Home Contact
 
Ahbarijiet
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

 L-ISTATWA POLIKROMA TAL-INJAM TA' SAN ĠWANN BATTISTA, LI TINSAB FIL-KNISJA PARROKKJALI TA' ĦAD-DINGLIL-ISTATWA POLIKROMA TAL-INJAM TA' SAN ĠWANN BATTISTA, LI TINSAB FIL-KNISJA PARROKKJALI TA' ĦAD-DINGLI

Fil-jiem tal-festa titulari ta’ din is-sena, fin-niċċa tal-istatwa titulari l-parroċċa se tesebixxi opra antika ta’ arti b’valur kbir: statwa medjevali ta’ San Ġwann il-Battista li hu maħsub li nġiebet Malta mill-Ordni tal-Kavallieri ta’ San Ġwann.  Dwar din l-istatwa sar studju estensiv minn VALENTINA LUPO, konservatriċi u restawratriċi ta’ pitturi u skulturi polikromi.  Għal din il-publikazzjoni, is-Sinjorina Lupo ħejjiet verżjoni mqassra ta’ dan l-istudju li hi għamlet għat-teżi li hi ppreżentat bħala parti mill-istudji biex kisbet Baċellerat bl-Unuri fil-konservazzjoni u l-istudji tar-restawr f’pitturi u skulturi polikromi.

Hu maħsub li l-istatwa medjevali fl-injam ta' San Ġwann il-Battista, inġiebet Malta mill-Kavallieri ta' San Ġwann fis-seklu sittax.  Il-Professur Mario Buhagiar kien l-ewwel studjuż li ta lil dan ix-xogħol l-importanza mistħoqqa.  L-istatwa hi probabbilment l-unika eżempju li fadal f’Malta ta’ skultura polikroma, għaliha weħidha, mill-aħħar tal-perjodu Gotiku.

Id-dehra preżenti ta' xi xogħlijiet ta' arti, inkluż dik ta’ din l-istatwa, hi differenti minn taż-żmien meta kienu saru, u għalhekk mhix skont l-intenzjoni tal-artisti jew min kummissjonahom.  Fil-biċċa l-kbira tal-każijiet, id-dehra estetika ta' skulturi polikromi inbidlet aktar 'il quddiem, liema tibdil ta' spiss seħħ iktar minn darba.  Dawn it-tibdil addattaw l-iskultura għall-gosti differenti ta' perjodi aktar riċenti u spiss twettqu mingħajr ebda dokumentazzjoni.  B'hekk il-polikromija oriġinali fil-wiċċ ta' ħafna skulturi tibqa' mhix ċara. Maż-żminijiet l-istatwa ta' San Ġwann il-Battista għaddiet minn numru ta' interventi ta' restawr mhux dokumentati.  F'intervent ewlieni l-polikromija ġiet miksija b'kisja kannella skura, li bidlet l-istatwa fi skultura ta’ lewn wieħed.  Taħt il-kisja skura preżenti hemm traċċi ta' polikromija fuq l-istatwa, li jindikaw li din kienet indurata u miżbugħa.

Id-deċiżjoni biex jitwettaq studju tal-istatwa ta' San Ġwann il-Battista ttieħdet minħabba li ftit huwa magħruf dwar il-materjali u t-teknika tal-manifattura tagħha. Barra minn hekk, il-valur intrinsiku tal-istatwa ġie enfasizzat mill-Prof. Buhagiar bħala xogħol ta' arti ta' importanza storika fil-wirt kulturali Malti. L-istudju fittex li jikseb għarfien dettaljat tal-istatwa permezz ta' dokumentazzjoni, studju fuq l-ambjent ta' madwarha u bit-twettieq ta' numru ta' investigazzjonijiet sabiex:

• tinftiehem aħjar l-istruttura tal-istatwa u l-polikromija tagħha;
• l-istatwa tkun magħrufa aktar fl-isfond tal-istorja u t-tekniki medjevali;
• jiġu deskritti żidiet u bidliet, li kienu riżultat ta’ interventi naturali u umani; u
• jiġi determinat l-istat tal-konservazzjoni tal-istatwa.

Il-proġett kollu kellu bżonn paragun kontinwu tar-riżultati miksuba ma’ studji sinifikanti fil-qasam tal-konservazzjoni u l-istorja tal-arti dwar skulturi polikromi tal-injam.  Barra minn hekk, sorsi medjevali li jispjegaw it-tekniki tal-manifattura u l-materjali pprovdew informazzjoni dwar tekniċi użati minn artisti u artiġjana ta' dak iż-żmien. L-identifikazzjoni tal-materjali u kif kienu użati biex jinbena u jiġi ddekorat ix-xogħol ta' arti kienu wkoll meħtieġa biex tinftiehem l-apparenza oriġinali tal-istatwa li kienet differenti ħafna minn dik tal-lum.

