Home Contact
 
Djarju tal-Parrocca
   
Djarju 2011-2012
Progetti 2011-2012
150 Sena tal-Vara
Djarju 2012-2013
Progetti 2012-2013
   

MID-DJARJU TAL-PARROĊĊA 2012 - 2013

• Il-Missjoni ż-Żgħira f’Ħad-Dingli

Fl-ewwel tliet ġimgħat ta’ Ottubru 2012, kellna magħna grupp ta’ saċerdoti li wettqu fostna dik li hi magħrufa bħala l-Missjoni ż-Żgħira.  F’Ħad-Dingli huma ċċelebraw quddiesa għat-tfal tal-parroċċa u organizzawlhom ħarġa flimkien, żaru l-M.U.S.E.U.M. tas-subien u tal-bniet fejn kellhom laqgħa mal-istudenti minn Form 1 ‘il fuq, f’Dar Dun Bosco kellhom laqgħa mal-adoloxxenti u ż-żgħażagħ, iltaqgħu individwalment mal-familji tal-adoloxxenti li kienu se jirċievu l-Griżma tal-Isqof, żaru lill-anzjani u l-morda fid-djar tagħhom u organizzaw adorazzjoni Ewkaristika fil-bidu tas-Sena tal-Fidi.

• L-Abbatini jtellgħu Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa u jieħdu sehem f’Ċelebrazzjoni Marjana

Wirja mill-abbatini

Għat-tieni sena, il-grupp tal-Abbatini tella’ wirja ta’ żmien il-Ġimgħa Mqaddsa, fil-kappella ta’ Santa Marija Maddalena fuq l-irdumijiet pittoreski ta’ Ħad-Dingli.  It-titlu tal-wirja ta’ din is-sena kien: “Ħajtu għal Ħbiebu”.  Minbarra wirja ta’ vari  tradizzjonali ġiet esebita wkoll l-Aħħar Ikla tal-Mulej b’mejda tal-appostli armata fuq stil Lhudi, b’ikel, frott u ħaxix frisk. 
Il-wirja ġiet inawgurata mill-Kappillan, Dun Ewkarist Zammit, nhar Ħadd il-Palm filgħaxija li ġie ċċelebrat il-Ħadd 24 ta’ Marzu, 2013. L-inawgurazzjoni saret fi tmiem quddiesa li ġiet iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-istess kappella.
Il-wirja baqgħet miftuħa sa nhar il-Ġimgħa l-Kbira u f’dawn il-jiem l-abbatini l-kbar kienu jkunu preżenti jispjegaw dak kollu li kien esebit. Nhar Ħamis ix-Xirka l-wirja damet miftuħa sa tard bil-lejl, bil-pjazza ta’ quddiem il-kappella mdawla bil-fjakkli li saru mis-Sur Joseph Farrugia

Din is-sena, il-grupp tal-Abbatini tal-parroċċa ħa sehem ukoll f’manifestazzjoni Marjana li saret fil-knisja ta’ San Duminku fir-Rabat, fl-okkażjoni tal-festa tal-Madonna tal-Għar.  Wara li spjegajna permezz ta’ ‘PowerPoint’ x’inhi ir-rabta tagħna, l-Abbatini Dinglin, mal-Omm tagħna tas-sema, ħadna sehem u tajna s-servizz tagħna f’quddiesa mmexxija mill-Arċisqof, Monsinjur Pawlu Cremona O.P. bis-sehem ta’ abbatini oħra Dumnikani, mir-Rabat, il-Belt u G’Mangia u abbatini tal-parroċċi tal-Baħrija, l-Imtarfa u St. Elena B’Kara.  Wara l-quddiesa, l-Arċisqof inawgura wirja dwar “l-Abbati u l-Liturġija”.

• Pellegrinaġġ Marjan fil-festa tal-Madonna ta’ Pinu

Nhar is-Sibt, 22 ta’ Ġunju 2013, il-parroċċa tagħna organizzat pellegrinaġġ Marjan għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, f’Għawdex.  Il-pellegrinaġġ sar fl-okkażjoni tal-festa tas-sejħa tal-Madonna ta’ Pinu.  Għal din l-okkażjoni, ġie mistieden janima l-quddiesa tat-8.00 p.m. il-Kor Regina Coeli tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli taħt id-direzzjoni ta’ Mro James Chappell ALCM LLCM.  Il-quddiesa tmexxiet mill-Isqof Awżiljarju, Mons. Charles J. Scicluna, u xxandret dirett fuq Radju RTK.  Mal-membri tal-kor ingħaqdu għadd sabiħ ta’ pellegrini biex mill-parroċċa tagħna konna grupp ta’ 80 ruħ.  Dakinhar ressaqna lill-Madonna ta’ Pinu x-xewqa tagħna, li Marija tkompli tbierek u tħares il-familji tal-parroċċa tagħna.

