Home Contact
 
Djarju tal-Parrocca
   
Djarju 2011-2012
Progetti 2011-2012
150 Sena tal-Vara
Djarju 2012-2013
Progetti 2012-2013
   

MID-DJARJU TAL-PARROĊĊA 2011-2012

Grazzi Dun Norman . . . Merħba Dun Ewkarist

F’nofs Settembru 2011, l-Arċisqof ta’ Malta, l-Eċċellenza Tiegħu Monsinjur Pawlu Cremona O.P., ħatar lil Dun Norman Zammit bħala l-Kappillan il-ġdid tal-parroċċa tal-Imsida.  Minfloku bħala Kappillan ta’ Ħad-Dingli nħatar Dun Ewkarist Zammit.

Dun Norman Zammit kien nominat bħala Kappillan ta’ Ħad-Dingli fit-12 ta’ Lulju 2006 wara li sa mill-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu, f’Awwissu 2001, serva bħala Viċi-Kappillan ta’ Ħal Luqa.  F’ħames snin bħala ragħaj spiritwali tal-poplu ta’ Ħad-Dingli, b’dik it-tbissima li kienet tikkaratterizza l-karattru tiegħu, Dun Norman ħadem biex isaħħaħ aspetti differenti fil-ħajja pastorali tal-parroċċa: il-liturġija, il-katekeżi, id-djakonija u l-għaqdiet tal-parroċċa.  Il-Kappillan Zammit wassal għal tmiemu l-proġett ta’ Ċentru Parrokkjali ġdid li ġie inawgurat nhar il-Ħadd 1 ta’ Mejju, 2012.  Tul il-parrokkat tiegħu twettaq proġett ieħor ambizzjuż, anke jekk ma kienx mistenni; il-manutenzjoni u r-restawr tal-koppla, il-kampnari u l-koppletti tal-knisja parrokkjali u magħhom it-tlestija tal-iskultura fil-faċċata tal-knisja.  Hu wassal għal tmiemu wkoll il-proġett tar-restawr tal-kappella ta’ Santa Marija Maddalena.     

Nhar is-Sibt 1 ta’ Ottubru, 2012, fil-knisja parrokkjali ġiet iċċelebrata quddiesa ta’ radd il-ħajr ‘l Alla u ‘l-Madonna għall-ħames snin ta’ ħidma pastorali li Dun Norman għamel fostna.  Il-preżenza ta’ ħafna parruċċani għal din l-okkażjoni kienet turija ta’ apprezzament u ringrazzjament għal dak kollu li Dun Norman għamel għall-parroċċa ta’ Ħad-Dingli u awguri  għall-ħidma ġdida li l-Arċisqof afdalu f’idejh.  F’isem il-parroċċa, Monsinjur Louis Camilleri ppreżenta lil Dun Norman pjaneta b’turija ta’ gratitudni għal dak kollu li hu għamel f’Ħad-Dingli.  Billi dakinhar fil-parroċċa ġiet iċċelebrata wkoll il-festa tal-Madonna tar-Rużarju, wara l-quddiesa Dun Norman mexxa l-purċissjoni bl-istatwa tal-Madonna.

Bħala Kappillan ġdid għal Ħad-Dingli, l-Arċisqof innomina lil Dun Ewkarist Zammit.  Imwieled nhar it-23 ta’ Lulju, 1980, u iben il-parroċċa ġara ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, Dun Ewkarist rċieva l-edukazzjoni tiegħu fil-Kulleġġ Santu Wistin u fil-Fakulta’ tat-Teoloġija fl-Universita’ ta’ Malta.  Ġie ordnat saċerdot nhar it-3 ta’ Lulju, 2008, u fl-ewwel tliet snin tas-saċerdozju wettaq ħidma pastorali fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi fejn kien Viċi Arċipriet.