L-istatwa ta' San Ġwann il-Battista: deskrizzjoni u sfond storiku

L-istatwa ta' San Ġwann il-BattistaL-istatwa skolpita f’daqs ta’ bniedem turi lil San Ġwann il-Battista minn quddiem.  Tista’ tgħid li l-istatwa għandha proporzjonijiet pjuttost tajbin u turi numru ta' attributi anatomiċi u dettalji li jtuha ċerta kwalità artistika.

L-istatwa tinsab f’daħla fil-ħajt fis-sagristija tal-knisja parrokkjali ta' Ħad-Dingli.  Il-figura hija miksija bil-ġilda ta' annimal tad-deżert, probabbilment ġemel, li hija milbusa bħal tunika marbuta madwar il-qadd b'ċinturin tal-ħabel. It-tinjiet jaqgħu fi pjiegi riġidi lejn il-wiċċ u d-dwiefer tal-annimal tad-deżert. L-istil tagħhom jagħtihom sens ta' disinn araldiku. L-id ix-xellugija ġġorr l-Agnus Dei, il-Ħaruf t’Alla, filwaqt li l-keffa tal-id il-leminija hi magħluqa u fiha wisq probabbli kien jinżamm bastun b'salib tal-qasab.  Id-dehra arkajka u riġida tal-figura tagħtina x’nifhmu li nħadmet f’ħanut tax-xogħol provinċjali li kien jipproduċi statwi tal-kult. Fejn saret m'huwiex magħruf iżda probabbilment hi ta' oriġini Franco-Taljan, possibilment f’Nizza, minħabba r-rabta storika li naħsbu li għandha ma’ dan il-post.

Huwa maħsub li l-istatwa tal-injam ta' San Ġwann il-Battista nġiebet Malta mill-Kavallieri ta' San Ġwann kmieni fis-seklu sittax. L-istatwa jista' ikollha assoċjazzjoni mal-Gran Caracca Sant' Anna (1522-1548), ikkummissjonata f’Nizza fi Franza, possibilment bħala waħda mill-istatwi kulti li żejnu l-kappella tal-vapur.  Peress li l-istatwa hija skolpita dawramejt, l-idea li kienet imwaħħla fuq il-poppa jew il-pruwa ta' dan il-vapur jew vapur ieħor tal-Ordni hija inaċċettabbli.

L-istatwa ta' San Ġwann il-BattistaFl-1684, il-Pirjol tal-knisja konventwali Frà Pierre Vianny, ta l-istatwa ta' San Ġwann il- Battista flimkien ma' statwa oħra skolpita ta' San Ġakbu lill-Grotta ta' San Pawl fir-Rabat.  Is-somma ta' 6 tarí kienet imniżżla fil-ktieb tal-kontijiet tal-Grotta.  Il-ħlas sar fit-8 ta' Lulju 1684 lil żewġ irġiel li ttrasportaw l-istatwi mill-Belt Valletta sal-Grotta fir-Rabat. Ftit snin wara, l-istatwi kienu trasferiti fil-knisja parrokkjali ta' Ommna Marija Mtellgħa s-Sema f'Ħad-Dingli. Fejn tinsab l-istatwa ta' San Ġakbu u l-istorja tagħha wara m'huwiex magħruf, għax ilha nieqsa minn Ħad-Dingli għal xi żmien.

Sfortunatament, l-informazzjoni dwar l-istatwa ta’ San Ġwann il-Battista hija limitata ħafna. Fl-1946 Hugh Braun irraporta li l-istatwa kienet 'miksija bi graffiti ta’ arem'. Iżda llum tarka żgħira waħda biss hija viżibbli li tixbaħ l-arma ta' Villiers de l'Isle Adam u tissuġġerixxi rabta mal-Granmastru li ġab il-Kavallieri f’Malta.  Barra minn hekk, sal-lum ma nstabet l-ebda deskrizzjoni dettaljata tal-istatwa qabel ma ngħatat il-kisja skura, u lanqas dettalji ta’ meta ngħatat il-kisja. Iżda ġie dokumentat li l-artist u r-restawratur Oscar Testa (1909-1979) tratta l-istatwa kontra l-infestazzjoni ta' insetti fis-sittinijiet.  L-istatwa kienet qiegħda ssofri minn infestazzjoni qawwija ta' insetti u kienet ikkurata permezz ta' insettiċida applikata b'siringa.

L-istudju tekniku

L-istatwa ta' San Ġwann il-BattistaL-istudju tal-istatwa twettaq bejn Lulju 2010 u Mejju 2011 b’metodoloġija xjentifika biex teżamina l-materjali fl-istatwa u t-tekniki użati fl-istatwa polikroma tal-injam ta' San Ġwann il-Battista.