• Impenji tal-Kor Regina Coeli barra l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli

Il-festa tas-sejħa tal-Madonna ta’ Pinu ma kinitx l-unika okkażjoni fl-aħħar tnax-il xahar li fiha l-kor parrokkjali Regina Coeli kanta barra l-parroċċa.
 
Il-Ġimgħa 19 ta’ Ottubru, 2012, il-kor kien mistieden ikanta waqt quddiesa solenni fil-Knisja Insinji Kolleġġjata-Urbana, Veskovili, u Parroċċa Matriċi, Arċipretali, u Prinċipali ta' San Pawl Nawfragu, fil-belt Valletta. L-okkażjoni kienet Jum il-Fondazzjoni tas-Societa’ Filarmonica Nazionale La Valette, fejn Mro James Chappell, id-direttur tal-kor, huwa wkoll Assistent Surmast Direttur, għalliem tal-mużika, leader u solista.  Mal-kor daqq element mill-Filarmonica La Valette.

Il-Kor Parrokkjali Regina Coeli fil-Knisja ta' San Pawl il-Belt Valletta

Fit-18 u d-19 ta’ Marzu, 2013, il-kor kanta fil-parroċċa tal-Imsida fl-okkażjoni tal-festa liturġika ta’ San Ġużepp.  Nhar l-1 ta’ Mejju, festa ta’ San Ġużepp Ħaddiem, il-kor reġa’ kanta fil-knisja parrokkjali Misidjana, din id-darba f’quddiesa li ċċelebrat il-25 sena ħidma tas-sagristan tal-parroċċa, is-Sur Victor Tedesco.

Matul ix-xahar ta’ Lulju, is-Sibt 20 u l-Ħadd 21, 2013, issokta l-appuntament mal-Imsida, fejn għat-tieni sena l-kor kanta lejlet u nhar il-festa titulari ta’ San Ġużepp.

Dan kollu apparti s-servizz regolari fil-parroċċa tagħna, fejn il-kor Regina Coeli jkun attiv fil-funzjonijiet liturġiċi u l-festi kollha.

Il-Kor Parrokkjali Regina Coeli fl-Imsida

• Il-maħżen tal-armar tal-festa

Fil-31 ta’ Diċembru 2012, għalqet il-kirja ta’ maħżen fi Triq Għar Bittija li l-parroċċa kellha mikri mingħand id-Dipartiment tal-Artijiet.  Dan il-maħżen kien ilu jintuża mill-parroċċa għal mill-anqas ħamsin sena bħala post fejn tul dan iż-żmien sar xogħol relatat mal-festa ta’ Santa Marija u ntrefa wkoll armar tal-festa.  Intant, fis-snin li għaddew, il-parroċċa bniet maħżen fuq art tagħha fi Triq il-Ġnien, wara ċ-ċimiterju. Madankollu minħabba prioritajiet oħra dan il-post għadu prattikament ġebel u saqaf.  It-tama hi li jinstabu l-fondi biex il-maħżen fi Triq il-Ġnien jiġi attrezzat kif suppost biex jaqdi dan l-għan u b’hekk l-armar tal-festa jkun miżmum f’post tajjeb u sikur.

 

Il-maħżen tal-armar tal-festa

 

• It-tfal Dinglin fuq il-gżejjer ta’ San Pawl

Nhar it-Tnejn 8 ta’ Lulju 2013, il-Kummissjoni Tfal organizzat attivita’ marbuta mas-Sena tal-Fidi bit-tema “It-tfal Dinglin jiċċelebraw is-Sena tal-Fidi fuq il-gżejjer ta’ San Pawl”.  Għal din l-attivita’ kienu mistiedna t-tfal tal-parroċċa akkumpanjati mill-ġenituri tagħhom u l-membri tal-M.U.S.E.U.M.  B’kollox attendew ‘il fuq minn mitt persuna.  Fuq il-gżejjer ta’ San Pawl ġiet iċċelebrata quddiesa u sar it-tiġdid tal-wegħdiet tal-fidi tagħna.

