-bieb prinċipali tal-Knisja, kif ukoll pittura fis-sagristija li kienet tifforma parti mit-titular l-antik. Iżda żgur hekk kif wieħed jidħol fis-sagristija, ħarstu taqa’ fuq statwa sewdenija, impoġġija f’niċċa miftuħa mal-ħajt tax-xellug.

Din hija statwa antika ta’ San Ġwann il-Battista, li turi l-qaddis wieqaf u riġidu, li qed joffri fuq idu tax-xellug il-Ħaruf t’Alla bħala xbieha ta’ Kristu. Skond l-istudjużi, din l-istatwa nġiebet Malta mill-Kavallieri ta’ San Gwann fl-1530. Hemm ukoll min isostni li din setgħet kienet waħda mix-xbihat venerati fil-kappella tal-Gran Carracca, il-ġifen prinċipali fil-flotta tal-ordni li fuqu kien ibaħħar il-Granmastru. Fir-rendikonti finanzjarji fil-nsibu fil-kotba tal-Grotta ta ‘ San Pawl tar-Rabat, fl-1684 insibu miktub li l-Prijur tal-Knisja Konventwali tal-Ordni Fra Pierre Vianny, ta bħala donazzjoni lill-Grotta żewġ statwi mnaqqxa fl-injam, wahda ta’ San Ġwann Battista u l-oħra ta’ San Gakbu. Insibu wkoll miktub li fit-8 ta’ Lulju 1684 tħallsset is-somma ta’ 6 tari lill-burdnara li ġarrew dawn iż-żewġ statwi. (Vol. C [Conti] 5, f.62). Jidher li xi snin wara dawn l-istatwi ġew irregalati lill-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Minnhom it-tnejn illum insibu din ta’ San Ġwann il-Battista. Dik ta’ San Ġakbu ntilfet u ma nafux x’sar minnha.

Skond rapport tal-1946 li sar bħala rendikont ta’ l-opri tal-arti li ntilfu jew li salvaw il-gwerra, insibu miktub li din l-istatwa ta’ San Ġwann kienet miksija graffiti armorjali u mpittra b’kuluri vivaci. Mill-gwerra l’hawn izda, dawn ġew mgħottija minn saff ta’ żebgħa kannella skur, li għalkemm tellef mis-sbuħija oriġinali tal-istatwa, jista’ jservi biex isalva dak li hemm minqux u mpitter taħt dan is-saff, u li xi darba, permezz ta’ restawr, għad jerġa’ jinkixef u jitgawda.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.


 Agħfas hawn għal aktar tagħrif dwar L-ISTATWA POLIKROMA TAL-INJAM TA' SAN ĠWANN BATTISTA, LI TINSAB FIL-KNISJA PARROKKJALI TA' ĦAD-DINGLI.