Il-metodoloġija involviet osservazzjonijiet mill-qrib tal-istatwa bl-għajnuna ta' dawl elettriku, dawl ultravjola, raġġi infra-red u x-rays. Ittieħdu kampjuni biex jiġu studjati s-saffi ta' partijiet differenti tal-istatwa u biex ikunu magħrufa l-materjali kostitwenti tagħha. Il-metodi analitiċi użati kienu permezz tal-mikroskopija u testijiet kimiċi, fost oħrajn.  Ġie osservat ukoll l-ambjent fis-sagristija f’dak li għandu x’jaqsam mal-umdita’ relattiva u varjazzjonijiet tat-temperatura.

Riżultati

It-teknika tal-kostruzzjoni tal-istatwa taqbel mal-istil medjevali tal-iskultura fl-injam.  Il-parti ewlenija kienet skolpita minn zokk tal-injam, id-dahar kien żvujtat u l-ħofra mgħottija b'fuljetta tal-injam. Il-fatt li ntuża injam tal-ġewż jagħtina indikazzjoni li l-iskultura tista' tkun ta' oriġini Franċiża, meta tqis li injam tal-ġewż kien użat l-aktar għal skulturi li saru minn dan ir-reġjun. Il-Professur Mario Buhagiar ukoll ssuġġerixxa li tista' tkun ta' oriġini Franċiża. Barra minn hekk, il-kuluri misjuba fuq l-istatwa, inkluż vermilju/ċinabru, l-okra, il-minium, il-hematite, il-copper green, il-bone white u l-lead white kienu kollha użati fil-Medju Evu. Kuluri medjevali oħra bħall-ultramarin, nir, azurite u orpiment ma kinux identifikati.

Minn investigazzjonijiet mhux invażivi u n-numru ta' kampjuni analizzati, kien ukoll possibbli, sa ċertu punt, inkunu nafu kif kienet id-dehra oriġinali tal-istatwa. Il-lewn tal-ġilda kien ta' kulur aħmar-salamun. It-tunika kienet ta' lewn dehbi u aħmar fuq in-naħa ta' barra u ikħal fuq l-inforra ta' ġewwa, biċ-ċinturin mal-qadd miżbugħ aħdar.  Iż-żebgħa ħamra misjuba fuq l-indurar tindika li xi forma ta' dekorazzjoni kienet preżenti f'xi partijiet tat-tunika. Jidher li l-parti ċentrali tat-tunika, minn wiċċ il-ġemel 'il fuq, kienet ta' lewn dehbi filwaqt li l-partijiet ta' barra tat-tunika kellhom dekorazzjonijiet ħomor miżbugħa fuq l-indurar, li nstab ukoll fuq wara. In-nagħġa kienet ta' lewn griż fl-abjad filwaqt li l-bażi kienet ħadra, biex tixbaħ il-ħaxix, u l-pedestall kien ikħal.

L-istatwa ta' San Ġwann il-BattistaL-użu estensiv ta' fuljetta tad-deheb illustrat fuq it-tunika jindika li d-dekorazzjoni tal-wiċċ tal-istatwa ngħata valur estetiku għoli. L-applikazzjoni ta' fuljetta tad-deheb fuq in-naħa ta' wara tal-iskultura tindika li l-istatwa kienet magħmula biex tidher minn kull naħa.  Dan ikompli jappoġġja t-teorija ta' Buhagiar li l-istatwa ma kinitx fissa fil-kabina jew fil-poppa ta' vapur, iżda probabbilment kienet waħda mill-istatwi kulti fil-kappella tal-vapur.

L-istatwa probabbilment għaddiet minn ħafna interventi. L-appoġġ tal-injam m'huwiex fraġli u l-integrità strutturali tal-figura hija kompluta, bl-uniku nuqqas maġġuri tal-forma oriġinali jkun fl-id il-leminija u l-bastun, li t-tnejn li huma probabbilment m'humiex oriġinali għall-iskultura. Min-naħa l-oħra, il-polikromija tal-iskultura, li darba iddefinixxiet il-forma tal-istatwa, m'hijiex fi stat tajjeb ta' konservazzjoni meta tqis l-użu estensiv ta' ġibs u l-fatt li l-wiċċ polikromatiku ġie moħbi totalment bil-kisja kannella skura, u b'hekk qiegħda tagħti impressjoni ħażina tad-dehra oriġinali tal-istatwa.  Ipoteżi kienu ppreżentati fid-diskussjoni dwar dan l-intervent restorattiv ewlieni. L-iktar waħda plawżibbli kienet li l-kisja kannella kienet possibbilment applikata biex iġġiegħel l-istatwa tidher qisha kienet magħmula mill-bronż.

