Home Contact
 
150 Sena Fostna
Dingli and its Parish
   
   
FESTI SPEĊJALI F’ANNIVERSARJU SPEĊJALI

Il-wasla fostna tal-istatwa titulari fl-1861 kienet turija oħra tad-devozzjoni tal-poplu ta’ Ħad-Dingli lejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema.  Fil-150 anniversarju minn dik il-ġrajja, aħna fid-dmir li fuq il-passi ta’ missirijietna nġeddu din id-devozzjoni Marjana, waqt li npoġġu lill-Madonna bħala mudell għal ħajjitna biex permezz tagħha nersqu aktar qrib ta’ binha Ġesu’.

Il-ftuħ tal-attivitajiet

Il-programm ta’ attivitajiet li jfakkru dan l-anniversarju beda nhar it-Tnejn, 1 ta’ Novembru 2010, b’Serata Marjana fil-knisja parrokkjali.  L-għażla tal-ġurnata saret billi dakinhar il-Knisja Kattolika kienet qed tfakkar is-60 anniversarju minn meta l-Papa Piju XII ddikjara bħala domma ta’ fidi li l-Madonna, wara li temmet il-ħajja fuq l-art, ġiet imtellgħa s-sema bir-ruħ u l-ġisem.

Serata Marjana

Fl-introduzzjoni, l-udjenza ngħatat sfond tajjeb tal-iskop tas-serata permezz ta’ feature li fakkar kif fl-2010 l-poplu ta’ Ħad-Dingli fakkar l-ewwel ċentinarju tal-kwadru titulari attwali; xogħol il-pittur Taljan Virginio Monti, u issa qed jagħti bidu għall-attivitajiet li jfakkru l-150 anniversarju tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija.  Il-programm tas-serata kien imsawwar madwar il-kant ta’ diversi innijiet Marjani.  Il-kant ġie ppreżentat mill-Kor Parrokkjali Regina Coeli taħt id-direzzjoni ta’ Mro James Chappell LLCM ALCM akkumpanjat fuq l-orgni mis-Sinjura Nadine Micallef.  Ir-Rev. Christopher Caruana O.P. għamel diskors fejn ippropona numru ta’ riflessjonijiet dwar il-Madonna fil-ħajja tagħna u kif aħna nistgħu nħallu lill-Madonna tkun mudell ewlieni f’ħajjitna.  Matul is-serata nqrat il-poeżija “F’għeluq is-60 sena mid-Domma tal-Assunta” li l-Kavallier Carmel Bianchi kiteb għal din l-okkażjoni.  Saret ukoll il-preżentazzjoni tar-rigali lill-abbatini li l-aktar ħadmu fjuri tal-karti li nhar il-festa 2010 filgħaxija twaddbu mill-gallerija tal-knisja waqt il-ħruġ tal-istatwa titulari.     

Logo kommemorattiv

Fl-istess Serata Marjana tal-1 ta’ Novembru 2010, tħabbar il-logo rebbieħ li qed jintuża biex ifakkar dan l-anniversarju importanti.  Fil-festa tas-sena li għaddiet, il-parroċċa nediet kompetizzjoni għad-disinn ta’ logo biex jitfakkar il-150 anniversarju tal-istatwa titulari.  Minn fost id-disinni sottomessi, ġurija indipendenti għażlet bħala rebbieħ logo disinjat minn Marie Claire Cremona, żagħżugħa minn Ħad-Dingli li tattendi l-Istitut tal-Arti u d-Disinn fi ħdan il-Kulleġġ Malti għall-Arti, ix-Xjenza u t-Teknoloġija; l-MCAST.

Prezentazzjoni lid-disinjatrici Marie Claire Cremona

Waqt l-istess serata, il-Kappillan Rev. Norman Zammit, ippreżenta tifkira lir-rebbieħa. Kif mitlub fir-regolamenti għall-kompetizzjoni, il-logo magħżul mill-ġurija jinkludi l-kliem “Santa Marija Ħad-Dingli - 150 sena fostna” bid-disinjatriċi tpoġġi l-enfasi fuq il-150 waqt li tinkludi wkoll immaġini tal-istatwa titulari u tal-knisja parrokkjali.       

Ir-rigal lil Ħad-Dingli f’dan l-anniversarju

Il-parroċċa ħasbet li tfakkar il-150 anniversarju tal-istatwa titulari bi proġett  li ma jkunx tal-mument, iżda li jibqa’.  F’dan l-isfond ntgħażel il-proġett taċ-ċentru parrokkjali l-ġdid biex ikun inawgurat f’din is-sena.  Bil-għajnuna t’Alla u tal-Madonna, ix-xogħol tlesta kif pjanat u nhar il-Ħadd 1 ta’ Mejju 2011, l-Arċisqof ta’ Malta, Mons. Pawlu Cremona O.P., inawgura ċ-Ċentru Parrokkjali Familja Mqaddsa.