Il-bidu tal-ħidma pastorali ta’ Dun Ewkarist Zammit bħala ragħaj spiritwali tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli sar nhar il-Ħamis, 8 ta’ Diċembru, 2012, festa tal-Immakulata Kunċizzjoni.  Fid-9.00 a.m., il-Kappillan il-ġdid ħareġ mill-bini taċ-Ċentru Parrokkjali u akkumpanjat minn familjari, membri tal-kleru u mill-banda tal-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħad-Dingli beda korteo sal-knisja parrokkjali.  Fi knisja ppakkjata bin-nies, fl-10.00 a.m. bdiet iċ-ċelebrazzjoni ta’ quddiesa tal-okkażjoni mmexxija mill-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawlu Cremona O.P., li matulha Dun Ewkarist Zammit ingħata l-pussess bħala d-39 Kappillan tal-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli.  Wara l-qari tad-digriet tan-nomina mid-Delegat tal-Arċisqof għall-Kleru, Dun Frans Abdilla, il-Kappillan il-ġdid ħa l-ġurament tal-ħatra u ta’ fedelta’ għall-missjoni fdata lilu.  Wara li ffirma għal dak li wiegħed, iffirmaw ukoll iż-żewġ xhieda tiegħu: Monsinjur Louis Camilleri, membru tal-kleru tal-parroċċa, u Monsinjur Vinċenz Deguara, direttur spiritwali fis-Seminarju tal-Arċisqof.  Fl-aħħar iffirma l-Arċisqof, Monsinjur Pawlu Cremona O.P., li ppreżenta lill-miġemgħa l-Kappillan il-ġdid u simbolikament tah l-imfietaħ tal-Knisja.  Wara l-omelija, il-Kappillan ġedded il-wegħdiet li għamel fl-ordinazzjoni saċerdotali tiegħu u saret iċ-ċerimonja simbolika li turi kif il-Kappillan il-ġdid ser iħaddem il-missjoni pastorali tiegħu.  Dan sar b’purċissjoni fil-knisja b’waqfiet ħdejn it-tabernaklu, il-konfessjonarju, il-fonti tal-Magħmudija, id-daqq ta’ tokki tal-qanpiena l-kbira u l-ambone. Wara diskors ta’ merħba mill-Moderatur tal-Kunsill Pastorali Parrokkjali, is-Sur Anthony Saliba, segwa mument kommoventi għall-poplu ta’ Ħad-Dingli.  Waqt il-kant tal-antifona Virgo Prudentissima, Dun Ewkarist niżel isellem lill-istatwa titulari ta’ Santa Marija li nħarġet min-niċċa għall-okkażjoni.  

Fl-ewwel messaġġ tiegħu lill-poplu ta’ Ħad-Dingli, Dun Ewkarist Zammit kiteb hekk: “Jiena, bħala Kappillan, għandi wkoll ix-xewqat tiegħi. Kemm nixtieq li fil-parroċċa, nkunu flimkien bejnietna bħala familja waħda, ngħixu bħal aħwa, inħobbu u nirrispettaw lil xulxin. X’ hemm isbaħ min dan? Bħala nsara, mhux hekk għandna nġibu ruħna bejnietna? J’ Alla din ix-xewqa ma tibqax biss tiegħi jew tal-ftit imma ssir ta’ kulħadd.  Żgur li kull min għandu rieda tajba f’qalbu, dan huwa l-ideal li joħlom li jara fil-parroċċa tagħna . . .  nixtieq li f’dawn il-mumenti niltaqa’ magħkom ilkoll, ħalli mhux biss insiru nafu aktar lil xuxlin, imma wkoll naraw kif flimkien nistgħu nsaħħu aktar din il-familja sabiħa tagħna.   Għalhekk, ejjew ħa nkunu flimkien!!!” (Il-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli tiċċelebra: Novembru – Diċembru 2011)

Fl-okkażjoni tal-bidu tal-ħidma pastorali tiegħu, il-Kappillan il-ġdid kellu laqgħat mal-Kunsill Lokali, mar-Rettur u l-Komunita’ Salesjana, mad-diriġenti tal-każini u mal-membri tal-għaqdiet.  Hu żar lill-anzjani rikoverati fid-djar residenzjali, lill-morda fl-isptarijiet u lit-tfal li jattendu l-Kulleġġ San Nikola, Skola  Primarja Ħad-Dingli.

