Home Contact
 
150 Sena Fostna
Dingli and its Parish
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Fl-2011 il-Parroċċa ta’ Ħad-Dingli se tfakkar il-150 anniversarju tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija, maħduma fl-injam minn Anton Busuttil fl-1861. Hu fil-ħsieb tal-parroċċa li dan l-anniversarju speċjali jitfakkar b’numru ta’ attivitajiet li jkollhom għanijiet differenti; pastorali, edukattivi u kulturali.

Ftuħ tal-attivitajiet

Il-programm ta’ attivitajiet li jfakkru din il-ġrajja ingħata bidu nhar it-Tnejn 1 ta’ Novembru 2010 filgħaxija, b’Serata Marjana fil-knisja parrokkjali. Intgħażlet din il-ġurnata billi dakinhar il-Knisja Kattolika tfakkar is-60 anniversarju minn meta l-Papa Piju XII ddikjara bħala domma ta’ fidi li l-Madonna wara li temmet il-ħajja fuq l-art ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem. Id-dikjarazzjoni tad-domma tal-Assunta kienet ilha ħafna snin mistennija mill-insara madwar id-dinja. Għal sekli sħaħ, bosta nsara kienu emmnu u fakkru dan l-avveniment straordinarju fil-ħajja tal-Madonna. Iżda baqgħet dejjem ix-xewqa li dan jiġi rikonoxxut b’mod uffiċċjali bħala parti mit-twemmin tal-Knisja Kattolika, ħaġa li seħħet nhar l-1 ta’ Novembru 1950.

F'din is-Serata Marjana ħa sehem il-Kor Parrokkjali Regina Coeli taħt id-direzzjoni ta' Mro. James Chappell u ġej esegwiti melodiji u innijiet magħrufa f'ġieħ Ommna Marija. Il-qofol intlaħaq bil-kant tal-final grandjuż tal-Innu l-Kbir, bis-sehem tas-solisti Rachelle Vassallo u Matthew Chappell, li dis-sena kantaw l-innu fil-festa mal-banda is-Sibt 21 u l-Ħadd 22 t'Awwissu rispettivament.

Fis-Serata Marjana ġie wkoll imħabbar il-logo li se jintuża biex ifakkar dan l-anniversarju mportanti, wara li l-parroċċa kienet niediet kompetizzjoni bi premju biex jintgħażel dan il-logo. Il-logo magħżul huwa disinn ta' Marie Claire Cremona, minn Ħad-Dingli.

Il-Kappillan Rev Norman Żammit ippreżenta wkoll tifkira lill-abbatini li l-aktar għamlu fjuri tal-karti li tradizzjonalment kull sena jintefgħu fuq il-vara hekk kif din tixref fil-bieb tal-Knisja. dan kienu Sylvan Chircop u l-aħwa Joel u Mattias Attard.

Id-diskors tal-okkażjoni sar minn Rev Christopher Caruana OP.

Serata Marjana

L-attivitajiet li jfakkru l-150 anniversarju tal-istatwa titulari tal-parroċċa tagħna għandhom ikomplu b’inizjattivi differenti fix-xhur li ġejjin. Naturalment il-qofol jintlaħaq fil-jiem li jwasslu għall-festa titulari tal-2011, li s-sena d-dieħla se tiġi ċċelebrata nhar il-Ħadd 21 ta’ Awwissu.

Kompetizzjonijiet Oħra

Fil-ġimgħat li ġejjin se jitħabbru kompetizzjonijiet oħra għat-tfal u l-istudenti żgħażagħ, kollha marbuta mat-tema ta’ “Ħad-Dingli u l-Assunta”. Għalhekk tkun ħaġa tajba li dak li jkun jibda jiġbor materjal dwar dan is-suġġett.

