Home Contact
 
Ahbarijiet
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

IL-KUNGRESS EWKARISTIKU INTERNAZZJONALI F’MALTA U L-ARTAL MAĠĠUR TA’ ĦAD-DINGLI 1913 - 2013

Sewwasew 100 sena ilu, fil-Knisja Parrokkjali ta’ Ħad-Dingli, ġie mżanżan l-artal maġġur, l-artal ewlieni li jinkorpora t-tabernaklu u li fuqu għal għexieren ta’ snin ġiet iċċelebrata l-quddiesa. SAVIO D. BORG  jagħti ħarsa lejn din l-opra importanti li saret fis-sena li f’pajjiżna sar l-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.

Mitt sena ilu, bejn it-23 u 27 ta’ April, 1913, ġie organizzat f’Malta l-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali.  Dawn il-kungressi jinżammu minn żmien għal żmien f’pajjiżi differenti u l-iskop prinċipali tagħhom hu biex jitkabbar l-għarfien u tingħata qima solenni lill-Ewkaristija. Il-kungress li jmiss se jkun il-51 kungress u se jsir fl-2016 fil-Filippini.

Kungress Ewkaristiku Internazzjonali

Dan l-avveniment uniku li sar f’pajjiżna, hu meqjus bħala wieħed mill-akbar avvenimenti reliġjużi li qatt saru f’Malta.  Meta l-mezzi tat-trasport ma kinux komdi bħal tal-lum, xorta waħda dan il-kungress kien suċċċess; ta’ min isemmi li ġew għal dan l-avveniment 5 Kardinali, aktar minn 50 Isqof u 2,000 barrani għal ħamest’ijiem ta’ laqgħat u manifestazzjonijiet pubbliċi. Kienu preżenti wkoll diversi dinjitarji barranin fosthom id-Duka ta’ Norfolk, il-kap tal-fergħa Kattolika tal-Familja Rjali Ingliża. Il-Papa San Piju X, ‘il-Papa tal-Ewkaristija’, ħatar il-Legat tiegħu, il-Kardinal Domenico Ferrata għal dawn il-festi. Din kienet it-tieni darba li l-Kardinal Ferrata ġie Malta bħala Legat tal-Papa San Piju X; l-ewwel okkazjoni kienet meta fl-1905 ġie jinkuruna t-titular tal-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla

Kungress Ewkaristiku Internazzjonali

Il-Mosta rabtet isimha ma’ dan il-kungress; fir-Rotunda saru l-laqgħat ewlenin b’għadd ta’ kelliema distinti li għamlu katekeżi dwar l-Ewkaristija. Barra l-laqgħat saru diversi ċelebrazzjonijiet kbar fosthom: nhar l-24 ta’ April, il-jum li fih spikkat il-preżenza ta’ madwar 10,000 tifel u tifla li rċevew l-Ewwel Tqarbina u wara mxew mill-Floriana sal-Belt ikantaw innijiet Ewkaristiċi; nhar is-26 ta’ April, sar it-tberik tal-baħar minn fuq tribuna apposta li ntramat fil-Barrakka ta’ Fuq filwaqt li kor kbir ta’ madwar 800 ruħ kantaw innijiet ewkaristiċi mill-Ponta tal-Isla; u l-għeluq nhar il-Ħadd 27 ta’ April, b’purċissjoni solenni mill-Kon-Katidral ta’ San Ġwann sal-Floriana minn fejn ingħatat il-Barka Solenni minn fuq tribuna kbira li ntramat apposta. Il-folol kbar li kkonkorrew għal dawn iċ-ċelebrazzjonijiet kienu mpressjonanti. Wara t-tmiem tal-Kungress, il-Legat tal-Papa żar Għawdex u fetaħ mill-ġdid il-knisja tal-adorazzjoni perpetwa, Ta’ Savina, li kienet għada kif ġiet imkabbra.  Min kull fejn għadda ġie milqugħ minn folol kbar.  Ta’ min isemmi l-innu li nkiteb apposta għal dan il-kungress, l-Innu ‘Nadurawk Ja Ħobż tas-Sema’, kliem ta’ Mons. Karm. Psaila u mużika ta’ Mro. Ġużeppi Caruana li għadu jitkanta  sal-lum u li ġie tradott f’diversi ilsna barranin.  Tifkira ta’ dan il-kungress, hija l-istatwa artistika ta’ Kristu Re’ fil-Floriana, xogħol ta’ Antonio Sciortino u waħda mit-toroq ewlenin tal-Mosta li ssemmiet proprju għal dan l-avveniment, Triq il-Kungress Ewkaristiku. 

L-artal ta' CorpusFil-parroċċa tagħna għandna tifkira għażiża ta’ dan il-kungress; l-artal maġġur. Il-knisja parrokkjali, li kienet għadha kif bdiet tintuża, kien għad m’għandhiex artal tal-irħam jixraq biex jintuża bħala l-artal ewlieni tal-knisja.  Kien l-ex-Kappillan Dun Vinċenż Curmi, flimkien mal-benefatturi il-Kav. Carmelo Bugeja u Pawlu Sammut, li ħallsu għal din l-opra hekk sabiħa. L-imgħallem C. Baldacchino kien responsabbli minn din l-opra. Fiċ-ċentru tal-artal hemm it-tabernaklu fejn jinżamm is-Santissimu Sagrament. Fuq wara tal-artal, hemm skrizzjoni bil-Latin fl-irħam li tfakkar dan il-ġest nobbli. Dan l-artal għadna nużawh u ngawduh sal-ġurnata tal-lum. Fil-jiem għeżież tal-festa jintrama b’mod mill-aktar sabiħ b’apparat li sar fis-snin 20 u 30. F’Marzu, 1939, dan l-artal, flimkien mal-knisja, ġie kkonsagrat lil Alla mill-Arċisqof Monsinjur Mikiel Gonzi, dak iż-żmien Isqof ta’ Għawdex.

Għaddew 100 sena u għadna ngawdu din l-opra hekk sabiħa u għażiża, tifkira dejjiema tal-24 Kungress Ewkaristiku Internazzjonali li sar f’Malta.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2013.

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.