L-artist Chris Ebejer ma' Mons Arcisqof Cremona

Ma setax jonqos li din il-binja tiżżejjen bi xbieha tal-patruna tal-parroċċa tagħna: Santa Marija.  Fil-fatt, il-parroċċa kkummissjonat lill-artist Chris Ebejer biex joħloq biċċa xogħol ta’ arti fuq dawn il-linji għas-sala prinċipali.  Is-Sur Ebejer ħadem riliev mill-isbaħ fit-terrakotta li juri lill-istatwa titulari tindokra r-raħal ta’ Ħad-Dingli.

L-anniversarju mfakkar fi żmien il-festa . . . Ngħixu l-Istorja

Il-ġrajja tal-1861 meta f’Ħad-Dingli waslet l-istatwa titulari ta’ Santa Marija se tkun qed titfakkar b’avveniment apposta nhar is-Sibt, 13 ta’ Awwissu 2011.  L-istatwa nħadmet ir-Rabat u għalhekk it-tifkira tal-150 anniversarju mill-wasla fostna tal-istatwa ser ikollha rabta ma’ din il-lokalita’.  Fil-fatt, il-Ħamis 11 ta’ Awwissu filgħaxija, l-istatwa se tittieħed b’mod privat fil-knisja ta’ Sidtna Marija tal-Għar fir-Rabat, immexxija mill-patrijiet Dumnikani.  Forsi jkun hawn min jistaqsi għaliex intgħażlet din il-knisja.  It-tweġiba hi ċara; kemm għaliex il-post hu Santwarju Marjan kif ukoll għaliex hemm rabta storika bejn din il-knisja u l-istatwa titulari ta’ Ħad-Dingli.  Fil-fatt,  fl-1934 meta sar l-ewwel intervent ta’ restawr u induratura mill-ġdid tal-istatwa, mill-Birgu l-istatwa ttieħdet ir-Rabat fejn        inżammet mgħottija fil-knisja tal-Madonna tal-Għar, qabel ma qabdet triqitha lejn Ħad-Dingli.  Fit-tieni induratura, fl-1978, mill-Imdina l-istatwa ttieħdet sa ħdejn din l-istess knisja u minn hemmhekk twasslet sa Ħad-Dingli akkumpanjata minn carcade ta’ karozzi.

150 sena tal-vara titulari
 
Nhar il-Ġimgħa 12 ta’ Awwissu 2011, kulħadd qed ikun mistieden jitlob bl-interċessjoni ta’ Santa Marija, patruna speċjali tal-ġżejjer Maltin.  Dakinhar, iċ-ċelebrazzjoni tal-quddiesa ta’ filgħaxija ser issir fil-knisja tal-Madonna tal-Għar fir-Rabat, fil-preżenża tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija.  Il-quddiesa tibda fis-6.30 p.m.  Wara, fis-7.30 p.m. tibda velja ta’ talb li tinkludi l-funzjoni tal-Kwindiċina u fit-tmiem tingħata l-Barka Sagramentali.  Għall-benefiċċju ta’ dawk li ma jistgħux ikunu preżenti, kemm il-quddiesa kif ukoll il-velja ta’ talb se jixxandru fi trasmissjoni diretta fuq Radju Marija.         

L-għada, is-Sibt 13 ta’ Awwissu 2011, hi l-ġurnata li se tfakkar il-150 sena mill-wasla fostna tal-istatwa titulari ta’ Santa Marija. Fis-6.00 p.m. l-istatwa titulari taqbad triqtha mir-Rabat lejn Ħad-Dingli akkumpanjata minn carcade ta’ vetturi.  Min se jieħu sehem fil-carcade għandu jsegwi l-istruzzjonijiet li se jinħarġu mill-Uffiċċju Parrokkjali u jikkoopera mal-Pulizija.  Sadanittant, il-poplu kollu ta’ Ħad-Dingli hu mistieden biex jinżel ħdejn l-iskola primarja biex jagħti merħba lill-istatwa għażiża ta’ Santa Marija, lura fir-raħal tagħna. L-istatwa mistennija tasal Ħad-Dingli għas-6.15 p.m. fejn minbarra l-merħba tal-poplu tingħata tislima mill-Banda Santa Marija u wara jingħata bidu għal Pellegrinaġġ Marjan sal-knisja parrokkjali li matulu nitolbu flimkien ir-Rużarju.  Mal-wasla fuq iz-zuntier issir il-funzjoni tal-Kwindiċina biex għall-ħabta tas-7.15 p.m. tibda quddiesa tal-okkażjoni ċċelebrata minn fuq iz-zuntier u li se titmexxa minn Mons George Frendo O.P., Isqof Awżiljarju ta’ Tirana-Durres fl-Albanija. 

