Home Contact
 
Festa Santa Marija
Giuseppe Cali’
   
Ahbarijiet u Features
Il-Qanpiena tal-1762
Is-Seminarista Carmelo Camilleri
It-Tabernaklu
Zewg Centinarji
Legjun ta' Marija 50 Sena Fostna
San Gwann tas-Sagristija
l-Istatwa Polikroma tal-Battista
Il-Progett tal-Knisja
Il-Vara ta' Santa Marija
150 Sena tal-Vara Titulari
Apprezzament Artistiku tal-Vara
Il-Qniepen tal-Parrocca
Il-Kungress u l-Artal Maggur
Kumm. Parrok. Tfal
L-Assunta fit-Toroq Taghna
   

Il-100 Sena tal-Inkwadru ta' San Ġużepp u l-Gallerija tal-Orgni

L-2012 timmarka l-ewwel ċentinarju ta’ żewġ xogħlijiet sbieħ li għandha l-parroċċa ta’ Ħad-Dingli: inkwadru ta’ San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu’ u l-gallerija tal-orgni. Wara riċerka fl-Arkivju Parrokkjali, f’dan l-artiklu SAVIO D. BORG jagħti tagħrif dwarhom.  

Mitt sena sena ilu, l-artist Malti Giuseppe Cali’ ġie kkummissjonat biex ipitter inkwadru ta’ San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu’ għal artal ġdid fil-knisja parrokkjali.  Fl-istess żmien, is-saċerdot Żebbuġi Dun Ġużepp Gatt ħallas għall-artal tal-irħam.  L-aħwa Vinċenz u Ġorġ Abela minn Ħad-Dingli kienu l-benefatturi ta’ dan l-inkwadru kif tixhed il-kitba fit-tarf tal-pittura.

San Ġużepp ta' Giuseppe Cali'F’dan l-inkwadru, is-suġġett huwa wieħed komuni; San Ġużepp flimkien mat-tfajjel Ġesu’, mexjin.  San Ġużepp ġie mpitter bil-kuluri tradizzjonali li bih jiġi ppreżentat, filwaqt li t-tfajjel Ġesu’ jidher b’libsa ħamra, il-kulur divin irjali.  San Ġużepp, bħala l-missier putattiv ta’ Ġesu’ jidher b’idu x-xellugija fuq spallejn it-tfajjel b’ħarsa paterna li qed tiltaqa’ ma’ dik tat-tfajjel Ġesu’.  F’idejh il-leminija qed iżomm il-ħatar li fit-tarf tiegħu jidher il-ġilju, simbolu tas-safa’ tal-qaddis. Fl-isfond tidher dar ċkejkna; dehra trankwilla u serena. L-inkwadru għandu l-firma ta’ l-artist Giuseppe Cali u taħtha s-sena meta tpitter: 1912. 

Kif ħalla miktub il-kappillan ta’ dak iż-żmien, Dun Vinċenz Curmi, (Reġistru tal-Magħmudijiet; Vol. 8, pġ. 109), l-inawgurazzjoni tal-artal u tal-inkwadru ta’ San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu’ saret nhar it-8 ta’ Jannar, 1913.  Xi snin ilu minflok l-inkwadru tpoġġiet statwa ta’ San Ġużepp u l-inkwadru jinsab fid-Dar Parrokkjali. F’għeluq il-100 sena tiegħu, l-inkwadru msemmi, matul il-jiem tal-festa, se jkun espost fin-niċċa tal-Assunta. 

