Home Contact
 
Ahbarijiet
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Santa MarijaMal-medda taż-żmien, l-imħabba u d-devozzjoni tal-poplu ta’ Ħad-Dingli lejn il-patruna, Santa Marija, intwera b’ħafna modi fosthom b’tifkiriet permanenti fit-toroq tar-raħal li jagħtu ġieħ lill-Omm tagħna Marija Assunta.  MARIO MICALLEF jagħti ħarsa lejn l-istatwi, in-niċeċ u ġesti  oħra li juru dan is-sentiment u li ħafna drabi, għax jinsabu magħna kuljum, ninsew il-preżenza u t-tifsira tagħhom fostna.

L-akbar statwa tal-Assunta fuq barra tinsab mal-Knisja Parrokkjali.  Hi statwa antika tal-ġebel li tinsab irtirata ftit ‘il ġewwa mill-faċċata, isserraħ fuq soll f’daħla li saret apposta għaliha meta nbnew in-navi, ħamsin sena ilu.  Fil-fatt, f’pożizzjoni simili nsibu żewġ statwi: ta’ Santa Marija li tinsab fuq barra tan-nava tax-xellug u statwa oħra ta’ San Ġużepp b’Ġesu’ Bambin li tinsab fuq barra tan-nava tal-lemin.  

L-istatwa ta’ Santa Marija f’dan il-post tfakkar li dan hu tempju qaddis bit-titular iddedikat lit-tlugħ fis-sema tal-Verġni Marija.  Kien tassew f’waqtu għalhekk il-ħsieb li fil-pjanta tal-Perit Ġuże’ Damato għall-bini ta’ navi u faċċata ġdida għall-knisja, jinħoloq dan l-ispazju biex saħansitra sa minn qabel ma wieħed jirfes l-għatba tad-Dar ta’ Alla japprezza li jinsab f’parroċċa Marjana.  Din l-istatwa hi bħal preludju għal dak li hemm ġewwa: il-kwadru titulari tat-tlugħ fis-sema tal-Madonna, impitter fl-1910 minn Virginio Monti, u l-istatwa titulari, xogħol fl-injam minn Anton Busuttil fl-1861.    

Santa MarijaGħalkemm din l-istatwa ta’ Santa Marija ilha f’dan il-post madwar nofs seklu, il-preżenza tagħha f’Ħad-Dingli tmur lura ferm aktar.  Fil-fatt qabel ma’ tpoġġiet fil-post fejn tinsab illum, din l-istatwa kienet fuq pedestall tal-ġebel fuq iz-zuntier l-antik tal-knisja, in-naħa ta’ fejn illum hemm Misraħ Ġuże’ Abela.  

Fir-raħal insibu erba’ niċeċ bi statwi tal-Assunta.  Tnejn minnhom jinsabu faċċata ta’ xulxin f’nofs Triq il-Parroċċa, li hi t-triq ta’ quddiem il-Knisja Parrokkjali.  L-eqdem waħda tinsab f’nofs il-faċċata fis-sular ta’ fuq tad-dar numru 20, proprjeta’ tal-aħwa Farrugia. Din l-istatwa ta’ Santa Marija hi maħduma fuq l-istatwa titulari tal-Assunta meqjuma fil-parroċċa ta’ Ħal Għaxaq.  Taħt in-niċċa skrizzjoni bit-Taljan li tikkwota digriet maħruġ nhar is-17 ta’ Mejju 1860 mill-Isqof ta’ Malta, Monsinjur Gaetano Pace Forno, li permezz tiegħu tingħata indulgenza ta’ 40 jum lil min jitlob quddiem din l-istatwa. Għaldaqstant, din l-istatwa ilha hawnhekk mill-anqas sa mill-1860, sena qabel ma Ħad-Dingli kellu l-istatwa titulari tiegħu.  Dan jispjega l-fatt għaliex hi minjatura ta’ statwa titulari oħra, dik ta’ Ħal Għaxaq li nħadmet fl-injam fl-1808 mill-iskultur Bormliż Mariano Gerada.
 