Stedina lil min kanta l-Innu l-Kbir

Wieħed mill-isbaħ mumenti fiċ-ċelebrazzjoni tal-festa titulari f’Ħad-Dingli jinvolvi l-kant tal-Innu l-Kbir li l-Kor Parrokkjali Regina Coeli jkanta mal-baned mistiedna lejlet u nhar il-festa.  Dan il-mument jixhed l-għaqda u d-devozzjoni tad-Dinglin lejn il-Madonna. L-Innu l-Kbir fih parti solo li titkanta minn tifel jew tifla. Il-parroċċa qed tagħmel stedina lil dawk kollha li xi darba kantaw il-parti solo fl-Innu l-Kbir, anke meta kien jitkanta bit-Taljan, biex iħallu d-dettalji tagħhom mal-Kappillan, mas-Surmast Direttur tal-Kor Parrokkjali jew ma’ xi membru tal-Kumitat Festa Esterna.  Jistgħu jgħaddu wkoll din l-informazzjoni permezz tal-E-mail. Hemm il-ħsieb li dawn jiġu nvoluti f’waħda mill-inizjattivi li ser ikunu organizzati.

Għal Dinglin li jgħixu barra r-raħal

Nixtiequ li ulied dan ir-raħal li għal raġuni jew oħra qed jgħixu f’lokalitajiet oħra f’pajjiżna jew saħansitra ‘il barra minn Malta jkunu nfurmati bl-attivitajiet li ser ikunu organizzati u fejn possibbli jattendu għalihom. Nafu kemm jinteressahom dak li jiġri f’raħal twelidhom u fil-parroċċa fejn irċevew l-ewwel sagramenti. L-istess għad-devozzjoni li jħaddnu lejn Santa Marija. Għalhekk nixtiequ nistiednu qraba jew ħbieb tagħhom biex jinfurmawhom b’din ix-xewqa tal-parroċċa.  Ikun ta’ pjaċir għalina li jagħmlu kuntatt magħna bl-e-mail jew bil-posta biex jindikawlna fejn nistgħu nibgħatulhom dan it-tagħrif.

Ritratti Antiki

Nistiednu lil dawk li għandhom xi ritratti antiki li għandhom x’jaqsmu maċ-ċelebrazzjoni tal-festa, mal-istatwa titulari ta’ Santa Marija jew mal-knisja parrokkjali ta’ Ħad-Dingli biex ġentilment jisilfuhomna biex nagħmlu kopja tagħhom.

Kif tista’ tgħin

Biex jittella’ programm ta’ attivitajiet u jittieħdu inizjattivi li jfakkru kif jixraq dan l-anniversarju hu meħtieġ ħafna xogħol.  Bil-għajnuna ta’ ħafna, dan ix-xogħol jista’ jinqasam aħjar u l-prodott finali jkun aħjar ukoll.  Għalhekk qed nistiednu lil min jista’ jgħin b’modi differenti biex jagħmel kuntatt mal-parroċċa, skont kif indikat aktar ‘l isfel.  Wieħed jistaqsi, "Kif nista’ ngħin?" Hemm ħtieġa ta’ xogħol ta’ segreterija mid-dar, qari tal-provi, armar, għajnuna fl-organizazzjoni tal-attivitajiet, bejgħ ta’ souvenirs, etc. Kulħadd għandu talenti differenti li bihom jista’ jagħti l-kontribut tiegħu.

Kuntatt

Kull min jixtieq jagħmel kuntatt mal-parroċċa fuq dawn l-inizjattivi jew attivitajiet jista’ juża l-E-mail jew bil-posta fl-indirizz:

Attivitajiet 150 Sena Statwa Titulari
c/o Uffiċċju Parrokkjali,
30, Triq il-Parroċċa,
Ħad-Dingli DGL 1030

Il-wasla tal-istatwa titulari fl-1861 kienet turija oħra tad-devozzjoni tal-poplu ta’ Ħad-Dingli lejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema.  Fil-150 anniversarju minn dik il-ġrajja, aħna fid-dmir li fuq il-passi ta’ missirijietna nġeddu din id-devozzjoni Marjana, waqt li npoġġu lill-Madonna bħala mudell għal ħajjitna biex permezz tagħha nersqu aktar qrib ta’ binha Ġesú.