Mro. James ChappellIl-festa ta’ ġewwa

Apparti t-tifkira nnifisha tal-150 anniversarju tal-istatwa titulari, fit-tfassil tal-programm tal-festa ttieħdu bosta inizjattivi ġodda u l-għaqdiet tal-parroċċa ser ikollhom sehem akbar fiċ-ċelebrazzjonijiet li ser isiru.  F’jiem differenti tal-kwindiċina ta’ Santa Marija ġew mistiedna l-ex-Kappillani ta’ Ħad-Dingli, b’sens ta’ apprezzament lejn is-servizz li huma taw u d-devozzjoni li xerrdu lejn Ommna Marija Mtellgħa s-Sema.  Barra minn hekk, f’żewġ okkażjonijiet speċjali ser ikollna fostna żewġ isqfijiet. 

Kompliet tingħata aktar attenzjoni lil-liturġija, l-aktar lill-kant u l-mużika. Matul il-jiem tat-Tridu, lejlet u nhar il-festa, il-Kor Parrokkjali Regina Coeli u l-orkestra jkunu taħt id-direzzjoni ta’ Mro. James Chappell ALCM LLCM.  Wara li nhar il-festa filgħaxija tas-sena 2010 reġa’ sar it-Tieni Għasar kantat, li kien inqata’ xi snin ilu, għall-festa ta’ din is-sena Mro. Chappell ħa ħsieb jikkomponi l-mużika tal-Introjtu u l-Offertorju propji tas-solennita’ tal-Assunta, kif ukoll l-Antifona tal-Kantiku ta’ Marija għall-Ewwel Għasar. B’hekk il-parroċċa qiegħdha dejjem tersaq aktar qrib lejn il-ħolma li jkollha r-repertorju mużikali tagħha sħiħ għall-jiem tal-festa.

Intant, f’dan l-anniversarju speċjali, nhar il-festa filgħaxija fid-dħul tal-purċissjoni l-Innu l-Kbir ser jitkanta fil-verżjoni oriġinali, jiġifieri bit-Taljan. Mal-kor se jkunu qed jingħaqdu dawk li matul is-snin kantaw il-parti solista tal-Innu l-Kbir, li se jġeddu l-memorja ta’ meta lissnu dawn il-versi ta’ tifħir lil Madonna.

Il-festa ta’ barra

Il-Kumitat Festa Esterna, li hu l-organu tal-parroċċa responsabbli mill-festa ta’ barra f’dak kollu li titlob, ħadem fuq numru ta’ inizjattivi biex dan l-aniversarju jitfakkar kif inhu xieraq.  Minn xahar qabel il-festa, mal-faċċata tal-Knisja twaħħlu s-snin marbuta ma’ dan l-anniversaju: l-1861 u l-2011 li nxtegħlu kull filgħaxija. Saru wkoll bnadar apposta bix-xbieha tal-istatwa titulari u l-logo kommemorattiv, li ttellgħu mal-arbli fit-triq ta’ quddiem il-knisja.    

Il-pittur Paul CassarFil-qasam tal-armar, il-kumitat ħa ħsieb li jsir ir-restawr, iż-żebgħa u l-induratura ta’ żewġ anġli li sal-1934 kienu mal-istatwa titulari. F’dik is-sena, dawn l-anġli li kienu saru mal-istatwa fl-1861, inbidlu ma’ tnejn ġodda.  F’dan l-anniversarju, il-kumitat ħass li għandu jesponi ‘l-anġli oriġinali ta’ mal-istatwa u jarmahom mal-faċċata tal-knisja parrokkjali, fejn diġa jintramaw żewġ anġli żgħar oħra.  Għal dan il-għan, inħadmu erba’ xkafef ġodda tal-injam biex l-anġli jkunu fuq xkafef identiċi u nħiet drapp għalihom.  Ir-restawr tal-anġli u ż-żebgħa u l-induratura tagħhom u tal-ixkafef ġew kummissjonati lill-induratur John Pace minn Marsaxlokk.  Tkompla wkoll ix-xogħol tal-pittura fuq il-bandalori ta’ Triq il-Parroċċa, b’dan ix-xogħol artistiku li juri episodji mill-ħajja tal-Madonna qed jitwettaq mill-artist żagħżugħ Paul Cassar mir-Rabat, Għawdex.  Għall-festa ta’ din is-sena se jiżżanżnu tliet bandalori oħra lesti bil-pittura. Dawn jirrappreżentaw il-viżitazzjoni, it-tieġ ta’ Kana u l-għerusija tal-Madonna ma’ San Ġużepp.