L-Uffiċċju Parrokkjali jibda jopera minn post ġdid

Iċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa għandu kamra b’entratura separata dedikata għall-uffiċċju parrokkjali.  Kif imħabbar fl-inawgurazzjoni taċ-ċentru, nhar l-1 ta’ Mejju 2011, l-uffiċċju parrokkjali kellu jibda jopera minn hawnhekk f’Ottubru 2011.  Fil-fatt hekk ġara u wara jiem ta’ xogħol minn grupp ta’ voluntiera biex sar it-trasferiment mid-Dar Parrokkjali, fejn kien jinstab, l-uffiċċju parrokkjali beda jaħdem miċ-ċentru parrokkjali min-nhar il-Ġimgħa, 14 ta’ Ottubru, 2011.  Inbidlu wkoll il-ħinijiet tal-ftuħ, bil-ħsieb li l-parruċċani jkunu moqdija aħjar.

Ħinijiet tal-Ftuħ: It-Tlieta: 10.00 a.m. - 12.00 p.m.
l-Erbgħa 4.30 p.m. -   7.00 p.m.
Il-Ħamis 10.00 a.m. -  12.00 p.m.; u
4.30 p.m. - 6.00 p.m.

Tel: 2145 4634
Posta elettronika:
parrocca.dingli@maltadiocese.org
Sit elettroniku: www.dingliparish.com
Facebook: Parroċċa Had-Dingli

Żewġ pellegrinaġġi b’attendenza numeruża

Bħala parti mill-programm ta’ attivitajiet għall-pussess tal-Kappillan il-ġdid, nhar il-Ħadd 27 ta’ Novembru, 2011, ġie organizzat pellegrinaġġ għall-gżejjer ta’ San Pawl.  F’dan il-post, li miegħu tradizzjonalment huwa marbut l-għeruq tal-fidi tal-poplu Malti, il-Kappillan Dun Ewkarist Zammit iċċelebra l-quddiesa. F’riġlejn statwa imponenti ta’ San Pawl, saret ukoll l-istqarrija tal-fidi biex dawk preżenti jiġġeddu bħala mgħammdin fil-mixja wara Ġesu’, is-salvatur tagħna.  Wara l-pellegrinaġġ kellna waqfa għall-kafe’, u xi ħaġa tajba ma naqsitx ukoll!

Nhar l-Erbgħa 6 ta’ Ġunju, 2012, il-parroċċa tagħna organizzat pellegrinaġġ Marjan għas-Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, f’Għawdex.  Dakinhar mill-parroċċa tagħna konna preżenza sabiħa ta’ madwar 100 ruħ, fejn l-ewwel ħadna sehem u animajna quddiesa u wara ġeddidna l-imħabba tagħna lejn l-Omm tagħna tas-sema permezz tat-talba tar-Rużarju.  F’din it-talba, inġabret ix-xewqa tagħna, biex Marija tkompli tbierek u tħares il-familji tal-parroċċa tagħna.  

‘Marjam’ – Wirja tal-Ġimgħa Mqaddsa organizzata mill-Abbatini

Il-grupp tal-abbatini fi ħdan il-parroċċa, ħarġu bl-inizzjattiva li jorganizzaw għall-ewwel darba wirja marbuta maż-żmien tal-Ġimgħa Mqaddsa.  Bħala post biex jospita l-wirja, intgħażlet il-kappella ta’ Santa Marija Maddalena, fuq l-irdum.  Kien proprju minħabba f’hekk li l-wirja ngħatat l-isem ‘Marjam’, tifkira tal-mod kif Ġesu’ sejjaħ lil Marija ta’ Magdala wara li qam mill-mewt. 