• Proġetti fil-Knisja u xogħlijiet oħra

Kull filgħaxija, il-koppla u l-kampnari tal-knisja parrokkjali qed jinxtegħlu b’mod permanenti.  Kienet ilha x-xewqa ta’ ħafna li bħal knejjes oħrajn u postijiet storiċi, anke l-knisja parrokkjali ta’ Ħad-Dingli tkun imdawwla minn barra filgħaxija.  Fil-bidu tal-2012, il-parroċċa ressqet talba f’dan is-sens lill-Ministeru tal-Finanzi, l-Ekonomija u l-Investiment biex il-konsum jitħallas mill-Korporazzjoni Enemalta.  It-talba ntlaqgħet.  Il-parroċċa ngħatat ukoll mill-Enemalta l-materjal biex il-koppla u l-kampnari jkunu jistgħu jinxtegħlu minn barra f’ħin stabbilit kuljum.  L-istallazzjoni tad-dawl saret b’mod volontarju mis-Sur Emanuel Abela.  Id-dawl inxtegħel għall-ewwel darba nhar il-Ġimgħa 17 ta’ Awwissu, 2012.

It-tapit il-ġdid


F’Diċembru 2012 ġie inawgurat tapit ġdid għall-presbiterju u partijiet mill-kor.  Għalkemm dan it-tapit ġie inawgurat għall-festi tal-Milied sar biex jintrama għall-festa titulari ta’ Santa Marija.  It-tapit ġie manifatturat l-Italja bl-aġent lokali kienet il-kumpanija C&H Bartoli tal-Gżira.  Ma’ din il-kumpanija ħdimna tajjeb ħafna, iltqajna diversi drabi fuq il-post u wasalna biex it-tapit li jgħatti l-presbiterju kollu nħadem f’żewġ biċċiet biss. Bl-istess disinn sar it-tapit għall-ambone, is-sedja, il-kor u l-artal tal-kor.  Dan ix-xogħol ġie jiswa €5,800.  Benefattur wieħed ta s-somma ta’ €5,000 u l-kumplament inġabru minn għotjiet privati. 

Fil-jiem tal-festa titulari fil-knisja jintramaw sitt sopraporti: tnejn fil-kor, tnejn fil-kappellun tal-Kurċifiss u tnejn fil-kappellun tal-Madonna tar-Rużarju. Tnejn minnhom ma kinux tas-sett u għaldaqstant sentejn ilu ttieħdet id-deċiżjoni li jinħadmu żewġ sopraporti ġodda tal-injam fuq l-istess disinn tal-erba’ l-oħra. Ix-xogħol fuq is-sopraporti, inkluż l-iskultura fl-injam, sar b’mod volontarju mis-Sur Victor Micallef.  Jonqos li dawn is-sopraporti jinżebgħu u jiġu ndurati bid-deheb, xogħol li ser isir matul is-sena li ġejja mill-induratur, is-Sur John Pace minn Marsaxlokk.  Fl-aħħar ġimgħat, is-Sur Pace għamel xogħol ta’ restawr u induratura ta’ sopraporta antika li tmur lura għas-seklu dsatax u li tinsab armata fuq il-bieb tal-gallerija tal-orgni minn ġewwa.

Is-sopraporta

Fil-festa ta’ din is-sena, il-fratelli ser iżanżnu muzzetti bojod li nħietu għall-okkażjoni mis-Sinjura Anna Galea. Kull muzzetta se jkollha ‘Nome di Maria’, b’disinn maħdum għall-parroċċa tagħna, li għandhom jagħtu dehra sabiħa lu aktar dinjituża f’din l-okkażjoni.  Dawn il-muzzetti se jintlibsu wkoll mir-reffiegħa tal-istatwa titulari. Għall-festa wkoll se tintrama’ terħa ġdida b’bizzilla taċ-ċombini fuq l-artal tal-Madonna tar-Rużarju.  It-terħa nħadmet b’mod volontarju mis-Sinjura Lourdes Fenech.  Fl-aħħar ġimgħat sar ukoll xogħol ta’ manutenzjoni fil-kappella taċ-ċimiterju u ġew organizzati aħjar il-lapidi tal-irħam li kien hemm fuq il-kannierja tal-istess ċimiterju tal-parroċċa.

Il-parroċċa trodd ħajr mill-qalb lil dawk kollha li offrew l-għajnuna tagħhom b’mod voluntarju u lil dawk li kkontribwew finanzjarjament biex fl-aħħar sena seta’ jsir dan ix-xogħol kollu.  Grazzi speċjali tmur ukoll għal dawk kollha li jgħinu fil-fundraising b’risq il-parroċċa.