Home Contact
 
Ahbarijiet
Dun Edgar Vella
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Apprezzament artistiku tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija

Diskors mir-Rev. Edgar Vella waqt l-Akkademja Mużiko-Letterarja fil-knisja nhar it-Tnejn 5 ta’ Diċembru 2011, li wasslet fi tmiemu l-programm tal-attivitajiet li fakkru l-150 anniversarju tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija.

Meta nitkellmu fuq statwi u vari fi gżiritna nistgħu nqisu is-seklu dsatax bħala s-seklu tad-deheb, u dan hu dovut għall-fatt li f’dan il-perjodu għadd sabiħ ta’ vari titulari ġew imżanżna f’ħafna parroċċi madwar Malta u Għawdex; statwi li inġiebu minn Franza, Spanja, l-Italja u fuq kollox statwi maħduma minn artisti Maltin li b’kapaċita’ kbira taw lill-poplu Malti statwi mill-isbaħ li saħħru u qanqlu l-fidi ta’missirijietna u l-ġenerazzjonijiet ta’ wara sal-ġurnata tal-lum.

Is-seklu dsatax partikolarment offra lill-poplu Malti 3 statwi artistiċi li jirrappreżentaw lill-Assunta. It-tliet statwi li qed naċċenna għalihom b’xebħ imma b’varjazzjonijiet fl-esekuzzjoni huma dik ta’ Ħal Għaxaq li inħadmet minn Marjanu Gerada fl-1808, dik tal-Imqabba li nħadmet minn Xandru Farrugia fl-1836, u l-vara ta’ din il-parroċċa li nħadmet minn Mastru Anton Busuttil fl-1861.

Il-Kappillan Mqabbi Dun Indri Mallia kien dak li kkummissjona l-istatwa titulari għal din il-parroċċa. Il-kappillan Mallia li trabba taħt il-patroċinju tal-Assunta ma setax iħalli l-parroċċa afdata lilu mingħajr statwa titulari u bla dubju ta’ xejn ra kif għamel biex jimla’ dan il-vojt.

Santa MarijaFl-1861 sebaħ il-jum li fih waslet il-patruna tar-raħal pittoresk ta’ Ħad-Dingli, u f’arja ta’ festa mad-daqq tal-qniepen u l-murtali, nimmaġina is-sodisfazzjon tal-kappillan, l-entużjażmu tal-parruċċani u il-ferħ tal-iskultur Anton Busuttil f’dik il-gurnata memorabbli . . . . kpiepel, sdieri u għenienel tal-ħarir u lbies tal-festa.

L-ikonografija marbuta mat-titlu ta’ Marija mtellgha fis-sema tikkonsisti minn elementi li normalment insibuhom interpretati b’varjazzjonijiet skont l-ispirazzjonijiet tal-artist. Kif nistgħu nosservaw f’dan il-kumpless statwarju, minn ġos-sarkofagu, kelma li ġejja mil-Grieg sarx li tfisser ġisem u fagein li tfisser tiekol/tikkonsma, fl-istil pjuttost Neo-Klassiku ta’ forma rombojdali, toħrog splużjoni ta’ enerġija, moviment, drammatiċita’ u kromatika eżuberanti.

Il-proporzjon bilanċjat hu mfassal b’linji piramidali li mir-ras tal-vara jinfirxu b’armonija fuq iż-żewg puttini, dawn il-puttini li nħadmu mill-istatwarju bravu Wistin Camilleri jidhru li qed iżommu s-simboli tal-ward li jfisser l-imħabba u l-ġilju li jfisser is-safa. Il-kerubini dehbija mtajra fuq sħaba fiddiena qed jiċċirkundaw l-azzjoni misterjuża tal-Assunzjoni fejn il-figura ta’Marija tidher f’mument li ser tħalli d-dinja biex tingħaqad mal-Ħallieq.  L-iskultur Busuttil għaraf jassimila l-forom artistiċi biex iwassal messaġġ Marjoloġiku fid-dawl tat-twemmin tar-reżurezzjoni.

Il-figura tal-Madonna tidher b’idejha x-xellugija tbierek lid-dinja u b’idha l-leminija lesta biex tinħataf minn Alla l-Imbierek li jseħibha fil-glorja tas-sema.  Ħarsitha ‘il fuq f’espressjoni estatika għad-dehra beatifika tal-Ħallieq li ser jilqagħha fi ħdanu.  Il-fattizzi tal-wiċċ juru il-fiżjonomija Mediterranja, pjuttost ta’ mara Maltija b’wiċċ tond grazzjuż, imnieħer mislut, fomm ċkejken imbexxaq bħallikieku biex jieħu n-nifs ġdid tal-ħajja minn fomm Alla. Ix-xagħar huwa miġbur fuq wara u b’fettul li jinżel b’mod eleganti fuq spallejha.

Mal-medda tas-snin inħasset il-ħtieġa ta’ restawr u allura il-vara ħadet dehra friska u sinjorili bl-intervent tal-artist Alfred Camilleri Cauchi li pitter il-karnaġġjon fi kromatika dinjituża u l-induratur Horace Farrugia li b’teknika validissima ta’ nduratura u żgraffjar libbes il-vara bl-iżjed mod spettakolari.

Il-vestitura rikka tispikka prinċipalment fil-pigmenti tal-aħmar u l-ikħal li jissimboliżżaw l-uman u d-divin minusġa flimkien f’kaskada ta’ panneġġjar intrikat li jdur mal-figura grazzjuża tal-Madonna li minn ġol-panneġġi tqal tal-mant ikħal toħroġ b’mod enerġetiku il-parti toraċea tal-vara svolazzata u mtajjra f’espressjoni smewwijja u fl-istess ħin suġġestiva u dinjituża.

Illum 150 sena wara l-wasla f’din il-parroċċa, għadna nistgħu nammiraw il-freskezza u l-ħlewwa ta’ din l-istatwa li ħarset lid-Dinglin, mill-fonti tal-magħmudija sal-aħħar tislima, għal ġenerazzjonijiet sħaħ.

Il-mument tal-Assunzjoni ta’ Marija Santissima ġie ffossilizzat mill-iskultur biex jibqa’ xempju devozzjonali fejn in-nisrani jkun jista’ jimmedita il-kobor tal-imħabba t’Alla li tana lil Marija bħala ommna u l-Assunta bħala patruna ta’ Malta u Għawdex li min-naha tagħha dejjem ħarsitna kull meta tlabniha bil-ħerqa. F’kull mument ta’ kriżi; assedji, nixfa, gwerra jew epidemiji, missirijiena irrikorrew lejha u ntelqu b’fiduċja sħiħa għall-ħarsien u l-interċessjoni tagħha. Għalhekk żommu lil Sidtna Marija fiċ-ċentru tal-familji tagħkom, biex issaltan fi djarkom u fi qlubkom.

---

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.