Il-wirja giet inawgurata mill-Kappillan Dun Ewkarist Zammit nhar l-1 ta’ April, 2012, fi tmiem quddiesa li ġiet iċċelebrata fuq iz-zuntier tal-istess kappella.

Mal-kwadru titulari mill-isbaħ li juri l-laqgħa ta’ Kristu Rxoxt ma’ Marija ta’ Magdala, fil-wirja kien hemm esebiti tliet settijiet ta’ vari tal-Ġimgħa l-Kbira, kif ukoll oġġetti oħra relatati.  Dawn kienu ġentilment mislufa minn residenti Dinglin u minn xi individwi minn barra ir-raħal.
Il-wirja baqgħet miftuħa sa nhar il-Ġimgħa l-Kbira, is-6 ta’ April, fejn kienu bosta l-Maltin u t-turisti li żaruha. Il-qofol intlaħaq nhar Ħamis ix-Xirka filgħaxija meta l-wirja nżammet miftuħa sa tard bil-lejl, ikkumplimentata b’dawl artificjali li xegħel il-faċċata tal-kappella b’lewn vjola u għexieren ta’ fjakkoli fil-madwar. Ma naqasx l-involviment u l-ħeġġa ta l-abbatini li taw spjega ċara ta’ dak kollu li kien esebit, lil dawk li attendew.

Il-Kor Parrokkjali Regina Coeli ikanta barra minn Ħad-Dingli

Kif għadda l-pussess tal-Kappillan Dun Ewkarist Zammit u minnufih wara l-festi tal-Milied u tal-ewwel tas-sena, il-Kor Parrokkjali Regina Coeli sab ruħu mpenjat ikanta fil-funzjoni tal-pussess ta’ Dun Norman Zammit bħala Kappillan tal-Parroċċa tal-Imsida. Il-jum kien il-Ġimgħa 6 ta’ Jannar, 2012, solennita’ tal-Epifanija tal-Mulej. Taħt id-direzzjoni ta’ Mro James Chappell ALCM LLCM, Maestro di Cappella tal-parroċċa ta’ Ħad-Dingli, il-kor flimkien ma’ numru ta’ solisti u l-orkestra, esegwixxa fost l-oħrajn il-mużika ċelebrattiva tal-parroċċa Misidjana, inkluż il-famuża Antifona u l-Innu Popolari lil San Ġużepp, it-tnejn kompożizzjoni  ta’ Carmelo Zammit. L-eżekuzzjoni tagħhom intlaqgħet b’entużjażmu kbir tant li l-kor reġa’ kien mistieden fl-Imsida biex ikanta fil-festa liturġika ta’ San Ġużepp, nhar it-Tnejn 19 ta’ Marzu, 2012.  Għal din l-okkażżjoni, b’rispett ukoll lejn il-wirt mużikali li Carmelo Zammit ħalla lill-parroċċa tal-Imsida, il-mużika kollha dakinhar kienet proprju ta’ Mro Zammit, inkluż il-famuża quddiesa Cor Jesu orkestrata għall-okkażjoni minn Mro Chappell.  Mistiedna speċjali kienu propju ulied Mro Zammit, li apprezzaw ferm dan il-ġest.

Nhar il-Ġimgħa 20 ta’ April, 2012, il-kor kien mistieden ikanta fil-ftuħ tal-Festival tar-Rebbiegħa li sar fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, f’Ħal Qormi. Din kienet it-tieni darba li l-Kor Regina Coeli kanta fil-parroċċa Ġorġjana, wara li kien ta sehemu fil-festi ċentinarji tal-2003.  Billi l-kor huwa wieħed liturġiku, f’din is-serata kanta diversi siltiet b’tema reliġjuża, fosthom Jerusalem ta’ Sir Hubert Parry,  Ascendat Ad Te Domine u Salve Regina ta’ James Chappell, Ave Maria ta’ Gounod, Ecce Sacerdos ta’ Edward Elgar, Sancta Maria ta’  Johannes Schweitzer, La Vera Gioia ta’ Marco Frisina u siltiet oħra. Kantaw solisti Rachel Powell, Rachelle Vassallo u Matthew Chappell.