L-inkwadru sabiħ ta’ San Ġużepp bit-tfajjel Ġesu’ hu l-uniku xogħol tal-artist magħruf Giuseppe Cali fil-parroċċa ta’ Ħad-Dingli. Dan il-pittur prolifiku Malti twieled il-Belt Valletta fl-14 ta’ Awwissu, 1846, iben Rafel u Giovanna Padiglione. Studja fl-Accademia delle Belle Arti f’Napli fejn bħala mgħallem kellu lil Giuseppe Mancinelli. Mar-ritorn tiegħu f’Malta, intefa f’ħidma sfiqa, tant li x-xogħol tiegħu ssibu f’ħafna knejjes u djar privati. Kien jaħdem b’imħabba u b’ħeffa kbira tant li kien magħruf bħala ‘ix-xitan tal-pinżell’. Fi żmienu l-artisti Maltin ma tantx kienu apprezzati u ftit kienu jingħataw kummissjonijiet; kienet epoka fejn l-artisti barranin speċjalment dawk Taljani kienu jiġu ppreferuti. Biss Cali’, wera li l-artist Malti hu kapaċi daqs il-barrani. Fost l-aneddoti marbuta ma’ dan l-artist, insibu dak ta’ kif irnexxielu jieħu l-kummisjoni biex ipitter l-inkwadru ta’ San Duminku għall-Bażilika ta’ Portu Salvu u San Duminku, il-Belt.  Meta ippreżenta l-abbozz, bħala nome-de-plume niżżel SPQR. Meta ġew biex jagħżlu minn fost l-abbozzi, tiegħu ġie magħżul u ħasbu li kien xi pittur Ruman li ppreżentah! Fost ix-xogħllijiet tiegħu insibu; il-Mewt ta’ Dragut li tinsab fil-Mużew tal-Arti, il-Belt; l-Apotheosis ta’ San Franġisk fil-knisja ta’ San Franġisk il-Belt li huwa l-ikbar inkwadru f’pajjiżna; it-titular tal-Assunta, il-Qrendi; it-titular ta’ San Lawrenz fir-raħal ta’ San Lawrenz; it-titular tal-Qalb ta’ Ġesu’, il-Fontana; l-Evanġelisti fil-knisja parrokkjali ta’ Bormla; il-koppla tal-knisja parrokkjali ta’ Ħal Lija; is-saqaf u l-koppla tal-Bażilika ta’ Portu-Salvu u San Duminku, il-Belt; u ħafna inkwadri oħra mxerrda ma’ Malta kollha. Skont l-inventarju miġbur mill-qarib tiegħu, l-artist Rafel Bonnici Cali’, matul il-ħajja artistika tiegħu hu għamel xejn inqas minn 621 biċċa xogħol ta’ arti.  Cali’ kien miżżewweġ lil Perennia Pace u kellhom għaxar ulied.  Miet fl-1 ta’ Marzu, 1930 u hu meqjus bħala wieħed mill-aqwa pitturi Maltin ta’ kull żmien.

Il-Gallerija tal-Orgni

Mitt sena ilu ukoll ġiet inawgurata l-gallarija tal-orgni.  F’kitba li l-Kappillan Dun Vinċenz Curmi ħalla fir-Registru tal-Magħmudijiet (Vol. 8, pġ. 97) dwar dan l-avveniment insibu li x-xogħol tal-injam sar minn Ġużeppi Ciappara u Franġisku Tonna imlaqqam ‘in-Nazet’ mir-Rabat.  L-orgni ġie trasportat mill-kor tal-knisja, fejn kien ilu hemm sa mill-1903, għall-post il-ġdid minn Dun Pawlin Mifsud mill-Mosta, mgħejjun minn Dun Pawl Azzopardi.  Mifsud immodifika wkoll il-mekkaniżmu tal-orgni kif ukoll żied xi reġistri.  Sfortunatament dan l-orgni ma tantx kellu ħajja twila; regolarment kien ikollu bżonn tiswija, u wara xi snin ittieħdet id-deċiżjoni li jitneħħa. Diversi benefatturi għenu biex din l-opra ssir. Intgħażlet il-ġurnata tal-festa ta’ San Alwiġi, fit-13 ta’ Lulju, 1912, biex tiġi inawgurata l-gallarija tal-orgni. F’dawk iż-żminijiet il-festa ta’ San Alwiġi kienet issir bil-pompa kollha u għalhekk intgħażlet dik il-ġurnata.  Sentejn qabel, kienu żanżnu statwa ġdida tal-imsemmi qaddis, xogħol Ġużeppi Cilia, l-aqwa aljiev ta’ Karlu Darmanin.

Għaddew mitt sena minn fuq dawn l-opri ta’ arti li ħallewlna missirijietna. Jalla mitt sena oħra u aktar, ulied uliedna jkomplu jgawdu u jikkonservaw dak li aħna ġejna mislufa mill-antenati tagħna.

---

Dan l-artiklu ġie ppublikat fil-programm tal-Festa ta' Santa Marija 2012

© Parroċċa ta' Ħad-Dingli u l-awtur.