In-niċċa l-oħra fi Triq il-Parroċċa tinsab fis-sular ta’ fuq tad-dar numru 17, tal-familja Muscat.  In-niċċa tinsab f’kantuniera miftuħa, bejn gallarija magħluqa u persjana ta’ tieqa.  Id-disinn hu simili ħafna għall-ewwel waħda, b’par pilastri doriċi fuq kull naħa tal-istatwa u fuqhom il-gwarniċċun sabiħ tal-frontispizju.Santa Marija  L-aktar differenza viżibbli fid-disinn tinsab fil-frontispizju li hawnhekk mhuwiex magħqud fin-nofs u jħalli spazju għas-salib li jibda mill-parti ta’ isfel.  Jidher li din in-niċċa saret fil-bidu tas-seklu 20 u għadha fl-istat oriġinali. L-istatwa fin-niċċa turi lill-Assunta b’idejha miftuħa u ħarsitha merfugħa ‘il fuq.  Sa ftit tas-snin ilu madwar in-niċċa kien għad hemm imwaħħla bosta msiemer li fl-imgħoddi  meta l-elettriku kien għadu ma wasalx fir-raħal, kienu jintużaw biex in-niċċa setgħet tiddawwal fl-okkażjoni tal-festa ta’ Santa Marija.     

Tal-istess perjodu hi niċċa oħra li tinsab fi Triq il-Kbira.  In-niċċa tiddomina fis-sular ta’ fuq ta’ binja li tilqa’ l-għassa tal-pulizija u ħanut tal-laħam u tinsab fin-nofs bejn gallerija u tieqa. In-niċċa għandha pilastru doriku fuq kull naħa tal-istatwa bi frontispizju eleganti li jasal saċ-ċinta tal-bejt. Sfortunatament parti minn fuq tan-niċċa tinsab moħbija b’wires tal-elettriku. L-istatwa ta’ Santa Marija hi mdaqqsa u turi lill-Madonna b’idejha miftuħin u b’ħarsitha lejn is-sema.  Fl-imgħoddi din l-istatwa kienet miżbugħa, bi traċċi tal-kulur ikħal għadhom jidhru fuq il-mant tal-Madonna.  F’irħama taħt in-niċċa hemm minqux dan il-kliem:

Santa MarijaSalve Regina
Recitandibus
Petrus Ep. Pace
100 Dierum Indulg:
Die X Nov: 1908
Concessit.

Din il-kitba turi li din l-istatwa ta’ Santa Marija ilha hawnhekk għal aktar minn 100 sena billi fl-10 ta’ Novembru 1908, l-Isqof Monsinjur Pietru Pace kkonċeda indulġenza għal mitt ġurnata lil min jgħid it-talba tas-Salve Regina quddiemha.

L-aktar niċċa riċenti tal-Assunta tinsab mar-residenza tal-familja Pisani fi Triq Ġuże’ Ellul Mercer, kantuniera ma’ Triq il-Gvernatur William Reid.  In-niċċa tintlaħaq minn għajnejn ħafna nies billi tinsab f’pożizzjoni ċentrali f’din il-parti tar-raħal.  In-niċċa saret fl-2004 bil-bini u l-iskultura fil-ġebla huma xogħol is-Sur Christino Pisani.  L-istatwa hi bbażata fuq dik titulari tal-parroċċa tagħna u skolpiha fil-ġebel, is-Sur Charlie Micallef, mis-Siġġiewi. 

Santa MarijaApparti dawn l-erba’ niċeċ, fil-bini tar-residenza numru 4, f’Misraħ Ġuże’ Abela, il-familja Abela kienet kummissjonat alto riliev għal mal-apramorta li juri l-wiċċ ta’ Santa Marija, patruna ta’ Ħad-Dingli.  Barra minn hekk, dawra mat-toroq tar-raħal turik li bosta familji għażlu li jagħtu jsellmu lill-Assunta permezz tal-għażla tal-isem tad-dar tagħhom.  Fil-fatt insibu  numru sabiħ ta’ residenzi li ngħataw ismijiet bħal ‘Santa Marija’ jew ‘Ave Marija’.  L-istess għamlu xi sidien ta’ ħwienet b’mill-anqas 3 jingħataw l-isem ta’ Santa Marija.  Irridu nsemmu wkoll li waħda mill-eqdem toroq tar-raħal hi msemmija għall-patruna; Triq Santa Marija.  It-triq tinsab fil-bidu tar-raħal.  Iċ-ċensiment nazzjonali tal-popolazzjoni li sar fl-1861 għamel elenku tat-toroq kollha f’kull lokalita’. Strada Santa Maria, kif insibuha f’dak id-dokument, kienet waħda mit-13-il triq li kien hawn f’Ħad-Dingli dak iż-żmien.  Fir-Reġistru Elettorali tal-1939, qabel it-Tieni Gwerra Dinjija, insibu li fi Triq Santa Marija kien hemm 13-il residenza abitata.  Illum, aktar minn 70 sena wara, kif juri l-aħħar Reġistru Elettorali ppubblikat f’April 2013, insibu li f’din it-triq hemm 36 residenza. Mhux b’sorpriża li f’din it-triq ukoll hemm dar bl-isem ‘Santa Marija’!

---

Santa MarijaDan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.