Ġunju ppreżenta opportunita’ unika għall-kor, meta nhar l-Erbgħa 6 tax-xahar ħa sehem f’pellegrinaġġ għas-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu f’Għawdex u kanta waqt il-quddiesa mill-gallerija tal-orgni tal-istess knisja bażilika. Il-kant tal-kor instema’ ferm sabiħ jidwi bl-akkumpanjament tal-orgni maestuż tal-bażilika, li ndaqq mill-organista residenti tal-kor, Nadine Micallef.

Kien imiss il-festa tal-Appostlu Missierna San Pawl li tiġi ċċelebrata fl-ewwel Ħadd ta’ Lulju fil-Kolleġġjata tal-Proto-parroċċa tar-Rabat; parroċċa li magħha, flimkien mal-Imtarfa u l-Imdina, il-parroċċa ta’ Ħad-Dingli tifforma l-Unita’ numru ħamsa. Fuq stedina tal-banda Ċittadina Konti Ruġġieru, il-Kor Regina Coeli kien mistieden biex ikanta innijiet Pawlini flimkien mal-banda Rabtija, li wkoll kienet taħt id-direzzjoni ta’ Mro Chappell.  Dan sar nhar id-29 ta’ Ġunju, 2012, fi tmiem il-programm annwali tagħha li jittella’ fil-pjazza tal-parroċċa tar-Rabat. Quddiem folla li ħonqot kull rokna tal-pjazza, il-kor kanta l-versi mmortali tal-Marcia San Paolo, mużika ta’ Cardenio Botti u versi ta’ P. Cachia, u l-Innu Lil San Pawl, magħruf ukoll bħala ‘Kienet Sejħa’, wara l-ewwel żewġ kelmiet tal-innu, mużika ta’ Vincenzo Ciappara u versi ta’ Dun Frans Camilleri.  Il-kant tal-Kor flimkien mal-Banda, intlaqa’ b’applawsi kbar.

L-appuntamenti għal Kor Regina Coeli barra l-parroċċa ssoktaw f’Lulju bi stedina, għal darb’oħra, mill-parroċċa tal-Imsida, biex il-kor ikanta fil-festa ta’ San Ġużepp li ġiet iċċelebrata fir-raba’ Ħadd ta’ Lulju. L-ewwel appuntament tal-kor kien propju lejlet il-festa, meta kanta waqt it-translazzjoni solenni tar-relikwa u wara l-Primi Vespri, kollha mużika tal-kompożituri Ferdinando u Giuseppe Camilleri. L-għada l-Ħadd filgħodu, nhar il-festa, il-kor kanta l-famuża quddiesa ta’ Camilleri fiċ-ċelebrazzjoni ewkaristika pontifikali tal-festa, kif ukoll l-antifona tant sabiħa Josef Fili David.
Matul dawn il-jiem ta’ Awwissu, il-kor huwa mpenjat bis-sħiħ fiċ-ċelebrazzjonijiet diversi li jwasslu għall-festa ta’ Santa Marija li niċċelebraw f’Ħad Dingli nhar il-Ħadd 19 ta’ Awwissu. Dan huwa wieħed mill-iprem appuntamenti annwali tal-kor f’Ħad Dingli, għalkemm wieħed ma jridx jinsa li l-Kor Regina Coeli  jkun preżenti fil-funzjonijiet liturġiċi kollha.  Meta wieħed iqis li l-membri, id-direttur u l-organista huma kollha volontarji, wieħed ma jistax ħlief jammira l-impenn tagħhom; aktar u aktar meta dan ikun apprezzat u mfaħħar f’parroċċi oħra.