Apparti l-armar u t-tiżjin tat-toroq ta’ Ħad-Dingli fl-okkażjoni tal-festa, il-Kumitat Festa Esterna hu responsabbli wkoll għas-servizzi tal-baned u l-logħob tan-nar; żewġ aspetti li tant jagħtu kulur lill-festa Maltija.  Il-baned mistiedna mill-Kumitat Festa Esterna huma l-Għaqda Mużikali Santa Marija ta’ Ħad-Dingli, il-Banda Konti Ruġġieru tar-Rabat, il-Banda Peace tan-Naxxar u l-Għaqda Mużikali San Ġorġ Martri ta’ Ħal Qormi.  Bejniethom dawn il-baned huma kkummissjonati biex idoqqu ħames servizzi li jinkludu d-daqq ta’ marċi brijużi, żewġ programmi mużikali u akkumpanjament fil-purċissjoni bl-istatwa titulari nhar il-festa. 

Għat-tielet sena konsekuttiva, il-logħob tan-nar tal-art u tal-ajru li se jinħaraq fl-aħħar tliet ijiem tal-festa filgħaxija nxtara kollu mingħand l-Għaqda tan-Nar 23 t’April ta’ Ħal-Qormi li ta’ kull sena tħejji spettaklu pirotekniku kbir għall-festa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi stess.  Għal dawk li jħobbu n-nar u se jattendu għall-wirja piroteknika tas-Sibt, 20 ta’ Awwissu filgħaxija, minħabba l-bini li tela’ fi Triq il-Maddalenanissuġġerixxu li jsegwu l-logħob tan-nar tal-ajru li se jinħaraq għall-ħabta tal-10.45 p.m. mill-parti t’isfel ta’ dawn it-toroq: il-Mitħna, il-Qawsalla u s-Sależjani. Wara, jitilgħu fi Triq il-Maddalena għall-ħruq tal-logħob tan-nar tal-art li bħas-soltu se jinħaraq minn quddiem iċ-ċimiterju.  Il-Kumitat Festa Esterna jieħu l-okkażjoni jrodd ħajr lill-Kunsill Lokali li meta ngħatat wiċċ ġdid bit-tarmak iż-żona ta’ quddiem iċ-ċimiterju, bħala parti mill-proġett ħa ħsieb jagħmel tappieri ġodda tal-ħadid għan-nar tal-art.

Għall-ewwel darba wkoll, l-għada tal-festa se tiġi organizzata inizjattiva flimkien bejn il-kappillani ta’ Ħad-Dingli u l-Imġarr, iż-żewġ parroċċi f’Malta ddedikati lill-Assunta li jiċċelebraw il-festa Ħadd fuq il-15 ta’ Awwissu.  F’nofsinhar il-kappillan ta’ Ħad-Dingli, Rev. Norman Zammit, u l-kappillan tal-Imġarr, Rev. Antoine Borg, ser inkunu fil-bajja tal-Ġnejna fejn flimkien se jmexxu t-talba tal-Angelus u wara jiltaqgħu mal-parruċċani li jkunu qed jiċċelebraw ix-xalata tal-festa.

 

Il-Knisja parrokkjali armata ghall-festa

 

L-għeluq tal-attivitajiet

Il-programm ta’ attivitajiet li jfakkar dan l-anniversarju jiġi fi tmiemu f’Novembru li ġej.  Nieħdu l-okkażjoni nħeġġu lir-residenti kollha ta’ Ħad-Dingli jieħdu sehem f’dawn l-attivitajiet kommemorattivi.  Nixtiequ wkoll li ulied dan ir-raħal li għal raġuni jew oħra qed jgħixu f’lokalitajiet oħra f’pajjiżna jew saħansitra ‘il barra minn Malta jkunu nfurmati bl-attivitajiet u fejn possibbli jattendu għalihom.  Nafu kemm jinteressahom dak li jiġri f’raħal twelidhom u fil-parroċċa fejn irċevew l-ewwel sagramenti.  L-istess għad-devozzjoni li jħaddnu lejn Santa Marija. Għalhekk nixtiequ nistiednu qraba jew ħbieb tagħhom biex jinfurmawhom b’din ix-xewqa tal-parroċċa.  Ikun ta’ pjaċir għalina li jindikawlna fejn nistgħu nibgħatulhom dan it-tagħrif billi jagħmlu kuntatt magħna bl-e-mail: dingli150@gmail.com jew bil-posta fl-indirizz:

Attivitajiet 150 sena statwa titulari,
c/o Uffiċċju Parrokkjali,
30, Triq il-Parroċċa,
Ħad-Dingli
DGL 1030.