L-istudju ppermetta għarfien tal-kwalitajiet artistiċi u tekniċi tal-istatwa u poġġa l-istatwa fil-kuntest tal-istorja u t-tekniki tal-perjodu medjevali. Huwa maħsub li dan l-istudju ser jipprovdi informazzjoni siewja lil studji storiċi tal-arti dwar l-istatwa u fuq kollox ikun ta' għajnuna kbira biex tiġi stabbilita metodoloġija ta' konservazzjoni xierqa fil-ġejjieni.

L-ISTATWA POLIKROMA TAL-INJAM TA' SAN ĠWANN BATTISTA, MINN ĠEWWA.L-istudju sar taħt is-superviżjoni ta’:

Prof Mario Buhagiar PhD (Lond), FSA. Dipartiment tal-Istorja tal-Arti, Universita’ ta’ Malta.
Michael Formosa, M.Cons., B.Cons. (Hons), LCGI  - Restawratur u Konservatur ta’ injam u għamara.
Stephanie Sammut, B.Sc. (Hons) Kuraturu Mużew Nazzjonali tal-Istorja Naturali, Heritage Malta.

Bibliografija:

Bonnici, A. (2000) Had- Dingli. l-Ewwel Volum : Rahal f’Taqbida mal-Hajja : mill-Preistorja sal-Bidu ta’ Zmien il Kolonjalizmu Ingliz. Dingli, Malta: Kunsill Lokali Dingli.

Bonnici, A. (2000) Had- Dingli. it-Tieni Volum : ir-Rahal jikber u jiehu r-ruh : mill-Kolonjalizmu Ingliz sa ftuh is-Seklu Wiehed u Ghaxrin. Dingli, Malta: Kunsill Lokali Dingli.

Braun,H. (1946) Works of Art in Malta – Losses and Survivals in the War, London    (His Majesty’s Stationary Office)

Buhagiar, M. (2000) The Treasure of the Knight Hospitallers in 1530. Reflections and Art Historical Considerations. Peregrinationes Acta et documenta(pp. 41-56). Perugia: Accademia Internazionale Melitense TOMO I - A. I –MM.

Buhagiar, M. (2009) Essays on the Knight and Art and Architecture in Malta 1500-1798.  Malta: Midsea Books Ltd.

Cassar, M. (1995) Environmental Management. Guidelines for Museums and Galleries. London, New York: Routledge.

Cennino, C. (1960) The Craftsman's Handbook: "Il Libro dell'Arte", ed D.V. Thompson. New York: Dover Publications Inc.

Eastaugh, N., Walsh, V., Chaplin, T., & Siddall, R. (2004) Pigment Compendium: a Dictionary and Optical Microscopy of Historic Pigments. Oxford: Elsevier - Butterworth-Heinemann.

Kuhlenthal, M. (2004) The Research on the Polychromy of Sculptures. An Introduction. In M. Kuhlenthal (Ed.), Historical Polychromy (pp. 10-30). Munich: Hirmer Verlag Munchen GmbH.

Maetzke, A.M. (1994) Il Volto Santo di Sansepolcro: Un Grande Capolavoro Medievale Rivelato dal Restauro. Cinisello Balsamo, Italy: Amilcare Pizzi S.pA.

Speranza, L., & Tosini, I. (2008) Scultura Lignea Policroma e Specie Legnose: l' Esperienza dell' Opificio delle Pietre Dure di Firenze. In G.B. Fidanza & N. Macchioni (Eds.), Statue di Legno: Caratteristiche Tecnologiche e Formali delle Specie Legnose. (pp. 81-101). Rome: Istituto Poligrafico e Zecca dello Stato.

Tångeberg, P. (2006) The Crucifix from Hemse. In J. Nadolny (Ed.), Medieval Painting in Northern Europe: Techniques, Analysis, Art History (pp. 1-10). London: Archetype Publications.

Williams, D.C. (1998) A Survey of Adhesives for Wood Construction. In Dardes K. , and Rothe A. (Eds.), The Structural Conservation of Panel Paintings: proceedings of a symposium (pp. 79-86). Los Angeles: The Getty Conservation Institute.

Archives of the Cathedral, Mdina (ACM)
ACM, Misc Vol. 180, Pastoral Visit Molina 1680, f. 59.

Formosa, M. (2005) On the 18th and 19th Century Sacristy Furniture in the Maltese  Islands: Materials, Techniques, Preservation. M.Cons., unpublished dissertation, University of Malta.

Seymour, K. (2010) Symposium on Polychrome Sculpture: Tool Marks and Construction Techniques. International Council of Museums, ICOM-CC. Retrieved from http://www.icom-cc.org/52/event/?id=125. Last accessed on 12th December 2010.

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.


© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.


Aktar dwar San Ġwann Battista. Agħfas hawn.