Home Contact
 
Talb
Il-Madonna tal-Avvent
   
   

L-Avvent huwa ż-żmien liturġiku mportanti fil-kalendarju tal-Knisja Kattolika li fih nippreparaw lilna nfusna biex inġeddu l-miġja ta' Alla bħala bniedem; bħalna f'kollox minbarra fid-dnub. Huwa żmien li fih insaffu lilna nfusna u nħejju spazju f'qalbna biex fih Alla jkompli jikber ġewwa fina.

Tagħrif dwar l-Avvent mis-Segretarjat għall-Katekeżi

Se nibdew sena ġdida tal-Liturġija (Sena B). L-Avvent dejjem ikollu erba' Ħdud. It-tema timxi dejjem fuq dan il-pjan:

Ħadd 1: Il-viżjoni tal-eternità - it-Tieni Miġja ta' Ġesù - aħna għandna nishru, nistennew b'ħerqa, nixxennqu għal Gesù, sejħa għall-qdusija.
Ħadd 2: Il-persuna ta' Ġwanni l-Battista u l-missjoni tiegħu li jippreparana għall-miġja tal-Messija.
Ħadd 3: Il-persuna ta' Ġwanni l-Battista u l-missjoni tiegħu li juri lill-Ħaruf ta' Alla.
Ħadd 4: Il-persuna ta' Marija, il-qaddejja tal-Mulej.

Ejjew nimxu mal-Knisja, pass pass, mingħajr biża', iżda mingħajr tnikkir jew għażż spiritwali.

Inħeġġu lil xulxin biex infittxu lil Ġesù fit-talb personali u fil-qadi tal-aħwa.

Ir-Raba' Ħadd tal-Avvent

Illum, bħala Knisja niċċelebraw ir-raba’ Ħadd tal-Avvent. Illum, il-Liturġija tpoġġilna lil Marija quddiemna għal ħafna raġunijiet. L-ewwelnett bħala mudell ta’ talb ħaj, mudell ta’ ubbidjenza ta’ bint Alla. It-tieninett naraw lil Marija bħala dik il-mara li permezz tagħha Alla l-Imbierek wettaq il-wegħda li l-Messija jiġi minn dar David. Ejjew f’dawn l-aħħar jiem ta’ preparazzjoni, inħarsu lejn dil-mara, Omm Sidna Ġesù u nitolbuha li nkunu nixbhuha fit-talb u fl-ubbidjenza tal-Kelma ta’ Alla.

It-Tielet Ħadd tal-Avvent

F’dan it-tielet Ħadd tal-Avvent, il-Mulej se jkellimna fuq il-ferħ li jibda mir-relazzjoni tagħna miegħu. Dan il-ferħ beda meta fil-Magħmudija doqna għall-ewwel darba l-preżenza t’Alla fina. Marija, permezz tas-Salm, tgħallimna li l-ferħ tas-salvazzjoni għandna nesprimuh ta’ spiss ma’ xulxin u nfaħħru lill-Mulej talli jinsab fostna.

It-Tieni Ħadd tal-Avvent

F’dan it-tieni Ħadd tal-Avvent insibu lil Ġwanni l-Battista jindikalna x’għandna nagħmlu biex inħejju t-triq għall-Mulej. Qalilna nilqgħu lil dak li ġej warajh għax dan jgħammidna bl-Ispirtu s-Santu! Nilqgħu lil Ġesù f’ħajjitna u nagħtuh iċ-ċentru ta’ ħajjitna, it-tmexxija ta’ ħajjitna, dan hu l-mod kif l-aħjar inħejju ruħna waqt l-Avvent.
 

L-Ewwel Ħadd tal-Avvent


Żmien l-Avvent hu żmien ta’ riflessjoni dwar x’inhi l-essenza tal-ħajja tagħna, x’inhu l-iskop li għalih qed ngħixu, x’irridu nagħmlu li jgħodd għall-eternità. Il-Poplu tal-Patt il-Qadim tilef din il-mira, dan l-iskop u minħabba f’hekk ħafna ma laqgħux lill-Messija meta ġie. Aħna rridu nkunu iktar għaqlin. Ġesù stess jinsisti b’qawwa meta jgħidilna: “Kunu għajnejkom miftuħa: ishru”.

Agħfas hawn għall-Messaġġ Pastorali tal-Avvent 2014 mill-E.T. Mons. Charles J. Scicluna, Isqof titulari ta’ San Leone u Amministratur Appostoliku ta’ Malta.